Pensjoni tal-Irtirar
Taħt il-Ftehim tas-Sigurtà Soċjali bejn Malta u New Zealand
Ħarsa ġenerali
Il-Pensjoni tal-Irtirar tista’ tingħata lil persuna li tilħaq l-età tal-irtirar.
X’se tingħata
Il-Pensjoni tal-Irtirar titħallas kull 4 ġimgħat bil-quddiem.
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jinforma lill-applikant bil-miktub dwar ir-riżultat tat-talba. Ladarba tingħata, l-pensjoni, tiġi depożitata f’kont bankarju kif speċifikat mill-applikant fl-applikazzjoni.
Bis-saħħa tal-ftehim reċiproku, il-pensjonanti jingħataw pensjoni fuq bażi pro-rata skond in-numru ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa f’Malta tul il-perjodu tax-xogħol kollu tagħhom f’Malta u New Zealand.
Pensjoni tal-Irtirar Kontributorja tingħata b’effett mill-jum wara d-data tal-irtirar.
Agħfas hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Eliġibbiltà
Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:
Persuna tista’ tkun eliġibbli għal Pensjoni ta’ Irtirar Kontributorja, jekk jintlaħqu l-kriterji li ġejjin.
Jekk persuna twieldet:
- Bejn l-1952 u l-1955, l-età tal-irtirar hija ta’ 62 sena
- Bejn l-1956 u l-1958, l-età tal-irtirar hija ta’ 63 sena
- Bejn l-1959 u l-1961, l-età tal-irtirar hija ta’ 64 sena
- Fl-1 ta’ Jannar 1962 jew wara, l-età tal-irtirar hija ta’ 65 sena
Madankollu, persuna li tilħaq il-61 sena tista’ tagħżel li tirtira qabel kif ġej:
- 35 sena kontribuzzjonijiet imħallsa jew ikkreditati għal persuna mwielda matul is-snin kalendarji 1952 sa 1961. (In-numru totali ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali meħtieġa għal dan il-perjodu huwa 1820)
- 40 sena kontribuzzjonijiet imħallsa jew ikkreditati għal persuna mwielda matul is-snin kalendarji 1962 sa 1968. (In-numru totali ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali meħtieġa għal dan il-perjodu huwa 2080)
- 41 sena ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa jew ikkreditati għal persuna mwielda fl-1 ta’ Jannar 1969. jew wara (L-għadd totali ta ‘Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali meħtieġa għal dan il-perjodu huwa 2132)
Il-perjodu ta’ residenza fin-New Zealand jitqiesu bħala kontribuzzjonijiet imħallsa f’Malta sabiex jiġi determinat jekk persuna tistax tibbenefika minn din l-iskema.
Għażla bikrija hija kkundizzjonata mill-irtirar minn kull attività bi qligħ mid-data tal-għoti tal-pensjoni sad-data meta l-persuna tilħaq l-età statutorja tal-irtirar.
L-applikant kien impjegat jew jaħdem għal rasu qabel l-irtirar. L-applikant għandu, f’xi żmien, ikun ġie rreġistrat taħt l-iskema tas-Sigurtà Soċjali Maltija u ħallas minimu ta’ 52 ġimgħa ta’ kontribuzzjonijiet, 1 minnhom wara l-età ta’ 19-il sena.
Fid-data tal-irtirar, l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti tal-Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali stipulati mil-leġiżlazzjoni Maltija skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.).
Dokumentazzjoni meħtieġa
Dokumentazzjoni ġenerali:
- Ċertifikati tat-twelid u żwieġ, f’każ li mhumiex irreġistrati fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta
- Jekk l-applikant qed jirċievi Pensjoni tas-Servizz minn kwalunkwe impjegatur preċedenti, dokument li jindika l-ammont oriġinali (l-ammont bħala l-ewwel ħlas) ta’ din il-pensjoni
Kif tapplika
Persuna residenti fi New Zealand li tixtieq tapplika għall-Pensjoni tal-Irtirar billi timla l-applikazzjoni relattiva li tista’ titniżżel (verżjoni bl-ingliż biss) mill-website tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Alternattivament, din tista’ tinkiseb mill-uffiċċju tas–Senior Services International, Ministry for Social Development, New Zealand.
Madankollu, huwa Senior Services International li fl-aħħar għandu jgħaddi l-applikazzjoni lil Malta.
Mistoqsijiet Frekwenti
Ladarba persuna tilħaq l-età tal-irtirar, hija awtomatikament issir eliġibbli biex tirċievi pensjoni tal-irtirar?
