Kważi 1,100 ġenitur tħallsu madwar €580,000 bħala benefiċċju temporanju tal-Covid
Bl-aħħar proċess ta’ pagamenti konkluż, ibbenefikaw mill-benefiċċju temporanju tal-COVID minħabba l-għeluq tal-iskejjel madwar 1,100 ġenitur ta’ tfal taħt is-16-il sena u tfal b’diżabbiltà severa. Dan minn fost 1,422 applikant, li jfisser li kważi 78% ta’ dawk li applikaw għal dan il-benefiċċju rriżultaw eliġibbli u bbenefikaw.
Bil-pagament ta’ tmiem din il-ġimgħa, l-ispiża se tkun laħqet €580,000 li meta tinkludi fiha l-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali li baqgħet titħallsilhom ukoll, titla’ għal kważi €645,000.
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tenna li dan l-eżerċizzju wera għal darb’oħra kemm dan il-Gvern jintervjeni u jieħu azzjoni, fl-aqwa interess tal-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Michael Falzon fakkar kif minn meta bdiet il-pandemija kien hemm numru ta’ miżuri soċjali addizzjonali sabiex ħadd ma jaqa’ lura u fl-istess waqt baqa’ jingħata kull benefiċċju preċedenti.