Site Logo
Site Logo
  • MT
  • EN

Subscribe to stay informed about the latest Social Policy news.

Q

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jiċċelebra l-għeluq l-64 sena (maltese version only)

07/05/2020 | Latest News

7 ta’ Mejju, 1956 – 2020

Fis-7 ta’ Mejju, ta’ 64 sena ilu, il-Parlament Malti għadda l-ewwel liġi fil-qasam tas-solidarjeta’ soċjali. Din kienet il-liġi magħrufa bħala l-Att tas-Servizzi Soċjali li llum sar l-Att tas-Sigurtà Soċjali.

Qabel dan l-Att, kien hemm numru żgħir ta’ liġijiet sparpaljati li ħasbu għal xi taqsimiet mill-popolazzjoni, imma l-Att tas-Servizzi Soċjali ġabar kollox flimkien u ħaseb b’mod ħolistiku fil-popolazzjoni kollha bit-twelid tas-sistema’ ta’ insurance nazzjonali.

Twieled ukoll id-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali li llum huwa d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, il-prekursur ta’ diversi dipartimenti, u entitajiet li llum jaħdmu fil-qasam tas-solidarjeta’ taħt id-diversi kapep tiegħu.

Ta’ kull sena, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jieqaf u jiċċelebra dan l-avveniment. Din is-sena, minħabba r-raġunijiet li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19, qed jitfakkar dan il-jum b’mod differenti mis-soltu.

Madankollu, minkejja dan, kull ħaddiem fil-qasam tas-solidarjeta’ soċjali għandu biex iħossu kburi tal-kontribut li qed jagħti lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Il-pandemija ma waqfitx il-ħidma taghhom fil-qasam tas-solidarjeta’ soċjali. Għall-kuntrarju, ix-xogħol mhux talli ma waqafx, imma żdied fl-oqsma kollha. Żdiedu benefiċċji ġodda, filwaqt li l-benefiċċji tas-soltu ma waqfux. Żdiedu n-nies li għandhom bżonn għajnuna. F’ħafna każijiet, inbidel il-mod kif titwassal din l-għajnuna, imma ħadd ma tħalla lura. U kull tip ta’ għajnuna qed tasal għand min għandu bżonn fi żminijiet rekord.

U kull wieħed u waħda minnhom li jaħdmu f’dan il-qasam huwa importanti ghax kull min ipoġġi mqar ġebla waħda fil-ħajt li jagħti kenn lill-poplu tagħna, qed jagħti s-sehem tiegħu. Ħadd minnhom m’hu se jibni d-dar tal-kenn kollha waħdu, imma flimkien nibnu kenn sod għall-poplu tagħna, speċjalment għal dawk l-aktar li jeħtieguh. Mingħajr daqq ta’ trombi, kull ħaddiem fil-qasam tas-solidarjeta’ soċjali huwa eroj.

Għalhekk, f’din l-okkażżjoni, iżjed minn qatt qabel, kull ħaddiem f’dan il-qasam għandu għax iħossu kburi bil-ħidma tiegħu u f’isem il-poplu Malti u Għawdxi nirringrazzjawhom ilkoll.