Sakemm il-persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-kontribuzzjoni deskritta fl-Eliġibbiltà, huwa/hija intitolat/a li tirċievi pensjoni tal-irtirar.
Wieħed jeħtieġ li japplika għaliha?
Iva. Applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata għand Senior Services International.
Jekk nilhaq l-età tal-irtirar Maltija imma għadni naħdem, għandi dritt nirċievi l-pensjoni tiegħi?
Iva. Persuni li jilħqu l-età tal-irtirar Maltija (kif applikabbli fl-Eliġibbiltà) u li għadhom fl-impjieg, huma intitolati li jirċievu l-pensjoni tagħhom ( kemm -il darba l-kriterji l-oħra kollha jkunu sodisfatti) irrispettivament mid-dħul mill-impjieg.
X’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ kontribuzzjoni rilevanti għall-pensjoni tal-irtirar skont il-Ftehim Reċiproku bejn Malta u New Zealand?
Id-dritt għall-benefiċċji kontributorji, apparti minn kwalunkwe kundizzjoni statutorja oħra, jiddependi
fuq test ta’ kontribuzzjoni.
L-ewwel test jiddefinixxi l-ammont minimu ta’ kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu sabiex persuna tkun intitolata għal pensjoni:
- Pensjoni taż-Żewġ Terzi
Taħt il-Ftehim tas-Sigurtà Soċjali bejn Malta u New Zealand, l-applikant irid ikun ħallas minimu ta’ 156 ġimgħa ta’ kontribuzzjonijiet taħt il-leġislazzjoni ta’ Malta wara l-21 ta’ Jannar 1979. - Pensjoni tal-Irtirar
Taħt il-Ftehim tas-Sigurtà Soċjali bejn Malta u New Zealand, l-applikant irid ikun ħallas minimu ta’ 156 ġimgħa ta’ kontribuzzjonijiet taħt il-leġislazzjoni ta’ Malta qabel il-21 ta’ Jannar 1979.
It-tieni test huwa kalkolu aritmetiku tal-medja annwali ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa minn jew akkreditati lill-persuna assigurat matul ċertu perjodu (kif speċifikat mill-Att dwar is-Sigurtà Soċjali Kap. 318.). Normalment dan il-perjodu jista’ jvarja minn 30 sa 40 sena fil-każ ta’ Pensjoni taż-Żewġ Terzi u 47 sena fil-każ ta’ Pensjoni tal-Irtirar. Impjieġ fi New Zealand jkun ikkunsidrat minflok il-kontribuzzjonijiet imħallsa f’Malta sakemm minimu ta’ 52 kontribuzzjoni jitħallsu f’Malta fuq l-età ta’ 19-il sena.
X’inhi d-differenza bejn Pensjoni taż-Żewġ Terzi u Pensjoni tal-Irtirar?
Il-pensjoni taż-Żewġ Terzi hija pensjoni relatata mal-qligħ applikabbli għall-persuni kollha li ġew assigurati f’Malta wara s-16 ta’ Jannar 1979. Il-kundizzjonijiet statutorji bażiċi huma li l-persuna ilha f’impjieg assigurabbli għal mill-inqas 10 snin qabel l-irtirar u li issodisfat il-kundizzjonijiet tal-kontribuzzjoni stipulati fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali Kap. 318. Ir-rata ta’ pensjoni taż-Żewġ Terzi tiddependi prinċipalment fuq il-medja tal-kontribuzzjonijiet imħallsa jew ikkreditati u d-dħul tal-persuna pensjonabbli. Hemm rata massima u minima ta’ Pensjoni taż-Żewġ Terzi, li tiddependi fuq il-medja tal-kontribuzzjoni annwali tal-persuna.
Fil-każ tal-pensjoni l-oħra mħallsa, Pensjoni tal-Irtirar, Pensjoni tal-Irtirar Miżjuda, Pensjoni Minima Nazzjonali, Pensjoni Minima Nazzjonali Miżjuda, Pensjoni Minima Nazzjonali Mnaqqsa, dawn jitħallsu lil persuni li kienu rreġistrati taħt l-Att tal-Assikurazzjoni Nazzjonali preċedenti qabel l-1979. Ir-rata mħallsa tiddependi prinċipalment fuq il-medja tal-kontribuzzjonijiet imħallsa, fuq id-Dħul Pensjonabbli, u wkoll fuq jekk persuna tkunx qed tirċievi pensjoni tas-servizz.
Kif tiġi kkalkulata l-Pensjoni tal-Irtirar?
