Logo
Logo
  • MT
  • EN

Benefiċċji Koperti

Il-Benefiċċji tat-Tfal

Benefiċċji għat-tfal għall-familji tal-ħaddiema huma ġeneralment provduti mill-istat tax-xogħol, anke jekk il-familja tgħix fi Stat Membru ieħor. Jekk inkella jkun hemm intitolament f’aktar minn Stat Membru wieħed, ir-regolamenti jinkludu regoli ta’ prijorità li jiddeterminaw min għandu r-responsabbiltà primarja għall-ħlas. Jekk l-effett ta’ dawn ir-regoli ta’ prijorità jistabilixxi rata ta’ benefiċċju aktar baxxa, l-istat b’rata ogħla għandu jħallas suppliment biex jagħmel tajjeb għad-differenza.

Benefiċċju tal-Korriment

Benefiċċji ta’ korriment jew mard relatati max-xogħol huma r-responsabbiltà tal-istat li fih il-ħaddiem ikun impjegat fil-ħin tal-inċident jew il-marda. Regoli aktar kumplessi jkopru d-determinazzjoni tar-responsabbiltà tal-benefiċċji għall-mard okkupazzjonali.

Benefiċċji ta’ Invalidità

Ir-regolamenti fihom żewġ metodi ta’ tqassim tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri għall-ħlas ta’ benefiċċji ta’ invalidità; fil-każ ta’ Malta, ir-responsabbiltà hija mqassma fuq bażi prorata dan iseħħ fejn ir-rata tal-benefiċċju hija determinata mit-tul tal-perjodi tal-assigurazzjoni. Kull Stat iħallas rata ta’ benefiċċju li tirrifletti t-tul tal-assigurazzjoni ta’ min qiegħed jagħmel it-talba taħt l-iskema tiegħu. Il-benefiċċji jitħallsu kullimkien fl-UE, fl-EFTA u fl-Iżvizzera. Pensjoni ta’ invalidità pro-rata titħallas skont l-istess regola ġenerali tal-Proporzjonalità li kienet tapplika għall-Pensjonijiet tal-Irtirar u tarRomol.

Pensjonijiet tal-Irtirar u tar-Romol

Ir-responsabbiltà għall-ħlas tal-Irtirar u tal-benefiċċji tar-romol hija ġeneralment imqassma bejn l-Istati Membri fuq bażi pro-rata. Kull Stat iħallas rata ta’ benefiċċju li tirrifletti t-tul tal-assigurazzjoni ta’ min qiegħed jagħmel it-talba fl-iskema tiegħu. Dan japplika kullimkien fl-UE, fl-EFTA, u fl-Iżvizzera. F’dan il-kuntest, persuna li tkun għexet u ħadmet għal aktar minn sena fi tnejn jew aktar mill-Istati msemmija hawn fuq se titħallas pensjoni proporzjonali għall-perjodi li persuna tkun qattgħet f’dawn l-istati. Għalhekk, jekk pereżempju persuna taħdem 20 sena f’Malta, 15 snin fl-Italja u 5 snin fir-Renju Unit (total ta’ 40-il sena), din il-persuna għandha tieħu pensjoni ta’ mhux inqas minn 20/40 sena tal-ammont teoretiku minn Malta, 15/40 mill-Italja u 5/40 mill-U.K. Dawn l-istati kollha jaħdmu r-rata teoretika sħiħa ta’ pensjoni bħallikieku l-persuna tkun ħadmet l-40 sena kollha hemmhekk.

Ir-Regolamenti l-ġodda ma jipprevedu l-ebda bidla kbira fil-mod kif jiġu kkalkulati d-drittijiet tal-pensjoni.Madankollu, dak li huwa previst huwa l-obbligu għall-Istati Membri kollha li jfasslu infrastruttura tal-IT nazzjonali li, meta tkun konnessa ma’ ċentru ewlieni ospitat mill-Kummissjoni tal-UE, se tippermetti li d-dejta tiġi skambjata elettronikament bejn l-Istati Membri. EESSI (Skambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali), kif din is-sistema hija magħrufa, se tnaqqas drastikament il-proċess tal-għoti ta’ pensjonijiet li jinvolvi l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri.

