Site Logo
Site Logo
  • MT
  • EN

Subscribe to stay informed about the latest Social Policy news.

Q

Id-Dipartiment tas-Siġurtà Soċjali jirċievi rikonoxxenza internazzjonali għall-mod kif ħadem il-benefiċċji tal-COVID-19 (Maltese version only)

19/06/2020 | Latest News, Press Release

Id-diversi miżuri li tnedew mill-gvern biex jilqa’ l-effetti tal-imxija tal-COVID-19 fuq il-ħaddiema u l-ekonomija ngħataw prominenza mill-International Social Security Association (ISSA), l-organizzazzjoni dinjija li tiġbor fiha aġenziji, istituti u dipartmenti governattivi fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

Dan għamlitu f’ġabra ta’ rapporti u analiżi dwar kif diversi pajjiżi rreaġixxew għat-taqlib soċjali u ekonomiku li nislet il-pandemija.

F’rapport dettaljat imtella’ fuq il-website tagħha, l-ISSA fissret il-benefiċċji u l-pakketti ta’ għajnuna li ġew varati mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, permezz tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, u l-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar, permezz tal-Malta Enterprise, biex jgħinu negozji u ħaddiema li ntlaqtu mill-effetti tal-pandemija. Semmiet ukoll il-ħidma li saret biex jitħarsu anzjani, persuni vulnerabbli u persuni b’diżabilità u l-passi li ttieħdu biex jittaffa l-piż tal-kirijiet tal-ħaddiema u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom.

Fir-rapport intqal li l-miżuri li ħadet Malta kkontribwixxu bis-sħih biex il-popolazzjoni tiġi mħarsa mill-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi, u kienu effettivi biex ir-rata ta’ infezzjoni fil-pajjiż tinżamm baxxa. Kompla jfisser li dawn il-miżuri kienu ta’ sostenn għal 100,000 ħaddiem li kellhom l-impjieg tagħhom salvat, u li b’mod jew ieħor żewġ terżi tal-impjegati fis-settur privat irċievew għajnuna finanzjarja.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li wara li pajjiżna ġie  mfaħħar għal dawk il-passi li ttieħdu fis-settur mediku u fis-settur ekonomiku fil-konfront tal-pandemija tal-COVID-19, huwa ta’ sodisfazzjon kbir li pajjizna ġie mfaħħar ukoll għall-passi li ħa fil-qasam soċjali.

Dr Falzon qal li dan ir-rikonoxximent huwa verament, “the jewel in the crown”.

“Tassew inħossni kburi li nifforma parti mit-team kollu li jaħdem f’dan il-qasam, li tant ħadmu sod, b’żieda max-xogħol normali tagħhom,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

F’kumment dwar il-ħidma li saret, l-ISSA stqarret li s-servizz pubbliku Malti kien strumentali f’dan iż-żmien ta’ prova billi kien pront jilqa’ l-isfidi li nħolqu. F’referenza għall-effiċjenża li bih ġew ipproċessati u twasslu l-benefiċċji u l-użu li sar minn mezzi diġitali, l-organizzazzjoni kkummentat li l-esperjenza ta’ din il-kriżi se twassal biex fin-normalità ġdida jkomplu jissaħħu s-servizzi u l-amministrazzjoni b’mezzi elettroniċi, bil-għan li titjib aktar il-kwalità tas-servizzi għal popolazzjoni Maltija.

Dan huwa l-link għal dak li ppubblikat l-Interntional Social Security Association:
https://ww1.issa.int/news/social-security-responses-covid-19-case-malta.​