Pensjoni tal-Invalidità
Taħt il-Ftehim tas-Sigurtà Soċjali bejn Malta u l-Kanada
Ħarsa ġenerali
Il-Pensjoni tal-Invalidità tista’ tingħata lil persuna li hija ċċertifikata bħala inkapaċi għal impjieg xieraq full-time jew part-time jew għal impjieg li taħdem għal rasha minħabba marda serja jew indeboliment fiżiku jew mentali, soġġett għall-kundizzjonijiet relattivi tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.).
X’se tingħata
Il-Pensjoni tal-Invalidità titħallas kull 4 ġimgħat bil-quddiem.
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jinforma lill-applikant bil-miktub dwar ir-riżultat tat-talba. Ladarba li tingħata l-pensjoni, tiġi depożitata f’kont bankarju kif speċifikat mill-applikant fl-applikazzjoni.
Bis-saħħa tal-ftehim reċiproku, il-pensjonanti jingħataw pensjoni fuq bażi pro-rata skont in-numru ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa f’Malta tul il-perjodu tax-xogħol kollu tagħhom f’Malta u l-Kanada.
Agħfas hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Eliġibbiltà
Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:
Persuna, li hija taħt l-età tal-irtirar, tista’ tkun eliġibbli għal Pensjoni tal-Invalidità jekk il-kriterji segwenti jkunu ssodisfati.
- L-applikant għadu qed iwettaq attività bi qligħ (impjieg jew impjieg għar-rasu) jew biex jirċievi benefiċċji għall-mard għal żmien qasir/fit-tul minn Service Canada
- L-applikant ġie ċċertifikat inkapaċi għal impjieg regolari xieraq fuq bażi full-time jew part-time minn Bord Mediku maħtur bil-liġi
- L-inkapaċità msemmija hawn fuq hija meqjusa mill-Bord Mediku bħala li tipprojbixxi individwu minn impjieg full-time jew part-time regolari jew impjieg li taħdem għal rasha għal mhux aktar minn 3 snin u mhux inqas minn sena
- Fid-data tat-talba għall-pensjoni tal-invalidità, l-applikant għandu mill-inqas 250 kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali mħallsa u ħallas jew ikkredita mill-inqas medja ta’ 20 kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali fis-sena mit-18 jew id-19-il sena skont il-każ li jkun (jew 1964/ 65) sad-data tat-talba
Dokumentazzjoni meħtieġa
Dokumentazzjoni ġenerali:
- Ċertifikati tat-twelid u żwieġ, f’każ jekk mhumiex irreġistrati fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta
- Jekk min qed jagħmel it-talba qed jirċievi Pensjoni tas-Servizz minn kwalunkwe impjegatur preċedenti, dokument li jindika l-ammont oriġinali (l-ammont bħala l-ewwel ħlas) ta’ din il-pensjoni
Kif tapplika
Persuna residenti fil-Kanada li tixtieq tapplika għall-Pensjoni tal-Invalidità billi timla l-applikazzjoni relattiva li tista’ titniżżel (verżjoni bl-ingliż biss) mill-website tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Alternattivament, din tista’ tinkiseb mill-uffiċċju Service Canada jew mill-Konsulat Ġenerali ta’ Malta f’Toronto.
Madankollu, huwa Service Canada li fl-aħħar għandu jgħaddi l-applikazzjoni lil Malta.
Mistoqsijiet Frekwenti
X’jiġri wara li persuna tapplika għal Pensjoni tal-Invalidità?
Malli jirċievi l-applikazzjoni, d-Dipartiment jivverifika l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-Pensjoni tal-Invalidità. Jekk il-kundizzjonijiet tal-kontribuzzjoni huma sodisfatti, il-każ jiġi riferut lill-Bord Mediku għal valutazzjoni medika u, jekk il-kundizzjonijiet kollha huma sodisfatti, r-rata ta’ pensjoni applikabbli hija stabbilita.
Jekk talba għal Pensjoni tal-Invalidità tiġi miċħuda mill-Bord Mediku, persuna tista’ terġa’ tapplika?
