Allowance tat-Tfal – Allowance Speċjali tal-iStudenti
Ħarsa Ġenerali
Dan il-benefiċċju huwa biex jgħin lill-ġenituri kif ukoll ġenituri li jiffosterjaw li wliedhom ikomplu bl-edukazzjoni post-sekondarja tagħhom, kemm jekk jirċievu stipendju mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni jew le. F’ċertu każi, dan il-benefiċċju se jingħata wkoll lill- istudenti infushom meta jkunu jgħixu waħedhom. Sew jekk il-benefiċjarji ikunu ġenituri, ġenituri li jiffosterjaw jew l-istudenti infushom, l-età tal-istudenti li fuqhom jingħata l-benefiċċju trid tkun bejn sittax (16) u dsatax-il (19) sena imma ma għalqux 20 sena fil-bidu tas-sena skolastika. Intant, jekk l-istudent jagħlaq għoxrin (20) sena matul is-sena skolastika, l-allowance xorta jingħata u jibbenefika ukoll mill-massimu ta’ tliet (3) pagamenti ta’ ħames-mitt ewro (€500) fis-sena sakemm jibqa’ fl-edukazzjoni post-sekondarja. Dawn l-istudenti jridu jkunu qed isegwu kors ta’ edukazzjoni post-sekondarja.
X’se tingħata
Il-pagament tal-Allowance Speċjali tal-Istudenti ser tkun ta’ ħames mitt ewro (€500) fis-sena sa massimu ta’ tlett (3) snin, li jibdew mill-ewwel sena skolastika kompluta:
- lil ġenituri / ġenituri li jiffosterjaw sakemm it-tfal eleġibbli jibqgħu jgħixu mal-istess ġenituri kustodji tagħhom u jkomplu bil-kors post-sekondarji tagħhom. jew
- lil studenti li jkunu jgħixu waħedhom u li jikkwalifikaw għal dan il-benefiċċju.
Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Eliġibilità
Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali
- Għall-ġenituri residenti f’Malta għall-perjodu ta’ mhux inqas minn ħames (5) snin, ta’ tfal li għadhom jgħixu magħhom u li għandhom bejn sittax (16) u dsatax-il (19) sena imma ma għalqux 20 sena fil-bidu tas-sena skolastika u li jkomplu bl-edukazzjoni full-time f’ Malta, kemm jekk jirċievu stipendju jew le.
- Għall-ġenituri residenti f’ Malta għall-perjodu ta’ mhux inqas minn ħames (5) snin li jiffosterjaw ‘l-ulied li għadhom jgħixu magħhom li għandhom bejn sittax (16) u dsatax-il (19) sena imma ma għalqux 20 sena fil-bidu tas-sena skolastika u li jkomplu bl-edukazzjoni full-time f’Malta, kemm jekk jirċievu stipendju jew le.
- Studenti residenti f’Malta għall-perjodu ta’ mhux inqas minn ħames (5) snin li huma ffosterjati fi djar li jingħataw l-għajnuna mill-Gvern bl-iskema tal-PSP, liema studenti għandhom bejn sittax (16) u dsatax-il (19) sena imma ma għalqux 20 sena fil-bidu tas-sena skolastika li jkomplu bl-edukazzjoni full-time f’Malta, kemm jekk jirċievu stipendju jew le.
- Studenti residenti f’Malta għall-perjodu ta’ mhux inqas minn ħames (5) snin li jgħixu waħedhom għandhom bejn sittax (16) u dsatax-il (19) sena imma ma għalqux 20 sena fil-bidu tas-sena skolastika li jkomplu bl-edukazzjoni full-time f’Malta, kemm jekk jirċievu stipendju jew le.
- L-istudent irid ikun jattendi istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li tkun rikonoxxuta mill-Awtorità Maltija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għolja (MFHEA).
- Dan il-benefiċċju m’għandux test tal-mezzi. B’hekk student jista’ ikollu impjieg part-time sakemm ikun student full-time.
- Il-ġenituri ta’ tfal li diġà jirċievu Allowance tat-Tfal għal wild ta’ bejn sittax (16) u wieħed u għoxrin (21) sena, jistgħu xorta jkunu eliġibbli.
Dokumentazzjoni meħtieġa
Dokumentazzjoni ġenerali:
- Ma hemmx dokumenti meħtieġa biex tikkwalifika għal din l-allowance.
- Intant dawk l-istudenti li jattendu kors post-sekondarju f’Istituzzjoni Edukattiva għolja privata li hija liċenzjata mal-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għolja (MFHEA), iridu jehmżu dikjarazzjoni mill-Kap tal-Istituzzjoni.
Kif tapplika
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ser ikun qed jiġbor l-informazzjoni meħtieġa dwar studenti li jattendu edukazzjoni post-sekondarja mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni. B’hekk l-ebda applikazzjoni m’hi meħtieġa jekk l-istudenti eleġibbli jkunu jattendu kors post-sekondarju f’istituzzjoni edukattiva għolja tal-istat.