Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Għotja ta’ Darba – Dipartimenti tal-Gvern

Ħarsa ġenerali

Sabiex tiġi implimentata waħda mill-miżuri identifikati fil-Baġit tal-2023, il-Prim Ministru, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, fasslu l-Iskema li ġejja, biex tipprovdi għotja ta’ darba għal persuni li qabel ma’ daħlu uffiċjalment fis-servizz pubbliku wara s-16 ta’ Jannar, 1979, għamlu xi żmien jaħdmu f’dipartimenti tal-Gvern qabel l-1979, iżda mhux bħala uffiċċjali pubbliċi.

Din l-applikazzjoni hija ndikata ukoll għal dawk il-persuni li kienu jaħdmu fl-apprentistat f’xi Dipartiment tal-Gvern qabel 1979, iżda mhux bħala uffiċċjali pubbliċi.

Tifsir

“perjodu effettiv” tfisser il-perjodu bejn id-data ta’ meta l-applikant/a daħal / daħħlet uffiċjalment fis-servizz pubbliku u d-data tal-irtirar mill-istess servizz pubbliku.

“il-perjodu ta’ kwalifika” tfisser il-perjodu mhux interrott li applikant/a għamel / għamlet fis-servizz pubbliku mhux bħala uffiċjal pubbliku u li jibda f’xi żmien qabel l-1979 u jintemm mal-ewwel ħatra uffiċjali bħala uffiċjal pubbliku wara s-16 ta’ Jannar 1979.

X’se tingħata

Din l-iskema hija marbuta maż-żmien li persuna tkun għamlet fis-servizz pubbliku wara li tkun ħadet il-ħatra uffiċjalment sakemm ġiet biex tispiċċa minn mal-Gvern.

Għalhekk, din l-għotja tingħata skont in-numru ta’ snin li persuna tkun għamlet taħdem fis-servizz pubbliku bħala uffiċjal pubbliku wara s-16 ta’ Jannar 1979.

Il-ħlas tal-għotja jsir biss għal dawk l-applikazzjonjijiet li jikkwalifikaw u li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din l-Iskema.

L-ammont tal-għotja għandu jitħallas lill-applikant/a permezz ta’:

  • Ċekk li jintbagħat bil-posta fl-indirizz li jidher fuq il-formola tal-applikazzjoni, jew
  • Jiġi ddepożitat dirett fil-kont tal-bank fejn tiġi ddepożitata l-pensjoni tal-istess applikant/a.

Ebda imgħax m’għandu jiżdied fuq l-ammont tal-għotja dovuta lill-applikant/a. Hija kundizzjoni ta’ din l-Iskema li meta tiġi aċċettata l-għotja, l-applikant/a j/tkun qed j/tirrinunzja għal kull talba oħra u li j/tirtira kull kawża magħmula kontra l-Gvern, Awtorità jew xi entità tiegħu.

L-Iskema tista’ tkun mifruxa fuq għadd ta’ snin, b’sejħiet separati għall-applikazzjonijiet minn żmien għal żmien. Kull sejħa tkun kull darba suġġetta għall-proċess ta’ verifika.

Eliġibbiltà

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:

  • Din l-iskema tapplika għal perjodu ta’ żmien li applikant/a ħadem /  ħadmet fis-servizz pubbliku matul il-perjodu effettiv, immedjatament wara li spiċċa/t l-perjodu ta’ kwalifika. L-applikant/a huwa / hija intitolat/a għall-għotja ta’ darba għas-servizz mogħti matul il-perjodu effettiv.
  • Din l-iskema tapplika għal individwi residenti f’Malta li servew f’dipartimenti tal-Gvern matul il-perjodu ta’ kwalifika, u li immedjatament kif intemm dan il-perjodu ta’ kwalifika, ħadmu fis-servizz pubbliku matul il-perjodu effettiv.
  • L-Iskema tapplika wkoll għall-eredi ta’ dawk l-individwi eliġibbli skont il-kundizzjonijiet tal-Iskema u li jkunu mejta meta ssir l-applikazzjoni għall-għotja taħt din l-Iskema.
  • L-Iskema ma tapplikax għal dawk l-individwi li jirċievu, jew għandhom id-dritt li jirċievu, pensjoni skont l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet (Kap. 93.), l-Att dwar il-Pulizija (Kap. 164.) u l-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta (Kap. 220.).

