Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali f’Malta: Xi trid tkun taf
Huwa tajjeb li kull min jaħdem jew imexxi negozju f’Malta, jkun infurmat bil-proċeduri tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali meħtieġa sabiex tiġi determinata l-eliġibiltà għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali.
Wieħed isib gwida dettaljata ta’ kif il-kontribuzzjonijiet jiġu kalkulati, imħallsa, u kif jiddeterminaw l-eliġibilità għall-benefiċċji kontributorji hawn taħt.
Kif Jiġu kalkulati l-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali
Il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jiġi kkalkulat fuq il-bażi tad-dħul fil- ġimgħa u huma maqsuma fi tliet klassijiet rispettivament:
- l-ewwel (1) Klassi: Imħallsa minn persuni impjegati. Il-kontribuzzjoni hija perċentwal tal-paga bażika grossa ta’ kull ġimgħa, kemm minn min iħaddem kif ukoll mill-impjegat.
- It-tieni (2) Klassi: Imħallsa minn persuni li jaħdmu għal rashom, kull tliet xhur lill-Kummissarju tat-Taxxa fuq il-bażi tad-dħul iddikjarat.
- It-tielet (3) Klassi: Imħallsa minn persuni li jaħdmu għal rashom u li d-dħul tagħhom huwa minn kirjiet, interessi jew investimenti.
Il-kontribuzzjonijiet ikopru total ta tnejn u ħamsin (52) jew tlieta u ħamsin (53) kontribuzzjoni f’sena skond in-numru ta’ ġimgħat li jibdew mit-Tnejn, f’dik is-sena partikolari.
Min huwa obbligat iħallas Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali
Il-persuni kollha ‘l fuq minn sittax (16)-il sena u taħt l-età pensjonabbli ta’ ħamsa u sittin (65) f’impjieg assigurabbli huma obbligati li jħallsu kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Dan jinkludi:
- Persuni Impjegati: Individwi li jaħdmu b’kuntratt ta’/għal servizz jew apprentistat.
- Persuni li jaħdmu għal rashom: Individwi li jaqilgħu dħul minn professjoni jew negozju tagħhom.
Persuni li jħaddnu aktar minn impjieg part-time wieħed jistgħu jagħżlu li jħallsu l-kontribuzzjonijiet minn impjieg wieħed jew aktar (sa massimu ta’ 40 siegħa) sabiex iħallsu rata ta’ kontribuzzjoni ogħla, u konsegwentement itejjbu r-rata tal-pensjoni.
Impjegati part-time li jaħdmu inqas minn tmien (8) sigħat fil-ġimgħa mal-istess imgħallem, mhumiex ikkunsidrati f’impjieg assigurat għal skopijiet ta’ sigurtà soċjali, sakemm il-qligħ annwali tagħhom jaqbeż disgħa mija u għaxar ewro (€910) għaldaqstant mhux obbligati li jħallsu kontribuzzjonijiet.
Persuni li jaħdmu kemm full-time kif ukoll part-time għandhom iħallsu l-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali mill-impjieg full-time tagħhom biss.
Persuna waħedha li ma jkollhiex dħul min impjieg, tista tagħżel li tħallas kontribuzzjonijiet volontarji tal-tieni (2) klassi bħalha persuna li taħdem għaliha innifisha fuq il-bażi tad-dħul tagħha minn kirjiet, interessi, u dividendi.
Eliġibilità għall-benefiċċji
Il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jiddeterminaw l-eliġibilità għall-benefiċċji kontributorji, inklużi:
- Pensjoni tal-Irtirar: L-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa, jiddetermina l-eta’ pensjonabbli, l-eliġibilità u r-rata tal-pensjoni. Sabiex jikkwalifika għal pensjoni sħiħa, wieħed jeħtieġ medja annwali ta’ mill-inqas ħamsin (50) kontribuzzjoni mill-età ta’ dsatax (19)-il sena jew tmintax (18)-il sena jekk imwieled wara l-elf disgħa mija u tmienja u ħamsin (1958).
- Benefiċċju tal-Korriment: Il-kontribuzzjonijiet jiżguraw ħlas tal-benefiċċju f’każ ta’ korriment fuq ix-xogħol.
- Benefiċċju tal-Qgħad/Mard: Il-ġranet ta’ eliġibilità għall-benefiċċju huma kalkulati skont l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa qabel it-talba.
Riżorsi Addizzjonali
Għal aktar informazzjoni fuq Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali ikklikkja hawn.
Il-Website tipprovdi wkoll informazzjoni u gwida dwar kif wieħed għandu japplika għall-benefiċċji maħruġa mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali flimkien ma’ lista ta’ kriterji komprensivi ta’ eliġibiltà.