Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Kif Tipproteġi Lilek Innifsek minn Ingann li Jseħħ Permezz tal-Mowbajls u l-Emails

01/11/2023 | Aħbar Riċenti

It-teknoloġija moderna ġġibilna aktar konvenjenza kif ukoll aktar riskji. Filwaqt li fil-ħajja tagħna ta’ kuljum inħaddnu l-użu faċli tal-internet u ta’ diversi apparati, fl-istess waqt inkunu qed nesponu lilna nfusna għal theddid potenzjali minn individwi li jisfruttaw dawn it-teknoloġiji. Il-firxa tal-ingann, li jista’ jikkomprometti s-sigurtà personali u finanzjarja tagħna, qed tiżdied. Dawk li jridu jingannawna jużaw tattiċi sofistikati, inklużi telefonati, SMSs, u emails, biex iqarrqu bina. Biex tissalvagwardja l-informazzjoni personali tiegħek u tevita li tisfa’ vittma ta’ attivitajiet frodulenti, huwa importanti ħafna li tifhem il-metodi li jużaw dawk li jridu jingannawk u l-prekawzjonijiet li tista’ tieħu.

Ifhem Kif Isir l-Ingann

Dawk li jridu jingannawk jużaw strateġiji qarrieqa mmirati biex jiffrodaw lin-nies mill-flus jew minn informazzjoni personali. Dawk li jridu jingannawk jisfruttaw il-fiduċja u l-vulnerabbiltà, u ħafna drabi jużaw tattiċi psikoloġiċi biex jilħqu l-għanijiet tagħhom. Huwa essenzjali li tagħraf il-motivazzjonijiet u t-tattiċi tagħhom sabiex tkun tista’ tidentifika u tevita l-ingann.

Ingann Komuni u Kif Jitwettaq

  • Ingann Wangiri – Irċevejt xi telefonata minn numru internazzjonali mhux familjari u li nqatgħet mal-ewwel ċempila? Din tista’ tkun ingann Wangiri. Dawk li jridu jingannawk jittamaw li inti ċċempel lura, u mingħajr ma tkun taf iqabbduk ma’ servizzi b’tariffa ogħla li jiġġeneraw qligħ kbir għalihom. Biex tevita dan, iċċempilx lura numri li ma tafhomx.
  • Ingann bil-Phishing – Ingann bil-Phishing normalment jasal għandek bħala email li taparsi ġejja minn kumpanija b’reputazzjoni tajba. Dawn l-emails għandhom l-għan li jqarrqu bik billi jitolbuk tiżvela informazzjoni personali bħall- passwords jew id-dettalji tal-karti ta’ kreditu. Oqgħod attent għal sinjali bħal żbalji grammatikali, indirizzi elettroniċi mhux uffiċjali, u talbiet għad-dejta personali. Meta jkollok dubju, ivverifika direttament mal-kumpanija.
  • Ingann bil-Vishing – Il-vishing, jew phishing bil-vuċi, iseħħ billi dawk li jridu jingannawk jużaw telefonata biex jippreżentaw lilhom infushom taparsi entitajiet li tista’ tafdahom u jippruvaw jiksbu informazzjoni sensittiva jew ħlasijiet mingħandek. Li tagħraf is-sinjali ta’ twissija tas-sejħiet tal-vishing u tadotta miżuri preventivi jgħinek biex tevita t-tattiċi manipulattivi. Oqgħod attent b’mod speċjali fir-rigward ta’ telefonati mhux mitluba.

Kif Tipproteġi Lilek Innifsek

Biex issib triqtek f’dan l-ambjent diffiċli jeħtieġ li tkun konxju dwar il-perikli. Dawn ftit pariri prattiċi:

  • Identifika u Evita Emails Foloz – Oqgħod attent għal emails tal-phishing li jimitaw dipartimenti u entitajiet tal-gvern, kumpaniji b’reputazzjoni tajba jew kumpaniji internazzjonali kbar ħafna. Oqgħod attent għal emails li jsostnu li rbaħt xi premjijiet, li l-kont tal-bank tiegħek ġie kompromess, li l-midja soċjali tiegħek ġiet kompromessa, jew li minħabba kontijiet mhux imħallsa se jinqatgħulek xi servizzi.
  • Ivverifika l-Awtentiċità ta’ Min Bagħat l-Email – Iċċekkja l-indirizz elettroniku ta’ min bagħat l-email għal elementi suspettużi.
  • Iċċekkja l-Kontenut tal-Email – Oqgħod attent għal talbiet urġenti, żbalji grammatikali, jew talbiet għal informazzjoni personali.
  • Iċċekkja qabel Tikklikkja – Iċċekkja l-links u ara l-URLs proprja qabel tikklikkja, speċjalment għal links mhux familjari jew imqassra.

Agħraf u Evita Telefonati Suspettużi

It-telefonati Wangiri spiss ikunu qosra u jkollhom numri b’kodiċijiet ta’ pajjiżi mhux familjari jew b’ħafna ċifri. Jekk ma tkunx ċert dwar l-oriġini tat-telefonata:

  • Tgħaġġilx – Ħalli t-telefonati jmorru voicemail u vvaluta l-awtentiċità tagħhom qabel twieġeb.
  • Oqgħod attent għal numri b’tariffa ogħla – Kun af il-prefissi tat-tariffi ogħla biex tidentifika ingann potenzjali u tifhem l-ispejjeż tat-telefonati.
  • Uża l-karatteristiċi li jimblukkaw it-telefonati – Installa apps li jimblukkaw it-telefonati jew il-karatteristiċi tal-mowbajl tiegħek biex tostakola n-numri tal-ingann.

Pariri Esperti Oħra:

  • Oqgħod attent meta tkun online – Ikkondividi l-informazzjoni personali f’siti web siguri, speċjalment għat-transazzjonijiet finanzjarji.
  • Uża passwords siguri – Uża passwords uniċi u kumplessi għal kontijiet differenti u kkunsidra l-użu ta’ maniġer tal-passwords.
  • Attiva l-awtentikazzjoni b’żewġ fatturi – Meta jkun possibbli, mal-kontijiet tiegħek żid saff addizzjonali ta’ protezzjoni.
  • Aġixxi fil-pront – Irrapporta l-inċidenti lill-awtoritajiet rilevanti u lill-istituzzjonijiet finanzjarji; aġixxi biex ittaffi l-ħsara.
  • Issorvelja l-kontijiet – Eżamina regolarment ir-rendikonti finanzjarji, ir-rapporti tal-kreditu, u l-kontijiet online għal attività mhux tas-soltu.
  • Wettaq miżuri ta’ salvagwardja – Għal aktar sigurtà, qis l-użu tal-imblukkar tal-kreditu, tal-protezzjoni kontra s-serq tal-identità, jew ta’ twissijiet rigward il-frodi.

Ftakar, entitajiet leġittimi MA jitolbux għall-PINs, id-dettalji bankarji, jew ħlasijiet permezz tal-mowbajl jew bl-email. Qatt m’għandek tinstalla software bħat-TeamViewer għal aċċess mhux mitlub.

Irrapporta Ingann

Biex tirrapporta l-ingann, tista’ ċċempel lill-Unità Maltija Kontra l-Kriminalità Ċibernetika bin-numru (+356) 2294 2231 jew bl-indirizz elettroniku: computer.crime@gov.mt.

Jekk kont vittma ta’ ingann ta’ ħlas irrapporta lill-eqreb għassa tal-pulizija.