Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Se jerġa’ jitħallas il-benefiċċju għall-ġenituri milquta mill-għeluq tal-iskejjel

16/03/2021 | Aħbar Riċenti, Stqarrija

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal qed jerġa’ jintroduċi skema bil-għan li jitħallas benefiċċju lil dawk il-ġenituri bi tfal taħt is-16-il sena u li ma jkunx possibbli li jaħdmu mid-dar, u li minħabba l-għeluq tal-iskejjel ikunu fuq leave bla ħlas f’xi żmien bejn il-15 ta’ Marzu u l-11 ta’ April 2021, biex jieħdu ħsieb lil uliedhom.

Din l-iskema tapplika għall-ħaddiema li jaħdmu fis-settur privat ħlief dawk li jaħdmu ma’ kumpaniji privati, u li qed jaħdmu jew jagħtu servizzi essenzjali f’xi dipartiment jew entità tal-gvern.

Din l-iskema tħabbret f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Gvern għan-Nies’ li ġiet indirizzata mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-benefiċċju se jagħti serħan il-moħħ lill-ġenituri sabiex ikunu jistgħu jibqgħu ma’ uliedhom peress li l-iskejjel huma magħluqin, u fl-istess waqt jibqgħu jirċievu għajnuna finanzjarja. Iktar minn hekk dawn il-persuni jibqgħu fid-dinja tax-xogħol.

Il-Ministru Falzon qal li dawn il-pagamenti mhux se jaffettwaw il-bolol imħallsa sabiex ma jkunx hemm detriment fil-pensjonijiet futuri. Fakkar li l-gvern daħal għal numru ta’ persuni li kien se jkollhom pensjoni mnaqqsa minħabba d-dħul baxx tas-sena 2020. Permezz ta’ dan l-intervent, is-sena 2020 mhux se tkun qed tgħodd mal-kumplament tas-snin mgħoddija.

Il-Ministru Clyde Caruana qal li għal darba oħra dan il-gvern qed juri kemm hu viċin in-nies. “Matul l-aħħar xhur ħafna postijiet tax-xogħol, anke grazzi għall-għajnuna li ta l-gvern, introduċew diversi miżuri bħat-teleworking sabiex in-natura tax-xogħol tkun iktar flessibbli. Madanakollu, aħna konxji wkoll li ċerti industriji ma jippermettux dan. Għaldaqstant, se nkunu qed nerġgħu ndaħħlu fis-seħħ din il-miżura sabiex inkomplu ngħinu lil dawk il-familji li m’għandhomx ma’ min iħallu lil uliedhom matul il-ħin tal-ġurnata”.

Il-Ministru Caruana qal li matul is-sena li għaddiet, minn din il-miżura bbenefikaw bejn wieħed u ieħor 4,000 persuna. Dan ifisser li jekk din is-sena jerġa’ jkun hemm l-istess ammont ta’ persuni, il-gvern se jkun qed joħroġ madwar tliet miljun ewro u nofs fix-xahar. Il-Ministru Caruana tenna l-impenn tal-gvern li se jibqa’ jagħmel dak kollu possibbli biex mhux biss jgħin lill-ħaddiema iżda anke lil min iħaddem, ħalli meta tgħaddi l-pandemija jerġa’ jibda jitkattar il-ġid fil-pajjiż.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Mark Musù spjega li din l-iskema hija applikabbli għall-ġenituri ta’ tfal taħt is-16-il sena, f’koppja miżżewġa, f’unjoni ċivili jew f’koabitazzjoni skont il-Liġijiet ta’ Malta, fejn iż-żewġ membri tal-koppja jaħdmu jew ġenitur waħdu ta’ tfal taħt is-16-il sena li:

a. Jaħdem full-time jew part-time fis-settur privat;

b. Ma jistax jaħdem mid-dar;

ċ. Ma jistax imur għax-xogħol biex jieħu ħsieb it-tfal f’xi perjodu bejn il-15 ta’ Marzu u l-11 ta’ April 2021;

d. Ikun fuq leave bla ħlas;

e. Min iħaddmu ma jkunx qed jirċievi l-wage supplement għalih.

Fil-każ ta’ koppja fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu u t-tnejn ma jistgħux jaħdmu mid-dar, il-benefiċċju jitħallas lil wieħed jew waħda miż-żewġ ġenituri.

Din l-iskema tikkonsisti f’dan li ġej:

  1.  persuna li taħdem full-time u tiġi eliġibbli, tibda titħallas dan il-benefiċċju fl-ammont ta’ €166.15 fil-ġimgħa;
  2.  persuna li taħdem part-time u tiġi eliġibbli, tibda titħallas dan il-benefiċċju fl-ammont ta’ €103.85 fil-ġimgħa;
  3.  il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali tkun imħallsa sabiex id-drittijiet għall-pensjoni kontributorja jkunu mħarsa matul il-perjodu li jdum jitħallas   dan il-benefiċċju;
  4.  ir-rata taċ-children’s allowance imħallsa taħt l-Att tista’ tiġi aġġustata skont id-dħul il-ġdid u tista’ tiżdied skont il-każ;
  5.  min għandu dritt għall-in-work-benefit jibqa’ jirċevih bla waqfien u mingħajr tnaqqis;
  6.  min għandu dritt għat-tapering tal-benefiċċji jibqa’ jirċevih bla waqfien u mingħajr tnaqqis;

Il-pagament tal-benefiċċju dovut lill-persuna eliġibbli se jibda jitħallas dirett fil-kont bankarju tal-applikant kull ġimgħa. Din l-iskema hija applikabbli mill-15 ta’ Marzu sal-11 ta’ April 2021. Madanakollu dan il-perjodu jista’ jkun estiż jekk ikun meħtieġ.

L-applikazzjoni għall-benefiċċju tinsab online fis-siti https://socialsecurity.gov.mt u https://family.gov.mt.

Feedback