Għotja ta’ Darba – Eks-ħaddiema tal-International Aeradio Ltd (IAL)
Ħarsa ġenerali
Sabiex tiġi implimentata waħda mill-miżuri mħabbra fil-Baġit għas-sena 2025, il-Prim Ministru, il-Ministru għall-Finanzi u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, fasslu skema biex tipprovdi għotja ta’ darba għal persuni li:
- kienu impjegati mal-International Aeradio Ltd (IAL) li kienu impjegati fl-amministrazzjoni tas-servizzi tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru u servizzi anċillari fil-perjodu bejn Awwissu 1972 u l-31 ta’ Marzu 1979 u li wara servew fis-Servizz Pubbliku.
X’se tingħata
Il-ħlas tal-għotja jsir biss għal dawk l-applikazzjonjijiet li jikkwalifikaw u li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din l-Iskema. L-ammont tal-għotja għandu jitħallas lill-applikant permezz ta’:
- Depożitu dirett fil-kont tal-bank fejn tiġi ddepożitata l-pensjoni tal-istess applikant.
Ebda imgħax m’għandu jiżdied fuq l-ammont tal-għotja dovuta lill-applikant. Hija kundizzjoni ta’ din l-iskema li meta jaċċetta l-għotja l-applikant/a i/tkun qed j/tirrinunzja għal kull talba oħra u li j/tirtira kull kawża magħmula kontra l-Gvern, Awtorità jew xi entità pubblika
Eliġibbiltà
- Din l-iskema tapplika għal persuni msemmija hawn fuq li kienu eks-ħaddiema mal-International Aeradio Ltd (IAL) li kienu impjegati fl-amministrazzjoni tas-servizzi tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru u servizzi anċillari fil-perjodu bejn Awwissu 1972 u l-31 ta’ Marzu 1979 u li wara servew fis-Servizz Pubbliku.
- L-Iskema tapplika wkoll għall-eredi ta’ dawk l-individwi eliġibbli skont il-kundizzjonijiet tal-Iskema.
Kif tapplika
Applikazzjonijiet taħt din l-Iskema għandhom isiru fuq il-formola tal-applikazzjoni murija fl-Iskeda ma’ din l-Iskema u għandu jkun fihom it-tagħrif u d-dettalji kollha kif meħtieġ fl-imsemmija formola u skont din l-Iskema.
F’każ ta’ persuna mejta li tkun eleġibbli taħt din l-iskema għandha ssir applikazzjoni mill-eredi.
F’każ li jkun hemm aktar minn eredi wieħed, trid issir applikazzjoni waħda konġunta mill-eredi. Flimkien mal-applikazzjoni għandha wkoll tiġi ppreżentata dikjarazzjoni magħmula mingħand nutar li fiha jiġi ddikjarat min huwa/huma l-eredi tal-persuna mejta, liema persuna mejta kienet eliġibbli sabiex tapplika għal din l-Iskema. F’din id-dikjarazzjoni għandu jkun indikat min huwa/hija l-eredi awtorizzat/a li j/tirċievi l-għotja f’isem l-eredi l-oħra. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jirriżerva d-dritt li jitlob għal aktar dokumenti minbarra d-dikjarazzjoni msemmija hawn fuq.
L-applikazzjonijiet għandu jkollhom mehmuża magħhom kull dokument u informazzjoni oħra li tista’ tintalab minn żmien għal żmien mill-Ministru responsabbli għall-Finanzi jew mill-Ministru responsabbli għal Politika Soċjali, u d-Drittijiet tat-Tfal.
Applikazzjonijiet taħt din l-Iskema, inklużi d-dokumenti li għandhom jiġu mehmuża mal-applikazzjoni, iridu jiġu sottomessi sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2025. Tista’ tniżżel l-applikazzjoni billi tikklikkja hawn.
L-applikazzjoni kompluta għandha tintbagħat jew bil-posta lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, f’38, Triq l-Ordinanza, il-Belt Valletta, VLT 1021 jew inkella billi żżur l-eqreb uffiċċju reġjonali ta’ servizz.gov.