Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Informazzjoni dwar it-Telework Transkonfinali

05/09/2023 | Aħbar Riċenti

F’dawn l-aħħar snin, Malta esperjenzat żieda kemm f’individwi li jaħdmu permezz ta’ telwork minn Malta kif ukoll f’dawk li jaħdmu permezz ta’ telwork minn barra Malta. Dan jista’ joħloq kumplessitajiet kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema innifishom. F’dan ir-rigward it-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali b’kollaborazzjoni ma’ Jobsplus fasslet linji gwida li jipprovdu informazzjoni ċara u konċiża lil min iħaddem u lill-impjegati kemm mill-perspettiva tas-sigurtà soċjali kif ukoll minn dik tas-servizzi tal-impjiegi.

F’termini tal-liġi nazzjonali Maltija[1], it-“telework” huwa definit bħala forma ta’ organizzazzjoni u, jew twettiq ta’ xogħol, bl-użu tat-teknoloġija tal-informatika, fil-kuntest ta’ kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg, fejn ix-xogħol, li jista’ jitwettaq ukoll fil-bini ta’ min iħaddem, jitwettaq ’il bogħod minn dak il-bini fuq bażi regolari. Meta t-telework ma jkunx limitat għal pajjiż wieħed, dan huwa magħruf bħala Telework Transkonfinali.

It-telework transkonfinali huwa attività li tista’ titwettaq minn kwalunkwe post u li tista’ titwettaq fil-bini jew fil-post tan-negozju tal-impjegatur u;

  1. titwettaq fi Stat Membru tal-UE jew fi Stati Membri differenti minn dak li fih jinsab il-post ta’ min iħaddem jew il-post tan-negozju u
  2. hija bbażata fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni biex tibqa’ konnessa mal-ambjent tax-xogħol ta’ min iħaddem kif ukoll mal-partijiet interessati/il-klijenti sabiex twettaq il-kompiti tal-impjegat assenjati mill-impjegatur.

Huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat li t-telework transkonfinali jsir bi qbil bejn l-impjegatur u l-impjegat, f’konformità mal-liġi nazzjonali.

Mill-1 ta’ Lulju 2023, Malta saret firmatarja tal-ftehim dwar it-telework transkonfinali. Dan il-ftehim jipprovdi li impjegat li jaħdem permezz ta’ telework għal inqas minn 50 % tal-ħin tax-xogħol tiegħu fi Stat Membru tal-ftehim, għal kumpanija stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-ftehim, jista’ jkompli jibbenefika mill-kopertura tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-impjegatur. Meta l-impjegat jaħdem għal aktar minn 50 % tal-ħin tax-xogħol tiegħu fl-Istat Membru ta’ residenza, huwa għandu jsir soġġett għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ dak il-pajjiż.

 

[1] Avviż Legali 312 tal-2008 Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (Kapitolu 452 tal-Liġijiet ta’ Malta) Ordni Standard Nazzjonali tat-Telework, 2008