Benefiċċju Addizzjonali għall-Ogħli tal-Ħajja 2026
Ħarsa ġenerali
Fl-1990 frott patt soċjali ddaħħal il-mekkaniżmu tal-COLA.
Dan jaħdem billi tingħata żieda kkalkulata fuq kemm tkun għoliet b’mod perċentwali l-ispiża fuq il-basket ta’ spiża tal-familja medja f’pajjiżna.
Iżda l-basket ta’ spiża ta’ familja medja huwa differenti minn dak ta’ familja bi dħul baxx jew minn dak tal-pensjonanti.
Per eżempju il-familji bi dħul baxx bħala medja jonfqu 30% tal-basket ta’ spiża tagħhom fuq ikel mentri familja medja tonfoq 20%.
Li jfisser li għal familja bi dħul baxx, bidla fil-prezz tal-ikel hija aktar importanti milli tkun għal familja medja.
L-istess għall-pensjonanti. Dawn jonfqu relattivament aktar fuq il-mediċini u l-ikel milli tonfoq familja medja.
Fid-dawl ta’ dan, filwaqt li jibqa’ fis-seħħ il-mekkaniżmu tal-COLA, il-Gvern daħħal mekkaniżmu addizzjonali bħala Benefiċċju għall-Ogħli tal-Ħajja.
X’se tingħata
Dan il-mekkaniżmu jaħdem billi tiġi kkalkulata kemm kienet tkun il-COLA kieku l-basket ta’ spiża użat kien dak tal-familji bi dħul baxx jew pensjonanti.
Din iż-żieda imbagħad tiġi mqabbla ma’ dik li tirriżulta mill-mekkaniżmu tal-COLA u jekk tkun akbar, id-differenza tidħol fil-Benefiċċju għall-Ogħli tal-Ħajja.
Fl-2026 jirriżulta li l-COLA addizzjonali tlaħħaq €5.24 fil-ġimgħa aktar mill-COLA normali.
Dan il-benefiċċju ser jibqa jitħallas kull sena u ma’ huwiex taxxabbli.
Il-pagamenti lil min hu eliġibbli ser jitħallsu fuq żewġ pagamenti (Diċembru 2025 u Ġunju 2026 ).
Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Eliġibbiltà
Dan il-benefiċċju se jingħata lil dawk il-familji kollha li jkollhom dħul aġġustat għan-numru ta’ persuni fil-familja li jkun taħt il-medjan nazzjonali ekwavilizzat kif definit mill-Eurostat.
Dan id-dħul bħalissa huwa €20430 (skont l-aħħar SILC ippubblikat mill-NSO).
Dan ifisser li familja b’persuna waħda, per eżempju armla, jekk ikollha dħul sa €20430 tikkwalifika.
L-istess familja b’2 persuni, per eżempju koppja pensjonanti, jekk ikollha dħul sa €30645.
Familja bi 3 persuni, per eżempju single parent b’żewġt ulied (wieħed ta’ 14-il sena jew aktar) jew koppja b’wild wieħed taħt l-14-il sena, jekk ikollha dħul sa €36773 tikkwalifika.
Familja b’4 persuni, per eżempju koppja b’żewġt ulied taħt l-14-il sena, tikkwalifika jekk ikollha dħul sa €42901.
Familja b’5 persuni, per eżempju koppja b’wild fuq l-14 il-sena u żewġ ulied taħt l-14-il sena, tikkwalifika jekk ikollha dħul sa €53116.
Dan juri li dan il-mekkaniżmu issa se jgħin firxa ferm usa ta’ nies u mhux biss dawk li jinsabu fir-riskju tal-faqar jew vulnerabbli.
L-ammont tal-benefiċċju se jkun ibbażat fuq id-dħul tal-familji fl-2024.
Il-benefiċċju għas-sena 2026 huwa bejn €200 u €1,500 fis-sena.
L-ammont jiddependi minn żewġ fatturi: kemm id-dħul tal-familja ekwivalizzat[1] jitqabbel mal-livell ta’ dħul li huwa 60% tal-medjan nazzjonali ekwavilizzat (il-livell tar-riskju tal-faqar li bħalissa huwa €12258) u kemm hemm persuni fil-familja.
Anqas ma hu d-dħul, aktar ikun il-benefiċċju.
Per eżempju jekk persuna waħidha taqla’ sa 40%[2] tas-60% tal-medjan nazzjonali ekwivaliżżat (i.e. €4903), il-benefiċċju ikun ta’ €5.24 fil-ġimgħa x 100/40 x 52 ġimgħa u jingħata €681.20 fis-sena.
