
Ħarsa ġenerali
Pensjoni tas-Servizz tingħata taħt l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet (Kap. 93.) lil:
- Persuna li tkun bdiet taħdem mas-Servizz Pubbliku ta’ Malta qabel il-15 ta’ Jannar 1979 f’kariga pensjonabbli
- Membri tal-Korp tal-Pulizija, tal-Forzi Armati ta’ Malta, tal-Protezzjoni Ċivili u tas-Servizz Korrettivi
- Nisa romol ta’ uffiċjali pubbliċi li kienu f’kariga pensjonabbli u li kienu jikkontribwixxu għal din l-iskema
- Membri Parlamentari
- Membri tal-Ġudikatura u l-Avukat Ġenerali
- Segretarju tal-Kabinett
- Segretarji Permanenti
X’ser tingħata
Il-pensjoni tas-servizz titħallas kull xahar u ma tkunx aktar minn żewġ terzi (⅔) tas-salarju li kien jirċievi l-uffiċjal pubbliku.
Eliġibbiltà
Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:
Uffiċjali li jikkwalifikaw għal Pensjoni tas-Servizz huma:
- Uffiċjali tal-Gvern li ġew impjegati mal-Gvern qabel il-15 ta’ Jannar 1979 u kienu appuntati f’kariga pensjonabbli u li jkun ħadem għal aktar minn għaxar (10) snin
- Membri tal-Korp tal-Pulizija, tal-Forzi Armati ta’ Malta, tas-Servizzi Korrettivi u tal-Protezzjoni Ċivili wara li jkunu ħadmu għal aktar minn għaxar (10) snin
- Romol ta’ uffiċjali pubbliċi li kellhom kariga pensjonabbli u li kkontribwixxew għall-iskema tal-pensjoni tar-romol
- Membri Parlamentari wara li jservu aktar minn 2 leġiżlaturi
- Membri tal-Ġudikatura u l-Avukat Ġenerali wara tkomplija ta’ 10 snin servizz
- Segretarju tal-Kabinett li jrid ikollu mill-anqas 10 snin servizz fis-Servizz Ċivili, li minnhom mill-anqas term wieħed f’din il-pożizzjoni
- Segretarji Permanenti li jrid ikollhom mill-anqas 10 snin servizz fis-Servizz Ċivili, li minnhom mill-anqas għamlu term wieħed f’din il-pożizzjoni
Dokumentazzjoni meħtieġa
Dokumentazzjoni ġenerali:
- Il-formola li għandha tintuża għall-għotja ta’ pensjoni u gratifikazzjoni hija GP 61
- Dikjarazzjoni li l-individwu m’għandu l-ebda każijiet pendenti ta’ dixxiplina
Kif tapplika
Id-dokumenti tal-pensjoni u ta’ gratifikazzjoni ta’ uffiċjal li se jirtira meta jilħaq il-limitu tal-età, għandhom jintbagħtu lis-Central Registry tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, mid-Dipartiment rispettiv, tal-uffiċjal pubbliku, mhux aktar tard minn tliet (3) xhur qabel id-data tal-irtirar.
Ta’ min jinnota li l-kontenut ta’ din l-informazzjoni u l-Manwal tal-Pensjonijiet tas-Servizz huma għal skopijiet ta’ informazzjoni biss u ma għandhom l-ebda saħħa legali.