Numru tas-Sigurtà Soċjali
Ħarsa ġenerali
In-numru tas-sigurtà soċjali (qabel magħruf bħala numru tal-N.I. jew Numru tal-Assigurazzjoni Nazzjonali) jirreġistra persuni taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) u jintuża biex tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Dan in-numru jinħareġ darba biss u jibqa’ validu tul il-ħajja tal-applikant/a. Minn Ottubru 2016, ċittadini li għandhom Karta tal-Identità Maltija (serje M, L, G, H) ma jibqgħux jingħataw numru separat tas-Sigurtà Soċjali, iżda minflok jintuża n-numru tal-Karta tal-Identità tal-istess persuna. Intant, ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom li għandhom il-Karta ta’ Residenza Maltija tispiċċa bil-‘A’, jew dawk mingħajr Karta ta’ Residenza Maltija, iridu jitolbu li jinħarġilhom in-Numru tas-Sigurtà Soċjali.
Mill‑Lulju 2025, l‑impjegati li għandhom Karta ta’ Residenza Maltija li tispiċċa bl‑ittra ‘A’ m’għandhomx għalfejn japplikaw separatament għan-Numru tas‑Sigurtà Soċjali (SSN). Malli min iħaddem jibgħat il‑Formola ta’ Impjieg ta’ Jobsplus, id‑detalji tal‑impjegat jintbagħtu awtomatikament lid‑Dipartiment tas‑Sigurtà Soċjali, u jekk l‑individwu jkun eliġibbli, in‑numru tas‑Sigurtà Soċjali jinħareġ awtomatikament mingħajr ebda azzjoni oħra meħtieġa mill‑impjegat. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ċittadini tal-UE li applikaw għal Karta tal-Identità ta’ Residenza Maltija u li għandhom in-numru tal-Karta tal-Identità tispiċċa bl-ittra ‘A’ jinħarġilhom in-Numru tas-Sigurtà Soċjali awtomatikament. Individwi b’Karta ta’ Residenza li tispiċċa bl‑ittra ‘A’ m’għandhomx għalhekk jibagħtu applikazzjoni separata għall‑SSN, għax dan jista’ jikkawża duplikazzjoni fil‑proċessi u mhuwiex meħtieġ taħt is‑sistema awtomatizzata. Minflok għandhom jikkuntattjaw lil min ser iħaddimhom biex jiżguraw li l‑formola tal‑impjieg ġiet sottomessa b’mod korrett, peress li din is‑sottomissjoni hija dik li tattiva l‑proċess awtomatiku tal‑ġenerazzjoni tal‑SSN.
Bl‑istess mod, meta persuna li taħsem għal rasha tissottometti il‑Formola ta’ Impjieg lil Jobsplus online biex tirreġistra x‑xogħol tagħha, id‑detalji tagħha jintbagħtu lid‑Dipartiment tas‑Sigurtà Soċjali, u jekk tkun eliġibbli, in‑Numru tas‑Sigurtà Soċjali jinħareġ awtomatikament.
In-numru tal-Karta tal-Identità Maltija huwa rekwiżit mandatorju, peress li jippermetti lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali joħroġ in-Numru tas-Sigurtà Soċjali awtomatikament. Jekk in-numru tal-Karta tal-Identità ma jkunx ipprovdut, l-impjegat jew il-persuna li taħdem għal rasha għandu japplika għal Numru tas-Sigurtà Soċjali jew permezz tal-applikazzjoni online jew billi jżur ċentru Servizz.gov. In-Numru tas-Sigurtà Soċjali u ċ-Ċertifikat tar-Reġistrazzjoni jintbagħtu bil-posta jew bl-email, jekk ikun hemm indirizz elettroniku reġistrat mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Ċittadini tal-UE li ma jixtiqux japplikaw għal Karta ta’ Residenza Maltija skont l-Att dwar il-Libertà tal-Moviment, huma meħtieġa japplikaw għal numru tas-Sigurtà Soċjali permezz tal-applikazzjoni online jew billi jżuru ċentru ta’ Servizz.gov.
Barra minn hekk, il-kategoriji ta’ impjegati li ġejjin jistgħu jkollhom lil min iħaddimhom jitlob numru tas-Sigurtà Soċjali f’isimhom permezz tal-applikazzjoni online:
- Ekwipaċċ tal-Ajru:Persuna li taħdem bħala ekwipaċċ fuq ajruplan li l-bażi ewlenija tiegħu tinsab Malta u li hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni Maltija skont ir-Regolament tal-UE 883/2004.
- Baħri:Persuna li taħdem jew bħala impjegat jew bħala persuna taħdem għal rasha fuq vapur Malti u li hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni Maltija skont ir-Regolament tal-UE 883/2004.
