Għajnuna Soċjali – Medika
Ħarsa ġenerali
L-Għajnuna Soċjali – Medika tista’ tingħata lil persuna responsabbli tal-familja jekk din ma tistax taħdem minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
X’se tingħata
L-Għajnuna Soċjali titħallas kull erba’ (4) ġimgħat bil-quddiem.
Din l-Għajnuna Soċjali – Medika tingħata lill-persuna responsabbli tal-familja li tkun qed tbati minn xi kundizzjoni medika li timpediha milli tidħol fid-dinja tax-xogħol u ma tkunx intitolata għal benefiċċju ieħor kontributorju. Din l-għajnuna titħallas lill-persuna responsabbli tal-familja u r-rata ta’ ħlas tkun ibbażata fuq in-numru ta’ persuni li jgħixu fl-istess residenza.
Il-proċess għal Għajnuna Soċjali – Medika jiskatta wara li persuna tapplika għal Għajnuna Soċjali. L-applikazzjoni tiġi evalwata u jekk tissodisfa it-test tal-mezzi, tibda titħallas Għajnuna Soċjali, u tingħata xahrejn (2) ċans sabiex tirrikorri għand it-tabib tal-għażla tagħha u jimlielha l-parti medika tal-applikazzjoni. Wara li l-applikazzjoni tiġi evalwata mill-Bord Mediku, jekk persuna titqies eliġibbli, ir-rata tal-benefiċċju tiżdied b’ħames ewro (€5) fil-ġimgħa għal kull membru addizzjonali tal-familja.
Fil-każ ta’ applikant/a li qed j/tgħix fi proprjetà mikrija, tingħata ewro u sittax-il ċenteżmu (€1.16) fil-ġimgħa bħala allowance tal-kera flimkien mar-rata pagabbli tal-Għajnuna Soċjali.
Kwalunkwe bidla fiċ-ċirkostanza, bħal bidla fl-indirizz, twelid ta’ ulied, bidliet fil-kompożizzjoni tad-dar, deċiżjoni tal-bord mediku, mewt, bidu ta’ mpjieg u proċeduri tal-qorti, għandu jiġi nfurmat immedjatament id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, peress li din l-informazzjoni tista’ taffettwa r-rata tal-ħlas tal-benefiċċju.
Il-benefiċjarji li għandhom aktar minn tlieta u għoxrin (23) sena u li jidħlu fl-Università jew l-MCAST, ikomplu jirċievu l-istess assistenza sakemm l-istipendju u benefiċċji anċillari oħra riċevuti ma jaqbżux id-differenza bejn l-Għajnuna Soċjali u l-Paga Minima Nazzjonali. Fil-każ li jeċċedi, l-ammont li jaqbeż il-Paga Minima Nazzjonali biss jiġi mnaqqas mill-Għajnuna Soċjali.
Iklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Eliġibbiltà
- L-applikant/a huwa/hija l-persuna responsabbli tal-familja.
- L-applikant/a mhux impjegat/a u ma j/tistgħax j/tirreġistra taħt l-Ewwel Parti tar-Reġistru ta’ Diżimpjieg mal-JobsPlus minħabba raġuni ta’ saħħa.
- L-applikant/a għandu/ha j/tissodisfa t-Test tal-Mezzi Kapitali. Ir-riżorsi kapitali għal koppja m’għandhomx jaqbżu sitta u għoxrin elf ewro (€26,000) u sittax-il elf ewro (€16,000) għal persuna waħeda.
- Meta xi wieħed mill-membri tal-koppja jagħlaq l-età ta’ sittin (60) sena jinqaleb għall-Pensjoni tal-Età u d-differenza fir-rata tkompli titħallas mill-Għajnuna Soċjali – Medika. L-applikazzjoni għad-differenza fl-Għajnuna Soċjali – Medika dejjem issir fuq isem il-Persuna Responsabbli tal-familja.
- Kull dħul li ġej minn Kirjiet; Interessi Bankarji minn Kapital, Stokks u Ishma, Manteniment u kwalunkwe dħul ieħor, m’għandux jeċċedi r-rata massima ta’ Għajnuna Soċjali skont il-familja.
- Mill-1 ta’ Jannar 2022 l-applikant/a li j/tirċievi Għajnuna Soċjali ser j/tkun eliġibbli għaż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja.
Dokumenti meħtieġa
- Kont tad-Dawl u l-Ilma riċenti fejn juri n-numru ta’ membri li jgħixu fid-dar.
- Rendikont tal-kontijiet kollha tal-Bank, kemm dawk lokali kif ukoll dawk barranin.
- Kopja tal-kuntratt tal-kera tal-Awtorità tad-Djar jekk tħallas il-kera ta’ fejn tirrisjedi.
- Logbook ta’ kull vettura li hemm fuq isem l-applikant/a u fuq isem il-konjuġi/sieħeb/sieħba, jekk ikun il-każ.
- Kopja tal-liċenzji tas-sewqan tal-persuna responsabbli tal-familja u jekk applikabbli tal-konjuġi / sieħeb / sieħba.
- Dokumenti relatati ma’ kwalunkwe propjetà u/jew sehem fi propjetà kemm f’Malta u/ jew barra, li jinkludu kuntratt tal-kera jekk għandek dħul minn xi renti fuq propjetà.
- F’każ li kien hemm xi donazzjonijiet kemm ta’ flus jew arja ta’ propjetà, trid tipprovdi kopja ta’ dokument/i legali neċessarji.
- F’każ ta’ separazzjoni jew divorzju, trid tipprovdi kopja tal-kuntratt ta’ separazzjoni jew dokumenti tad-divorzju finalizzati u insinwati fejn juri kwalunkwe manteniment riċevut.
- Għal każijiet ta’ separazzjoni fejn il-kuntratt ta’ separazzjoni ma jkunx għadu ffinalizzat, dokument legali minn rappreżentant legali (avukat) tal-ġenitur li qed jagħmel it-talba, fejn irid jissemma l-ġenitur li għandu l-kura u l-kustodja (de facto) tat-tifel/tifla/tfal, bid-dettalji kollha tat-tifel/tifla/tfal, u tkun imsemmija wkoll id-data effettiva tal-kura u kustodja. Din id-dikjarazzjoni trid tinkludi ukoll ċertifikazzjoni jekk hux qed jitħallas manteniment lill-istess ġenitur li għandu l-kura u l-kustodja tat-tifel/tifla/tfal.
- F’każ li l-applikant/a j/tkun tirċievi stipendju mill-Università jew mill-MCAST, irid jiġi pprovdut dokument fejn juri l-istipendju riċevut.
Kif tapplika
Imla u ssottometti l-applikazzjoni online.