Benefiċċju tal-Leave tal-IVF għall-persuni li jimpjegaw lilhom infushom
Ħarsa ġenerali
Ġenituri prospettivi li jimpjegaw lilhom infushom li jsegwu trattament tal-IVF se jkollhom id-dritt għall-Benefiċċju tal-Leave bi ħlas għal kull ċiklu ċċertifikat ta’ trattament tal-IVF. Dan il-Benefiċċju tal-Leave tal-IVF se jinħareġ mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali wara li ġenituri prospettivi jissottomettu applikazzjoni formali.
Ġenituri prospettivi eliġibbli ikunu jridu jagħmlu talba għal-Leave tal-IVF permezz ta’ applikazzjoni online. Applikazzjonijiet għal dan il-benefiċċju se jiġu kkunsidrati retroattivament minn Jannar 2025.
X’se tingħata
Il-Benefiċċju tal-Leave tal-IVF lill-ġenituri prospettivi li jimpjegaw lilhom infushom se jingħata għal perjodu massimu ta’:
- Sittin (60) siegħa jew ġimgħa u nofs lill-omm prospettiva jew l-ekwivalenti tagħha li timpjega lilha nnifisha, u
- Erbgħin (40) siegħa jew ġimgħa waħda lill-missier / konjuġi /sieħeb / sieħba li j/timpjega lilu/ha nnifsu / nnifisha.
Ir-rata tal-benefiċċju hija ekwivalenti jew proporzjonali mal-Paga Minima Nazzjonali kif applikabbli fid-data tal-applikazzjoni.
Il-Benefiċċju tal-Leave tal-IVF għall-ġenituri prospettivi li jimpjegaw lilhom infushom jitħallas għal kull ċiklu ċċertifikat ta’ trattament tal-IVF li jista’ potenzjalment iwassal għal tqala.
Eliġibbiltà
Kriterji ġenerali:
- Il-ġenitur prospettiv li jagħmel it-talba irid ikun persuna li timpjega lilha nnifisha għal perjodu ta’ mhux inqas minn sitt (6) xhur qabel it-trattament tal-IVF.
- F’każ ta’ ġenituri prospettivi tal-istess sess, il-Benefiċċju tal-Leave tal-IVF jiġi maqsum skont id-dettalji tal-ġenituri prospettivi fuq l-applikazzjoni (Applikant/a – sittin (60) siegħa; Konjuġi/Sieħeb/Sieħba – erbgħin (40) siegħa).
- It-talba trid issir mhux iktar tard minn sitt (6) xhur mid-data tat-trattament tal-IVF u mhux qabel id-data tat-trattament tal-IVF.
- Irid ikun hemm evidenza / ċertifikazzjoni medika ta’ trattament tal-IVF.
- Irid ikun hemm evidenza ta’ almenu għoxrin (20) Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali tat-Tieni Klassi – Persuni li Jimpjegaw lilhom Innfushom fis-sentejn (2) immedjati ta’ qabel id-data tat-trattament tal-IVF.
- It-trattament tal-IVF irid ikun datat mill-1 ta’ Jannar 2025 ‘il quddiem.
Xenarji oħra
- Il-Benefiċċju tal-Leave tal-IVF jista’ jingħata ukoll lill-dawk il-ġenituri prospettivi li jimpjegaw lilhom innfushom fuq bażi part-time; dejjem jekk ma jkunx hemm impjieg ieħor full-time fl-istess ħin.
Dokumenti meħtieġa
- L-applikanti iridu jissottomettu kopji ta’ irċevuti uffiċċjali li jkopru almenu għoxrin (20) Kontribuzzjoni tat-Tieni Klassi datati fis-sentejn (2) immedjati qabel it-trattament tal-IVF.
- Applikanti li huma residenti ordinarji f’Malta li ġejjin minn pajjiżi terzi u/jew miċ-Charter Soċjali Ewropew u/jew bi status ta’ Refuġjati, iridu jissottomettu kopja tal-Karta tal-Permess ta’ Residenza Maltija valida.
- Ikun hemm bżonn kopja taċ-ċertifikat minn konsulent mediku li juri d-dettalji tat-trattament tal-IVF, sottomess mal-applikazzjoni.
- F’każ ta’ applikanti li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu miżżewġin ċittadini tal-Unjoni Ewropea, iridu jissottomettu kopja taċ-ċertifikat taż-żwieġ mal-applikazzjoni.
- F’każ ta’ applikanti li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkoabitaw ma’ ċittidini Maltin jew tal-Unjoni Ewropea, iridu jissottomettu kopja ta’ ċertifikat legali ta’ koabitazzjoni maħruġ mir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta. Inkella ma jkunux eliġibbli għall-Benefiċċju tal-Leave tal-IVF. Iċ-ċertifikat legali ta’ koabitazzjoni mhux neċessarju f’każ ta’ ċittadini Maltin jew tal-Unjoni Ewropea li jkunu jaħdmu f’Malta, u li jkunu f’koabitazzjoni bejniethom.
Kif tapplika
Imla u ssottometti l-applikazzjoni online.