- Trasportatur:Persuna li taħdem f’diversi Stati Membri tal-EU minħabba d-dmirijiet tat-trasport u li hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni Maltija skont ir-Regolament tal-UE 883/2004.
- Ċittadin Ħaddiem f’sitwazzjoni transkonfinali tal-EU:Persuna li taħdem f’sitwazzjoni kumplessa bejn Stati Membri tal-EU differenti u li hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni Maltija skont ir-Regolament tal-UE 883/2004.
- EUNA:Ċittadini tal-UE rreġistrati ma’ impjegatur Malti.
Nota: Waqt ir-reġistrazzjoni, individwi li jirreġistraw taħt l-Att tas-Sigurtà Soċjali jew jakkwistaw numru tal-Karta tal-Identità/Residenza Maltija, huma wkoll meħtieġa jaġġornaw id-dettalji ta’ kuntatt u dawk bankarji miżmuma mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali permezz tal-app mySocialSecurity.
X’se tingħata
Persuni li għandhom Karta tal-Identità Maltija permanenti jiġu rreġistrati awtomatikament taħt l-Att tas-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) ladarba jilħqu l-età ta’ sittax-il (16) sena, u jirċievu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ftit jiem qabel għeluq is-snin tagħhom.
Impjegati jkollhom il-kontribuzzjonijiet jitnaqqsu mis-salarju jekk huma impjegati. Filwaqt li persuni li jaħdmu għal rashom jħallsu direttament lill-Kummissarju tat-Taxxi. Dawn il-kontribuzzjonijiet imħallsa jistgħu jagħtu dritt għal benefiċċji taħt l-Att (Kap. 318), suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà. Aktar informazzjoni dwar kategoriji ta’ kontribuzzjoni u ammonti li għandhom iħallsu impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom jew ikunu jaħdmu għalihom infushom hija disponibbli billi tikklikkja hawn.
Għal aktar informazzjoni dwar l-obbligi tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali ikklikkja hawn.
Eliġibbiltà
Inti eliġibbli għall-ħruġ ta’ Numru tas-Sigurtà Soċjali (NSS) jekk:
- M’għandekx diġà numru tas-Sigurtà Soċjali Malti.
- Qed tiġi impjegat jew se tibda taħdem għal rasek.
- Jekk għandek mill-anqas erbatax-il (14) sena u għadek fl-età obbligatorja tal-iskola, il-ġenitur jew il-kustodju legali tiegħek irid l-ewwel japplika għal permess permezz tas-Servizzi Nazzjonali ta’ Appoġġ għall-Iskejjel.
Dokumentazzjoni meħtieġa meta tissottometti Applikazzjoni Online
- Ċittadini tal-UE (Impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom) mingħajr Karta tal-Identità Maltija valida:
- Kopja tal-kuntratt tax-xogħol li turi li l-applikant se jwettaq impjieg jew xogħol għal rasu f’Malta.
- Ċittadini mhux tal-UE (Impjegati):
- Kopja tal-kuntratt tax-xogħol iffirmat minn min iħaddem, li jindika d-data tal-bidu tal-impjieg u jikkonferma l-impjieg jew xogħol għal rasu f’Malta.
- Kopja tal-Liċenzja tal-Impjieg (Permess tax-Xogħol) li turi n-numru ta’ RefCom.
- Ċittadini mhux tal-UE miżżewġin ma’ ċittadin Malti jew tal-UE (Impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom):
- Kopja ta’ ittra mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u Espatrijati li tikkonferma d-dritt li taħdem jew tgħix liberament f’Malta taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Moviment.
- Kopja tal-kuntratt tax-xogħol iffirmat minn min iħaddem, li jindika d-data tal-bidu tal-impjieg jew jikkonferma xogħol għal rasu f’Malta.
- Ċittadini mhux tal-UE (Persuni li jaħdmu għal rashom):
- Kopja tal-Liċenzja tal-Impjieg.
- Ċittadini mhux tal-UE b’permess biex jaħdmu f’Malta taħt Direttivi tal-UE:
- Kopja tal-kuntratt tax-xogħol iffirmat minn min iħaddem, li jindika d-data tal-bidu tal-impjieg.
- Kopja tal-permess relevanti biex taħdem f’Malta taħt Direttivi tal-UE, kif jidher fuq id-dokument ta’ identifikazzjoni jew ċertifikat ekwivalenti maħruġ mill-Aġenzija Identità.
- Persuna li qed tfittex Ażil u qed titlob li taħdem f’Malta:
- Kopja tal-kuntratt tax-xogħol iffirmat minn min iħaddem, li jindika d-data tal-bidu tal-impjieg.
Kif tapplika
Imla u ssottometti l-applikazzjoni online. (verżjoni bl-ingliż biss)