Persuna tista’ terġa’ tapplika għal Pensjoni tal-Invalidità wara li tibda l-impjieg jew jekk tkun qiegħda, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mal-awtorità lokali tal-impjieg u jekk ikun ippruvat li l-kundizzjoni medika tagħha qed tiddeterjora. M’hemm l-ebda limitu kemm-il darba persuna tista’ terġa’ tapplika.
Il-persuna li tirċievi Pensjoni tal-Invalidità tkun għad trid tħallas il-kontribuzzjoni sa l-età tal-irtirar?
Le. F’dan il-każ, il-persuna tkun intitolata għal krediti tal-invalidità, li jibdew mid-data li tingħata Pensjoni tal-Invalidità sa l-età tal-irtirar tagħha.
Persuna li tirċievi Pensjoni tal-Invalidità tista’ taħdem?
Persuna ma tistax tidħol f’okkupazzjoni bi qligħ waqt li tirċievi Pensjoni tal-Invalidità. Jekk Pensjonant tal-Invalidità jerġa’ jaħdem, il-Pensjoni titwaqqaf immedjatament.
Persuna tirċievi rata aktar baxxa ta’ Pensjoni tal- Irtirar jekk l-ewwel tingħata Pensjoni tal-Invalidità?
L-għoti ta’ Pensjoni tal-Invalidità fiha nfisha ma taffettwax ħażin l-għoti ta’ Pensjoni tal-Irtirar, sakemm il-persuna ħallset jew ikkreditat il-kontribuzzjonijiet kollha sad-data tal-għoti tal-Pensjoni ta’ Invalidità.
X’jiġri wara li jiskadi l-perjodu tal-Pensjoni tal-Invalidità?
Meta jgħaddi l-perjodu tal-Pensjoni tal-Invalidità ta’ persuna, kemm jekk hu massimu ta’ 3 snin jew minimu ta’ sena, il-każ jiġi rivedut mill-ġdid malli jiskadi l-perjodu ta’ inkapaċità.
Kif tinħadem ir-rata tal-Pensjoni tal-Invalidità ladarba jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-kontribuzzjoni?
Ladarba l-medja tal-kontribuzzjoni annwali tkun stabbilita, persuna tkun intitolata għal Pensjoni tal-Invalidità b’rata fissa, skond jekk hija tirċevix pensjoni tas-servizz minn impjegatur preċedenti u skont l-istatus tagħha.
Hemm dritt li tappella għal deċiżjoni tal-Pensjoni tal-Invalidità?
Iva, jekk persuna ma taqbilx mad-deċiżjoni tad-Dipartiment, hija għandha d-dritt li tagħmel appell mal-Uffiċċju tal-Arbitru. Applikazzjoni online hija disponibbli.
Ċertifikazzjoni tal-Ħajja
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jitlob ċertifikazzjoni tal-ħajja fuq bażi regolari mill-benefiċjarji tiegħu li jgħixu barra minn Malta. Tintbagħat formola ta’ Ċertifikat tal-Ħajja lil kull persuna li tirċievi pensjoni jew benefiċċju. Din il-formola teħtieġ dikjarazzjoni mill-benefiċjarju, minn ‘next of kin’ nominat u minn xhud bi sfond professjonali. L-informazzjoni pprovduta fiċ-ċertifikat tal-ħajja tiżgura li l-informazzjoni miżmuma mid-Dipartiment tkun preċiża u aġġornata.
Uffiċċju tal-Konsulat Ġenerali ta’ Malta fil-Kanada
Konsulat Ġenerali ta’Malta
The Sun Life Financial Centre
3300, Bloor Street West
Etobicoke, Ontario M8X 2X2
Canada
Tel – (001416) 2070922
Fax – (001416) 2070986
Email – maltaconsulate.toronto@gov.mt
Uffiċċji Service Canada
International Operations
Income Security Programs
Human Resources Development Canada
16th Floor, Tower B
355, North River Road
Ottawa Ontario KIA OL4
Canada
Tel – (001613) 9571954
Website – www.servicecanada.gc.ca