Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar
Ħarsa ġenerali
Il-Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar tingħata lil persuna li tkun laħqet l-età tal-irtirar tagħha.
Għal informazzjoni dwar sitwazzjonijiet transkonfinali ikklikkja hawn.
X’ser jingħata
Il-Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar titħallas kull 4 ġimgħat bil-quddiem.
Hemm 3 kategoriji ta’ pensjonijiet li persuna tista’ tirċievi:
- TTP – Pensjoni taż-Żewġ Terzi li hija bbażata fuq il-qligħ relatat skont il-medja tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali.
- RP – Pensjoni ta’ l-Irtirar li hija bbażata fuq rati fissi u li titħallas lir-rikorrenti li jirċievu l-Pensjoni tas-Servizz.
- NMP – Pensjoni Minima Nazzjonali li titħallas lil dawk il-persuni li jħallsu rata baxxa ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.
Għal dawk il-pensjonanti li kienu jirċievu l-pensjoni qabel 2006, u kienu intitolati għal għotja ta’ darba li dak iż-żmien ingħatat mar-rata tal-pensjoni, din iż-żieda għadha tingħatalhom fir-rata ta’ kull sena.
Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Tista’ tagħmel użu minn Kalkulatur online sabiex tagħmel stima tal-intitolament għall-Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar tiegħek.
Eliġibbiltà
Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:
Persuna tista’ tkun eliġibbli għal Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar, jekk il-kriterji li ġejjin ikunu sodisfatti.
- Jekk persuna mwielda:
- Bejn l-1952 u l-1955, l-età tal-pensjoni hija ta’ 62 sena – għal persuni impjegati, il-pensjoni tkun ikkalkulata fuq l-aqwa 3 snin konsekuttivi fl-aħħar 11-il sena. Filwaqt li għal persuni li jaħdmu għalihom infushom (self-employed)/persuni li jimpjegaw lilhom infushom (self-occupied), il-pensjoni għandha tiġi kkalkulata fuq l-aqwa 10 snin kalendarji konsekuttivi fl-aħħar 11-il sena.
- Bejn l-1956 u l-1958, l-età tal-irtirar hija ta’ 63 sena – għal persuni impjegati, il-pensjoni tkun ikkalkulata fuq l-aqwa 3 snin konsekuttivi fl-aħħar 12-il sena. Filwaqt li għal persuni li jaħdmu għalihom infushom (self-employed)/persuni li jimpjegaw lilhom infushom (self-occupied), il-pensjoni għandha tiġi kkalkulata fuq l-aqwa 10 snin kalendarji konsekuttivi fl-aħħar 12-il sena.
- Bejn l-1959 u l-1961, l-età tal-irtirar hija ta’ 64 sena – għal persuni impjegati, il-pensjoni tkun ikkalkulata fuq l-aqwa 3 snin konsekuttivi fl-aħħar 13-il sena. Filwaqt li għal persuni li jaħdmu għalihom infushom (self-employed)/persuni li jimpjegaw lilhom infushom (self-occupied), il-pensjoni għandha tiġi kkalkulata fuq l-aqwa 10 snin kalendarji konsekuttivi fl-aħħar 13-il sena.
- Bejn l-1962 u l-1968, l-età tal-pensjoni hija ta’ 65 sena – għal persuni impjegati, persuni li jaħdmu għalihom infushom (self-employed)/persuni li jimpjegaw lilhom infushom (self-occupied), il-pensjoni għandha tiġi kkalkulata fuq l-aqwa 10 snin kalendarji mill-40 sena sħaħ.
- Fl-1 ta’ Jannar 1969 jew wara, l-età tal-pensjoni hija ta’ 65 sena – għal persuni impjegati, persuni li jaħdmu għalihom infushom (self-employed)/persuni li jimpjegaw lilhom infushom (self-occupied), il-pensjoni għandha tiġi kkalkulata fuq l-aqwa 10 snin kalendarji mill-41 sena sħaħ.
