Is-Sigurtà Soċjali u Kif Taħdem
X’inhi s-Sigurtà Soċjali
L-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) tal-Liġijiet ta’ Malta, jipprovdi għal żewġ skemi bażiċi, jiġifieri l-Iskema Kontributorja u l-Iskema Mhux Kontributorja. Ir-rekwiżit bażiku għall-intitolament taħt l-Iskema Kontributorja huwa li jiġu ssodisfati kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kontribuzzjoni. Fl-Iskema Mhux Kontributorja, ir-rekwiżit bażiku huwa li l-kundizzjonijiet tat-test tal-mezzi jiġu ssodisfati.
Reġistrazzjoni taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali
Storikament, in-numru tar-reġistrazzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħek huwa numru elenkat taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) li permezz tiegħu tħallas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa jagħtuk dritt għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali provduti taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.), soġġett għall-kundizzjonijiet ta’ intitolament li jeżistu għal kull tip ta’ benefiċċju. Aqra iktar.
Kif jaħdmu l-benefiċċji u kif nista’ nikkwalifika?
L-iskema kontributorja f’Malta hija sistema fejn impjegat jew persuna li taħdem għal rasha tħallas kontribuzzjoni ta’ kull ġimgħa kif stabbilit mill-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.). Il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa matul il-perjodu li fih persuna tkun attiva bi qligħ jintużaw biex jiffinanzjaw kontinġenzi li jistgħu jinqalgħu bħal mard, qgħad jew irtirar kif meħtieġ.
L-Iskema Mhux Kontributorja, li oriġinarjament kienet maħsuba biex tilqa’ għal persuni taħt il-‘linja tal-faqar’ fuq medda ta’ snin evolviet fi skema komprensiva b’numru ta’ dispożizzjonijiet li huma magħquda b’tali mod li tip ta’ benefiċċju jissupplimenta ieħor. Dan għamel possibbli l-allokazzjoni ta’ aktar minn benefiċċju wieħed fl-istess ħin u b’hekk ipprovda kopertura simultanja f’dawk il-każijiet fejn ikun hemm aktar minn kontinġenza waħda.
Kif issib aktar għajnuna
Biex issir taf jekk int, jew membru tal-familja, tistax tkun eliġibbli għal benefiċċju jew benefiċċju ogħla, jekk jogħġbok ara l-informazzjoni f’din il-paġna. Tista’ tuża l-kont tal-e-ID tiegħek biex tapplika online għall-benefiċċji, tiċċekkja l-istatus ta’ applikazzjoni jew timmaniġġja l-benefiċċji li diġà tirċievi. Kollha minn kullimkien!
Oħloq il-kont tal-e-ID tiegħek biex taċċessa l-applikazzjonijiet onlajn
Kwalunkwe ċittadin Malti jew detentur ta’ dokument ta’ eResidence li għandu aktar minn 14-il sena, jista’ japplika għal kont tal-e-ID sigur u b’xejn biex ikollu aċċess għal għodod personalizzati permezz tas-servizzi online tas-Sigurtà Soċjali, kemm jekk tirċievi benefiċċji kif ukoll jekk le. Oħloq kont tal-e-ID.
Ċittadini mhux Maltin li m’għandhomx kont tal-e-ID
Ċittadini mhux Maltin li m’għandhomx kont tal-e-ID u għalhekk ma jistgħux jissottomettu applikazzjoni online, jistgħu jżuru wieħed miċ-ċentri reġjonali ta’ servizz.gov biex jitolbu servizz. Huwa importanti li tippreżenta d-dokumentazzjoni kollha relatata mal-każ tiegħek.
Ikkuntattja lid-dipartiment
Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali
38, Triq l-Ordinanza
Il-Belt Valletta VLT 1021
Freephone 153
Telefonati internazzjonali
+356 21255153 (Dan mhuwiex numru bla ħlas)