Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Għajnuna għall-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità severa

11/03/2021 | Aħbar Riċenti, Stqarrija

Ġenituri li ma jistgħux jaħdmu sabiex jieħdu ħsieb wild b’diżabilità, fl-età ta’ aktar minn 16-il sena, se jkunu qed jibbenefikaw minn pagament ta’ €300 darba f’sena. Il-ġenituri eliġibbli huma dawk li mhumiex qed jaħdmu u li jgħixu fl-istess dar mal-wild b’diżabiltà li għandhom aktar minn 16-il sena u li jirċievu l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa.

L-għotja titħallas sħiħa darba fis-sena u mhux pro-rata. Meta l-ġenitur eliġibbli jasal għall-età pensjonabbli, il-ġenitur intitolat jibqa’ jirċievi l-Għotja tal-Carer.

L-ewwel pagamenti ser joħorġu fit-13 ta’ Marzu 2021, u jibqgħu għaddejjin sa Diċembru ta’ din is-sena, sakemm jitħallas kull benefiċjarju intitolat. Sa issa tħallsu mal-€115,000, li minnhom ibbenefikaw 383 ġenitur. Benefiċjarji prospettivi ġodda se jkunu qed jitħallsu minn April ‘il quddiem.

F’każ li l-wild ikun jirċievi l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa u jkun qed jgħix f’istituzzjoni, l-għotja għall-carers ma titħallasx. Il-ġenituri m’għandhomx bżonn japplikaw għaliex l-informazzjoni kollha ta’ min hu eliġibbli, tinsab għand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li dan huwa eżempju ċar ta’ kif dan il-gvern qed ikompli joħloq miżuri u inċentivi ġodda sabiex jgħin lill-vulnerabbli u l-familji tagħhom, bil-fatti u mhux biss bil-kliem.

Il-Ministru Michael Falzon qal li din hija miżura oħra tal-Baġit 2021 imwettqa u li tibni fuq ir-riforma fil-mekkaniżmi u ħlasijiet tal-Carers Allowances fl-2017. Matul l-istess sena ġiet introdotta l-Allowance Miżjuda għall-Carers, li ssostitwiet il-Pensjoni tal-Wens. Inbidel ukoll il-mekkaniżmu ta’ kif jiġi assessjat pazjent, u ġew introdotti l-Barthel Index u l-Mini Mental State Examination. B’riżultat ta’ dan, żdiedu n-numru ta’ każijiet intitolati.

Intant, l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa bdiet titħallas għall-ewwel darba fl-2017 u kif imwiegħed, ir-rata fil-ġimgħa baqgħet tiela’ għall-ekwivalenti tal-Paga Minima Nazzjonali Netta.