B’kuntrast persuna waħidha bi dħul ta’ €20430 , li jiġi 167% tas-60% tal-medjan nazzjonali ekwivaliżżat li huwa €12258, il-benefiċċju ikun ta’ €5.24 x 100/167 x 52 ġimgħa u tingħata il-minimu ta’ €200 .
Meta jkun hemm aktar minn persuna waħda, id-dħul tal-familja jiġi aġġustat għall-ammont ta’ persuni fil-familja billi jiġi immultiplikat bin-numru ta’ persuni eliġibbli (numru attwali mhux ekwavilizzat).
Barra minn hekk aktar ma jkun hemm membri fil-familji, aktar ikun il-benefiċċju. Tfal jgħixu fil-familja bi dħul li jaqbeż €12258 jiġu esklużi mill-familja sabiex id-dħul tagħhom ma jippenelizzax lil dik il-familja.
Eżempji ta’ kemm se jibbenefikaw familji differenti (dawn biex iservu bħala gwida)
Armla jew persuna waħidha bi dħul ta’:
€8,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €389 fis-sena.
€10,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €320 fis-sena.
€14,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €236 fis-sena.
€16,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €201 fis-sena.
€18,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €200 fis-sena.
Koppja, eżempju pensjonanti, bi dħul ta’:
€10,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €990 fis-sena.
€12,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €778 fis-sena.
€15,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €641 fis-sena.
€21,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €473 fis-sena.
€24,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €403 fis-sena.
€27,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €363 fis-sena.
Single parent b’żewġt ulied (wieħed ta’ 14-il sena jew aktar) jew koppja b’wild wieħed taħt l-14-il sena bi dħul ta’:
€10,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €1,500 fis-sena.
€12,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €1,486 fis-sena.
€14,400 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €1,167 fis-sena.
€18,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €961 fis-sena.
€21,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €817 fis-sena.
€25,200 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €710 fis-sena.
€28,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €628 fis-sena.
€32,500 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €544 fis-sena.
Familja b’4 persuni, per eżempju koppja b’żewġ ulied taħt l-14-il sena, bi dħul ta’:
€14,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €1,500 fis-sena.
€16,800 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €1,500 fis-sena.
€19,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €1,453 fis-sena.
€21,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €1,282 fis-sena.
€24,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €1,147 fis-sena.
€29,400 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €947 fis-sena.
€34,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €807 fis-sena.
€38,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €726 fis-sena.
Familja b’5 persuni, per eżempju koppja b’wild fuq l-14 il-sena u żewġ ulied taħt l-14-il sena, bi dħul ta’:
€15,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €1,500 fis-sena.
€18,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €1,500 fis-sena.
€26,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €1,500 fis-sena.
€30,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €1,434 fis-sena.
€34,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €1,238 fis-sena.
€38,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €1,135 fis-sena.
€45,000 fis-sena se tieħu benefiċċju ta’ €939 fis-sena.
[1] Id-dħul tal-familja jiġi diviż b’numru li jiġi stabbilit fuq kemm hemm persuni fil-familja billi l-ewwel adult jingħata piż ta’ 1.0, kull adult addizzjonali inkluż tfal ta’ 14-il sena jew akbar, piż ta’ 0.5, u tfal taħt l-14-il sena piż ta’ 0.3.
[2] Il-perċentaġġ imsemmi jinkiseb billi tagħmel €12258 / id-dħul tal-familja ekwivalizzat u jiġi arrotondat għall-eqreb fattur diviż b’5%. Eżempju 43.5% isir 45%; 49% isir 50%, eċċetera.
Dokumentazzjoni Meħtieġa
- Persuni li jirċievu xi benefiċċju jew pensjoni mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali ma’ hemm ebda ħtiega li jibgħatu dokumenti.
Kif tapplika
M’hemmx bżonn tapplika għal dan il-benefiċċju peress li dan huwa proċess awtomatiku fejn l-informazzjoni kollha meħtieġa tinġabar mid-Dipartiment tal-Kummissarju ta’ Dħul u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jekk inti tirċievi xi benefiċċju jew pensjoni tas-Sigurtà Soċjali.
Madankollu, għal dawk il-każijiet li ma jirċievux ebda benefiċċju jew pensjoni tas-Sigurtà Soċjali, inti meħtieġ tapplika għal dan il-benefiċċju sal-31 ta’ Marzu 2026 billi tikklikkja hawn.