Ir-rata tal-Pensjoni tal-Irtirar tiddependi minn:
- Il-medja tal-kontribuzzjonijiet imħallsa
- Id-dħul għall-pensjoni miksub mill-aħħar okkupazzjoni bi qligħ f’Malta
- Il-proporzjon li jirriżulta mill-għadd totali ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa f’Malta diviż bl-għadd totali ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa f’Malta u New Zealand
Kif tiġi kkalkulata l-medja tal-kontribuzzjoni?
Fil-każ ta’ Pensjoni taż-Żewġ Terzi, il-Medja tal-Kontribuzzjoni hija l-medja tas-somma ta’ żewġ medji separati fuq perjodu ta’ 35 sena (Minimu 15, Massimu ta’ 50 kontribuzzjoni fis-sena). L-ewwel medja hija derivata mill-kontribuzzjonijiet imħallsa fl-aħħar għaxar snin kalendarji sħaħ qabel l-irtirar (kontribuzzjonijiet totali maqsuma b’10). It-tieni medja hija derivata mill-kontribuzzjonijiet imħallsa fi kwalunkwe 25 sena, qabel l-aħħar 10 snin, li tibda mis-sena li persuna tilħaq id-19-il sena (jew 18-il sena għal persuni mwielda fit-3 ta ‘April 1958 jew wara) għas-sena immedjatament qabel is-sena tal-bidu ta’ l-aħħar 10 imsemmija hawn fuq (kontribuzzjonijiet totali maqsuma b’25).
Fil-każ tal-Pensjonijiet tal-Irtirar l-oħra kollha msemmija hawn fuq, il-Medja tal-Kontribuzzjoni hija l-medja tal-kontribuzzjonijiet imħallsa (Minimu 20, Massimu 50 kontribuzzjoni fis-sena) mis-sena li fiha persuna laħqet l-età 19 jew 18 kif indikat hawn fuq, għas-sena kalendarja. immedjatament qabel is-sena tal-irtirar.
X’inhu d-Dħul Pensjonabbli?
Id-Dħul Pensjonabbli huwa r-riżultat medju tad-dħul miksub minn pensjonant prospettiv, ikkalkulat kif ġej:
- Is-salarju bażiku annwali medju jew is-salarju tal-aħjar 3 snin kalendarji konsekuttivi fi:
- L-aħħar 10 snin fil-każ ta’ persuna impjegata li tilħaq l-età tal-pensjoni fl-età ta’ 61 sena
- L-aħħar 11-il sena fil-każ ta’ persuna impjegata li tilħaq l-età tal-pensjoni fl-età ta’ 62 sena
- L-aħħar 12-il sena fil-każ ta’ persuna impjegata li tilħaq l-età tal-pensjoni fl-età ta’ 63 sena
- L-aħħar 13-il sena fil-każ ta’ persuna impjegata li tilħaq l-età tal-pensjoni fl-età ta’ 64 sena
- Is-salarju bażiku annwali medju jew is-salarju tal-aqwa 10 snin kalendarji tal-40 sena sħaħ ta’ kontribuzzjoni ta’ persuna impjegata li tilħaq l-età tal-pensjoni ta’ 65 sena
Fejn il-persuni ma ħadmux f’Malta matul l-aħħar 10 snin qabel l-irtirar, huwa meqjus l-aħħar dħul f’Malta. Dan id-dħul imbagħad jiġi aġġornat biż-żidiet fl-għoli tal-ħajja li jingħataw mill-gvern Malti sad-data tal-irtirar.
Hemm dritt li tappella deċiżjoni ta’ Pensjoni tal-Irtirar?
Iva, jekk persuna ma taqbilx mad-deċiżjoni tad-Dipartiment, hija għandha d-dritt li tagħmel appell mal-Uffiċċju tal-Arbitru. Applikazzjoni online hija disponibbli.
Ċertifikazzjoni tal-Ħajja
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jitlob ċertifikazzjoni tal-ħajja fuq bażi regolari mill-benefiċjarji tiegħu li jgħixu barra minn Malta. Tintbagħat formola ta’ Ċertifikat tal-Ħajja lil kull persuna li tirċievi pensjoni jew benefiċċju. Din il-formola teħtieġ dikjarazzjoni mill-benefiċjarju, minn ‘next of kin’ nominat u minn xhud bi sfond professjonali. L-informazzjoni pprovduta fiċ-ċertifikat tal-ħajja tiżgura li l-informazzjoni miżmuma mid-Dipartiment tkun preċiża u aġġornata.
Informazzjoni ta’ Kuntatt tan-New Zealand
Senior Services International
Ministry of Social Development
PO Box 27178 Wellington 6141
New Zealand
Email – international.services@msd.govt.nz
Website – https://www.msd.govt.nz/