Benefiċċji tal-Mard

Ir-Regolament fih regoli speċjali dwar il-benefiċċji tal-mard u l-benefiċċji tal-Maternità għall-ħaddiema, il-persuni qiegħda, il-pensjonanti u l-membri tal-familji tagħhom li jirrisjedu jew jgħixu barra mill-pajjiż. Dawn ir-regoli jiddistingwu bejn Benefiċċji ta’ Mard fi flus kontanti u Benefiċċji talMard finnatura (kura medika ta’ emerġenza). L-għoti ta’ dawn il-benefiċċji jista’ jeħtieġ l-aggregazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni magħmula fi Stati Membri oħra. Din hija garanzija li wieħed ma jitlifx il-kopertura tal-assigurazzjoni talmard meta jibdel l-impjieg u jmur jgħix fi Stat ieħor fl-UE.

Bħala regola ġenerali, il-Benefiċċji tal-Mard fi flus kontanti huma dejjem imħallsa skont il-leġiżlazzjoni fejn persuna tkun assigurata, irrispettivament f’liema pajjiż wieħed ikun residenti jew joqgħod, filwaqt li l-Benefiċċji tal-Mard fin-Natura (kura medika ta’ emerġenza) jiġu pprovduti skont il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn wieħed ikun residenti jew joqgħod temporanjament daqslikieku l-persuna kienet assigurata f’dak il-pajjiż. Għal aktar informazzjoni dwar il-provvedimenti ta’ Benefiċċji tal-Mard fin natura, tista’ tikkuntattja lil Health Entitlement Unit fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa (www.ehealth.gov.mt) fuq Tel:(356) 2299 2345/6.

Benefiċċju tal-Qgħad

l-istat tal-aħħar impjieg huwa ġeneralment responsabbli biex jipprovdi l-benefiċċji tal-qgħad. Dan l-Istat tal-aħħar jaggrega l-perjodi ta’ assigurazzjoni magħmula fi Stati Membri oħra sakemm, il-persuna kienet impjegata bejn id-data tal-wasla f’dak l-Istat u d-data tal-ewwel reġistrazzjoni għax-xogħol.

Persuna li tirċievi l-Benefiċċji tal-Qgħad minn stat wieħed tista’ tagħżel li tmur tfittex xogħol fi Stat Membru ieħor. F’dak il-każ, il-benefiċċji tal-qgħad li jkunu rċevew f’dak l-Istat jistgħu jiġu esportati ukoll. Il-persuna li tkun qiegħda tfittex ix-xogħol għandha tinforma lill-istituzzjoni kompetenti għall-ħlas tal-benefiċċji tal-qgħad u dan tal-aħħar għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex ikompli jħallas il-benefiċċji dovuti lil min qed ifittex ix-xogħol, anki il-persuna ma tkunx suġġetta għall-proċeduri ta’ kontroll ta’ dak l-Istat. Madankollu, meta persuna li qed tfittex ix-xogħol tagħżel dispożizzjoni bħal din,  għanduha tkun suġġetta għall-proċeduri tal-impjieg u l-kontroll tal-Istat fejn il-persuna qiegħda qed tfittex impjieg. Il-benefiċċju jista’ jiġi esportat għal perjodu ta’ 3 xhur. Madankollu, jekk l-awtorità kompetenti (tal-Istat li jħallas il-benefiċċji) tkun sodisfatta li dak li qed ifittex ix-xogħol għandu prospetti tajbin li jsib impjieg fl-istat l-ieħor, il-perjodu ta’ 3 xhur jista’ jiġi estiż għal 6 xhur.

Ir-regolamenti l-ġodda introduċew dispożizzjonijiet ġodda għall-ħaddiema tal-fruntiera – persuni li jaħdmu fi Stat Membru wieħed iżda li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor fejn jirritornaw kuljum jew mill-inqas darba fil-ġimgħa. Ir-Regolament il-ġdid jippermetti li ħaddiema tal-fruntiera jistgħju jagħmlu lilhom infushom disponibbli wkoll għas-servizzi tal-impjieg tal-istat li fih wettqu l-aħħar attività tagħhom. Din ir-regola kellha l-għan li żżid il-probabbiltà li dak li qed ifittex xogħol iżid il-probabbiltà li jsib impjieg. F’dan il-każ, l-Istat Membru ta’ residenza jkun responsabbli għall-ħlas tal-Benefiċċji tal-Qgħad. Madankollu, min qed ifittex ix-xogħol għandu jkun obbligat li jikkonforma mal-proċeduri ta’ kontroll u l-obbligi applikabbli f’kull Stat.

 

Rati tal-benefiċċji pagabbli skont ir-Regolamenti tal-UE

Font Resize
Contrast