Kif tapplika

Persuni li applikaw taħt l-iskemi mxandra fl-2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 u rċevew pagament/i għax kienu eleġibbli, m’għandhomx għalfejn jerġgħu japplikaw taħt din l-iskema.

Iżda f’każ ta’ mewt ta’ applikanti eliġibbli jew inkella ta’ eredi awtorizzat/a, li kienu rċevew pagament/i taħt l-iskemi mxandra fl-2017, 2018, 2019,  2020, 2021 u 2022, trid issir applikazzjoni mill-ġdid taħt din l-Iskema mill-eredi awtorizzat/a.

Applikanti ġodda li jikkwalifikaw skont il-perjodu ta’ kwalifika, inkluż l-eredi fejn hu applikabbli, jistgħu japplikaw għall-għotja fir-rigward tas-servizz mogħti matul il-perjodu effettiv.

Applikazzjonijiet taħt din l-Iskema għandhom isiru fuq il-formola tal-applikazzjoni murija fl-Iskeda ma’ din l-Iskema u għandu jkun fihom it-tagħrif u d-dettalji kollha kif meħtieġ fl-imsemmija formola u skont din l-Iskema.

Fil-każ ta’ applikazzjonijiet magħmula f’isem persuna mejta għandha ssir applikazzjoni mill-eredi. F’każ li jkun hemm aktar minn eredi wieħed, trid issir applikazzjoni waħda konġunta mill-eredi. Flimkien mal-applikazzjoni għandha wkoll tiġi ppreżentata dikjarazzjoni magħmula mingħand nutar, li fiha jiġi ddikjarat min huwa/hija/huma l-eredi tal-persuna mejta, liema persuna mejta kienet eliġibbli sabiex tapplika għal din l-Iskema. F’din id-dikjarazzjoni għandu jkun indikat min huwa/hija l-eredi awtorizzat/a li j/tirċievi l-għotja f’isem l-eredi l-oħra. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jirriżerva d-dritt li jitlob għal aktar dokumenti minbarra d-dikjarazzjoni msemmija hawn fuq.

L-applikazzjonijiet għandu jkollhom mehmuża magħhom kull dokument u informazzjoni oħra li tista’ tintalab minn żmien għal żmien mill-Ministru responsabbli għall-Finanzi u x-Xogħol jew mill-Ministru għal Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.

Fil-każ ta’ dawk li japplikaw għal meta kienu apprentisti, flimkien mal-applikazzjoni jrid jintbagħat iċ-ċertifikat li juri li l-kors tal-apprentistat tlesta b’suċċess u jkun iffirmat mill-Ministru tax-Xgħolijiet u l-Ministru tal-Edukazzjoni ta’ dakinhar. Jekk dan iċ-ċertifikat ma jkunx disponibbli għandha tiġi pprovduta il-GP47 li jikkonferma dan.

Applikazzjonijiet taħt din l-Iskema, inklużi d-dokumenti li għandhom jiġu mehmuża mal-applikazzjoni, għandhom jiġu sottomessi sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2023. Tista tniżżel l-applikazzjoni billi tikklikkja hawn.

L-applikazzjoni kompluta għandha tintbagħat jew bil-posta lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, f’38, Triq l-Ordinanza, il-Belt Valletta, VLT 1021; jew billi żżur il-url kuntattdss.gov.mt; jew inkella billi żżur l-eqreb uffiċċju reġjonali ta’ servizz.gov.