Madankollu, persuna li tagħlaq il-61 sena tista’ tagħżel li tirtira kmieni, sakemm ma jkollhiex xogħol bi qligħ u ħallset il-kontribuzzjonijiet stipulati bejn l-età ta’ 18-il sena u d-data tal-irtirar kif ġej:
- 35 sena, kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali imħallsa jew akkreditati għal persuna li twieldet fis-snin kalendarji 1952 sa 1961. (In-numru totali ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali meħtieġa għal dan il-perjodu huwa ta’ 1820).
- 40 sena, kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali imħallsa jew akkreditati għal persuna li twieldet fis-snin kalendarji 1962 sa 1968. (In-numru totali ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali meħtieġa għal dan il-perjodu huwa ta’ 2080).
- 41 sena, kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali imħallsa jew akkreditati għal persuna li twieldet fis-sena kalendarja fl-1 ta’ Jannar 1969 jew wara, fejn 35 sena mill-kontribuzzjonijiet totali jridu jkunu kuntribuzzjonijiet imħallsa (In-numru totali ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali meħtieġa għal dan il-perjodu huwa ta’ 2132).
Persuna li tagħżel li tirtira kmieni (ta’ 61 sena) jista’ jerġa jkollha xogħol bi qligħ wara li tilħaq l-età tal-pensjoni tagħha kif indikat hawn fuq.
2. Il-persuna kienet impjegata jew taħdem għaliha nnifisha (self-employed) qabel l-irtirar jew l-età tal-pensjoni.
3. Fid-data tal-irtirar/l-età tal-pensjoni, il-persuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali.
4. Il-Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar tingħata mill-ġurnata ta’ wara d-data tal-irtirar/l-età tal-pensjoni.
Dokumentazzjoni meħtieġa
Dokumentazzjoni ġenerali:
- FS3 għas-sena ta’ qabel l-irtirar – eż – sena tal-irtirar 2022 – FS3 2021.
- Pensjonanti li jagħżlu li jirtiraw kmieni fl-età ta’ 61 sena, għandhom jipprovdu wkoll id-data tat-terminazzjoni tal-impjieg minn JobsPlus.
- Impjegati tal-Gvern jista’ jkollhom l-NI 13 diġà mdaħħla fuq is-sistema imma jekk le, huwa meħtieġ ċertifikat ta’ Terminazzjoni ta’ Impjieg.
- Assigura li d-dettalji bankarji tiegħek miżmuma mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huma aġġornati sabiex tirċievi ħlasijiet b’depożitu dirett fil-bank. In-numru tal-IBAN għandu jkun kont lokali tat-Tfaddil jew Kurrenti u mhux Kont ta’ Self. Il-kont indikat għandu jkun f’isem il-benefiċjarju biss. Id-dettalji bankarji jistgħu jiġu aġġornati fuq mySocialSecurity.
Kif tapplika
Tliet xhur qabel l-età tal-irtirar, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jibgħat ittra ta’ notifka lill-pensjonant prospettiv fejn jintalbu kwalunkwe dettalji għall-għoti tal-Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar. Din l-ittra ta’ notifika trid tiġi ffirmata u mibgħuta lura lid-dipartment biex ikun jista’ jitkompla l-proċess biex jinħareġ il-pagament. F’każ li persuna tagħżel li tirtira kmieni għall-pensjoni, trid tapplika hija nnifisha, għax l-ittra ta’ notifka ma tinħariġx fil-każ li persuna tiddeċiedi li tirtira qabel l-età propja tal-irtirar tagħha.
It-talba għall-Pensjoni Kontributorja tal-irtirar trid ssir fi żmien 6 xhur mid-data tal-irtirar/l-età tal-pensjoni. Meta t-talba ma ssirx f’dan il-perjodu, il-pensjoni titħallas b’effett mid-data li fiha tkun saret it-talba.
Imla u ssottometti l-applikazzjoni online.
Għal aktar Inċentivi għal Persuni li jagħżlu li jiddifferixxu l-intitolament tal-Pensjoni tagħhom u jkomplu fl-impjieg ikklikkja hawn.