Skema ta’ Distribuzzjoni tal-Ikel (SFFD)
Ħarsa ġenerali
L-Iskema ta’ Distribuzzjoni tal-Ikel, jew kif inhi magħrufa aħjar bħala l-SFFD, tingħata lin-nies li huma l-iktar fil-bżonn jew vulnerabbli. L-iskema hi immirata biex tilħaq firxa wiesa’ ta’ nies fil-bżonn jew vulnerabbli. Dawk li qed jibbenefikaw mill-Proġett ta’ Sapport Food 4 You li huwa kofinanzjat mill-Fond Socjali Ewropew+ tal-Unjoni Ewropea ma jkunux eliġibbli biex jibbenifikaw ukoll mill-Iskema ta’ Distribuzzjoni tal-Ikel.
Familji li huma eleġibbli għal din l-iskema se jingħataw pakkett/i tal-ikel skond id-daqs tal-familja flimkien mal-appoġġ soċjali meħtieġ.
Din l-iskema, minbarra li toffri għajnuna materjali lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn jew vulnerabbli, tikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.
X’se tingħata
Permezz ta’ din l-iskema, jitqassmu perjodikament lil dawk eliġibbli, prodotti tal-ikel li huma tajbin għas-saħħa u li jgħinu lill-persuna sabiex iżżomm dieta bilanċjata u varjata.
Il-pakkett/i tal-ikel fihom għaġin u ross, li jinkludu dawk integrali, tonn taż-żejt, ħxejjex fil-bottijiet, u polpa tat-tadam.
Din l-għajnuna materjali titqassam darbtejn (2) fis-sena.
Eliġibbiltà
Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:
- Persuni li jirċievu benefiċċju mhux kontributorju li jinkludu dawk il-benefiċjarji li jirċievu Assistenza għal Diżimpjieg, Benefiċċju Speċjali għall-Qgħad, Għajnuna Soċjali, benefiċjarji fuq Bord tal-Għajnuna Soċjali, u Allowance għal Ġenitur Waħdu mhux Miżżewweġ.
- Persuni eliġibbli għall-pensjoni mhux kontributorja, jiġifieri Pensjoni tal-Età, li jikkwalifikaw mit-Test tal-Mezzi u bi status ta’ persuni waħedhom.
- Persuni li jirċievu l-Benefiċċju tal-Enerġija.
- Persuni li jirċievu assistenzi għal diżabilità, li jinkludu Assistenza għal Diżabilità, Assistenza għal Diżabilità Severa, Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa, u Assistenza għall-Persuni b’Vista Batuta, u li ma jkunux f’impjieg.
Persuni residenti f’sptarijiet, istituzzjonijiet jew djar tal-anzjani, kemm dawk statali kif ukoll dawk privati, mhux eliġibbli.
Kif tapplika
Il-persuni eliġibbli m’għandhomx għalfejn jissottomettu applikazzjoni sabiex jibbenefikaw minn din l-iskema, peress li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għandu d-dettalji neċessarji ta’ dawk li huma eliġibbli.
L-għajnuna materjali tiġi mqassma f’ċentri mifruxa madwar Malta u Għawdex sabiex tiffaċilita kemm jista’ jkun il-ġbir ta’ din l-għajnuna minn dawk li huma eliġibbli.
Dawk li jibbenefikaw minn din l-iskema se jkunu qed jirċievu ittra bil-quddiem li tgħarrafhom li huma eliġibbli, kif ukoll minn liema ċentru, id-dati u l-ħinijiet, li fihom jistgħu jiġbru l-assistenza materjali li huma intitolati sabiex jirċievu.