Il-miżuri fil-pensjoni għal dawk li twieldu qabel l-1962
L-ewwel miżura – din hija li minn din is-sena ‘l quddiem huwa garantit li KULL pensjonant twieled meta twieled se jkun qed jiżdied l-istess meta tingħata ż-żieda ġenerali fil-Budget. B’hekk tneħħiet anomalija li kienet se tibda tolqot lill-pensjonanti minn dis-sena ‘l quddiem. Ma setgħetx tolqot qabel għax dawk li twieldu fl-1962 jew wara setgħu kienu jkunu legalment bil-pensjoni mill-2023 u l-ewwel żdiedet tal-pensjoni kellha tkun minn din is-sena.
It-tieni miżura – din tikkonċerna d-Dħul Pensjonabbli Massimu (MPI) ta’ dawk li twieldu qabel l-1962 u hija ddiżinjata biex gradwalment iġġib l-MPI tagħha fil-linja ma’ dik ta’ pensjonanti li twieldu qabel 1962 jew wara. Dan kull sena se jibda jiżdied sakemm jiġi daqs ta’ dawk li twieldu fl-1962 jew wara. L-MPI ta’ pensjonanti ta’ dawk li twieldu qabel l-1962 se jkun ta’ €23,500 u dan ifisser li fl-2025, jista’ jkun li jkun hemm żieda addizzjonali sa massimu ta’ €19.23 fil-ġimgħa però dan jiddependi fuq l-ammont tad-Dħul Pensjonabbli tal-pensjonant.
Id-dħul pensjonabbli huwa il-medja tas-salarji li fuqhom tinħadem il-pensjoni.
Jekk id-Dħul Pensjonabbli, ibbażat fuq is-salarji li wieħed kellu, kien ogħla minn €22,000 fis-sena kif aġġustat fl-2024, tista’ titħallas żieda addizzjonali li ma taqbiżx l-ammont imsemmi ta’ €19.23 fil-ġimgħa.
Intant, dawk li s-salarji tagħhom kien ikun anqas minn €22,000 fl-2024, mhux se jirċievu aktar żidiet għaliex diġà qed jirċievu pensjoni li hija ibbażata fuq is-salarji sħaħ li kellhom.
Ħa nagħtu 3 eżempji ssimplifikati biex wieħed jifhem aħjar:
- Ġanni kien jaħdem ma’ kumpanija bħala Storekeeper u rtira fl-2010 b’salarju ta’ €12,500 fis-sena. Is-salarji tal-grad li kellu fil-kumpanija baqgħu jiżdiedu kull sena u b’hekk id-Dħul Pensjonabbli aġġornat tiegħu fl-2023 kien ta’ €15,000. Għalhekk kellu pensjoni ta’ żewġ terzi ta’ dawn u kien qed jieħu €10,000 fis-sena jew €192.30 fil-ġimgħa. Dan għalhekk qed jieħu iż-żewġ terzi sħaħ fil-każ tiegħu u t-tieni miżura ma tolqtux.
- Michael kien jaħdem ma’ kumpanija bħala Senior Supervisor u rtira fl-2015 b’salarju ta’ €18,000 fis-sena. Is-salarji tal-grad li kellu fil-kumpanija baqgħu jiżdiedu kull sena u b’hekk id-Dħul Pensjonabbli aġġornat tiegħu fl-2024 kien ta’ €22,500. Minħabba li dan huwa aktar mid-Dħul Pensjonabbli Massimu ta’ €22,000 fl-2024, huwa ma kienx qed jirċievi ż-żewġ terzi tas-salarji li kieku kellu fl-2024 imma żewġ terzi ta’ €22,000 jew €282.05 fil-ġimgħa. Id-Dħul Pensjonabbli tiegħu fl-2025 mistenni jkun ta’ madwar €23,000 li żewġ terzi tagħhom jiġu €294.87 fil-ġimgħa. Iżda li kieku ma saritx dil-miżura, Michael minflok kien ikollu pensjoni ta’ €282.05 fil-ġimgħa. Dan għalhekk irid jirċievi d-differenza ta’ bejn €294.87 u €282.05 u allura jieħu żieda addizzjonali ta’ €12.82 fil-ġimgħa. B’hekk huwa jiġi qed jieħu iż-żewġ terzi sħaħ fil-każ tiegħu mill-2025 ‘il quddiem.
- Richard kien jaħdem bħala Assistent Direttur u rtira fl-2020 b’salarju ta’ €35,000. Minħabba li dan is-salarju, u s-salarji li kellu fis-snin ta’ qabel irtira, kienu ogħla mid-Dħul Pensjonabbli Massimu, huwa ma kienx jirċievi pensjoni ta’ żewġ terzi tas-salarji tiegħu imma żewġ terzi tad-Dħul Pensjonabbli Massimu li fl-2024 kien ta’ €22,000 jew €282.05 fil-ġimgħa, Id-Dħul Pensjonabbli Massimu fl-2025 se jkun ta’ €23,500 li żewġ terzi tagħhom jiġu €301.28 fil-ġimgħa. Iżda li kieku ma saritx dil-miżura, Michael minflok kien ikollu pensjoni ta’ €272.58 fil-ġimgħa. Dan għalhekk irid jirċievi d-differenza ta’ bejn €301.28 u €282.05 u allura jieħu żieda addizzjonali ta’ €19.23 fil-ġimgħa. B’hekk huwa xorta mhux se jkunu qed jieħu ż-żewġ terzi sħaħ fil-każ tiegħu mill-2025 ‘il quddiem u għalhekk ikun intitolat għal aktar żidiet addizzjonali kull meta jogħla d-Dħul Pensjonabbli Massimu.
Persuni self-employed ukoll jistgħu jibbenefikaw jekk id-dħul li kellhom iddikjarat u li fuqu nħadmitilhom il-pensjoni kien ogħla mid-Dħul Pensjonabbli Massimu kif kien meta rtiraw.