Benefiċċju tal-Leave tal-Paternità / Paternità Adozzjoni għall-Persuni li Jimpjegaw Lilhom Infushom
Ħarsa ġenerali
Missierijiet li jimjegaw lilhom infushom jew tieni ġenituri ekwivalenti, se jkollom id-dritt għal-leave bi ħlas ta’ ġimgħatejn (2) li jittieħed fl-okkażjoni ta’ twelid jew adozzjoni ta’ wild jew ulied f’każ ta’ twelid multiplu.
Dan il-leave tal-paternità se jitħallas f’forma ta’ benefiċċju mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għal perjodu ta’ ġimgħatejn (2) bir-rata ekwivalenti għal Paga Minima Nazzjonali applikabbli mid-data ta’ twelid tal-wild jew ulied jew adozzjoni.
Applikanti eliġibbli iridu japplikaw għall-Benefiċċju tal-Leave tal-Paternità permezz ta’ applikazzjoni online sottomessa lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Applikazzjonijiet għal dan il-benefiċċju se jiġu kkunsidrati b’lura minn Jannar 2025.
X’se tingħata
Il-Benefiċċju tal-Leave tal-Paternità jitħallas għal perjodu massimu ta’ ġimgħatejn (2).
F’każ ta’ twelid ta’ tewmin jew twelid multiplu, il-benefiċċju jitħallas xorta darba biss.
Eliġibbiltà
Kriterji ġenerali ta’ eliġibbiltà:
- Il-ġenitur li jagħmel it-talba irid ikun persuna li timpjega lilha nnifisha għal perjodu mhux inqas minn sitt (6) xhur immedjatament qabel it-twelid jew adozzjoni tal-wild jew ulied.
- F’każ ta’ ġenituri tal-istess sess, il-Benefiċċju tal-Leave Tal-Paternità ma jistax jingħata lill-ġenitur li jkun tħallas il-Benefiċċju tal-Leave tal-Maternità għall-istess wild.
- It-talba trid issir mhux iktar tard minn sitt (6) xhur mid-data tat-twelid / adozzjoni tal-wild u mhux qabel id-data tat-twelid / adozzjoni tal-wild fuq min issir it-talba.
- Irid ikun hemm evidenza ta’ ħlas ta’ almenu għoxrin (20) kontribuzzjoni tat-Tieni Klassi imħallsa fl-aħħar sentejn (2) immedjatament qabel id-data tat-twelid / adozzjoni tal-wild li fuqha qed issir it-talba.
- It-tarbija fuq min issir it-talba irid ikun twieled / adottat mill-1 ta’ Jannar 2025 ‘il quddiem.
- Irid ikun hemm evidenza / ċertifikazzjoni tat-twelid jew adozzjoni tal-wild fuq min issir it-talba.
- Twelid / adozzjoni ta’ tewmin jew twelid multiplu jkun meqjus bħala twelid / adozzjoni ta’ wild wieħed għall-iskop tal-Benefiċċju tal-leave tal-Paternità / Paternità Adozzjoni għal persuni li jimpjegaw lilhom innfushom.
Xenarji oħra
- Il-Benefiċċju tal-Leave tal-Paternità hu dovut ukoll lill-ġenituri eliġibbli li jimpjegaw lilhom infushom part-time jekk ma jkunx hemm attività ta’ xogħol oħra assigurabbli sew bħala impjegat jew jaħdem għalih innifsu full-time fl-istess ħin.
Dokumenti meħtieġa
Dokumentazzjoni ġenerali:
- L-applikanti jridu jissottomettu kopja ta’ irċevuti uffiċċjali li jikkorrespondu għal ħlas ta’ almenu għoxrin (20) kontribuzzjoni tat-Tieni Klassi imħallsa fl-aħħar sentenjn (2) kalendarji qabel id-data tat-twelid / adozzjoni tal-wild fuq min issir it-talba.
- Applikanti ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCN) u/jew taċ-Ċarter Soċjali Ewropew u/jew bl-istatus ta’ Refuġjati, li huma residenti ordinarji f’Malta iridu jissottomettu kopja tal-Permess ta’ Residenza valida.
- Jekk it-twelid tal-wild ma jkunx reġistrat uffiċċjalment ma’ Reġistru Pubblika ta’ Malta, jew inkella jekk it-twelid isir barra minn Malta, trid tiġi pprovduta kopja ta’ ċertifikat uffiċċjali tat-twelid maħruġ mill-awtorità kompetenti barranija flimkien ma traduzzjoni verifikata tad-dokument bl-Ingliż tal-istess ċertifikat.
- F’każ ta’ adozzjoni ikun hemm bżonn li tiġi sottomessa kopja taċ-Ċertifikat ta’ Adozzjoni.
- F’każ li applikant ikun ċittadin ta’ pajjiż terz (TCN) li jkun miżżewwġ ċittadina tal-Unjoni Ewropea, ikun hemm bżonn kopja uffiċċjali taċ-ċertifikat taż-żwieġ.
- F’każ li applikant ikun ċittadin ta’ pajjiż terz (TCN) li jkun jikkoabita ma ċittadina Maltija jew tal-Unjoni Ewropea, l-applikant irid jipprovdi kopja ta’ ċertifikazzjoni rikonoxxuta ta’ Malta ta’ koabitazzjoni, inkella ma jkunux eliġibbli għal benefiċċju għal-Leave tal-Paternità. F’każ ta’ koabitazzjoni bejn koppji ċittadini Maltin jew tal-Unjoni Ewropea li huma residenti f’Malta, iċ-ċertifikat ta’ koabitazzjoni m’huwiex mitlub.
Kif tapplika
Imla u ssottometti l-applikazzjoni online.