L-IMU tal-MSF Tikseb iċ-Ċertifikazzjoni ISO/IEC 27001
L-Unità għall-Immaniġjar tal-Informazzjoni (IMU) fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja (MSF) kisbet iċ-ċertifikazzjoni ISO/IEC 27001, pass importanti li jsaħħaħ l-impenn tal-Ministeru lejn is-sigurtà tal-informazzjoni, il-ġestjoni effettiva tar-riskji taċ-ċibersigurtà u tas-sigurtà tal-informazzjoni, kif ukoll il-governanza diġitali. Din iċ-ċertifikazzjoni, rikonoxxuta internazzjonalment, turi li s-Sistema ta’ Ġestjoni tas-Sigurtà tal-Informazzjoni (ISMS) tal-Ministeru ġiet ivvalutata b’mod indipendenti u tissodisfa standards rigorużi għall-protezzjoni tal-assi tal-informazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà.
Iċ-ċertifikazzjoni nkisbet wara l-implimentazzjoni ta’ qafas komprensiv ta’ sigurtà tal-informazzjoni bbażat fuq ir-riskju, maħsub sabiex iċ-ċibersigurtà tkun integrata fl-operat ta’ kuljum aktar milli titqies biss bħala eżerċizzju ta’ konformità. Din l-inizjattiva kienet tinkludi l-iżvilupp ta’ proċessi ta’ governanza, politiki u proċeduri dokumentati, reġistri tar-riskji, objettivi ta’ sigurtà, verifiki interni u reviżjonijiet mill-maniġment, li flimkien ħolqu approċċ strutturat għat-titjib kontinwu.
Bħala parti minn dan il-programm, l-IMU introduċiet ukoll diversi inizjattivi ta’ appoġġ bil-għan li ssaħħaħ ir-responsabbiltà, l-għarfien u r-reżiljenza organizzattiva. Fost l-inizjattivi ewlenin kien hemm l-implimentazzjoni ta’ Sistema ta’ Ġestjoni tal-Azzjonijiet Korrettivi u Preventivi (CAPA), li tippermetti t-traċċar u l-ġestjoni tas-sejbiet li jirriżultaw minn verifiki, inċidenti, vulnerabbiltajiet u valutazzjonijiet tar-riskju. Barra minn hekk, ġie stabbilit il-Portal tal-Għarfien u t-Taħriġ tal-MSF (MKTP) sabiex jippromwovi l-għarfien dwar iċ-ċibersigurtà, it-tixrid tal-politiki, il-qsim tal-għarfien u t-tagħlim kontinwu.
Din iċ-ċertifikazzjoni ssaħħaħ il-kapaċità tal-Ministeru li jipproteġi informazzjoni sensittiva, ittejjeb il-prattiki ta’ governanza u konformità, iżżid il-livell ta’ tħejjija għall-verifiki u ssaħħaħ il-fiduċja tal-partijiet interessati fis-sigurtà tas-servizzi diġitali offruti liċ-ċittadini. Hija tkompli tikkonferma wkoll l-impenn tal-MSF lejn it-titjib kontinwu, billi tiżgura li ċ-ċibersigurtà tibqa’ komponent essenzjali fil-provvista tas-servizzi u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
Dan is-suċċess jirrifletti d-dedikazzjoni u l-kollaborazzjoni tal-persunal tal-IMU li kkontribwixxa għall-istabbiliment u ż-żamma ta’ ambjent sigur u reżiljenti għall-ġestjoni tal-informazzjoni. Bil-kisba taċ-ċertifikazzjoni ISO/IEC 27001, il-Ministeru wera b’mod ċar l-impenn tiegħu lejn l-aħjar prattiċi internazzjonali fil-ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni u fit-tisħiħ tal-governanza taċ-ċibersigurtà.




