Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Kważi elf ġenitur tħallsu aktar minn nofs miljun ewro bħala benefiċċju temporanju tal-Covid

09/04/2021 | Aħbar Riċenti, Stqarrija

Sa tmiem din il-ġimgħa, kważi elf ġenitur ta’ tfal taħt is-16-il sena u ta’ tfal b’diżabilità severa se jkunu tħallsu l-benefiċċju temporanju tal-Covid minħabba l-għeluq tal-iskejjel.

Sa nhar is-Sibt li ġej. se jkunu tħallsu 992 familja minn fost 1,267 applikant li kellhom l-applikazzjoni tagħhom konkluża. Dan ifisser li 78% ta’ dawk li applikaw u li kellhom l-applikazzjoni tagħhom konkluża rriżultaw eliġibbli.

Bil-pagament ta’ tmiem din il-ġimgħa, l-ispiża se tkun telgħet għal €523,119, li meta imbgħad tgħodd il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali li se titħallsilhom ukoll, in-nefqa taqbeż il-€581,000.

Sadanittant, b’kollox applikaw 1,420 persuna li jfisser li sa issa nħadmu kważi 90% tal-applikazzjonijiet.

Skont l-iskema mħabbra mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, il-benefiċċju se jkun qed jitħallas sal-Ġimgħa, 9 ta’ April, u għalhekk issa mhux qed jintlaqgħu aktar applikazzjonijiet minħabba l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel. Iżda dawk li għad għandhom l-applikazzjoni pendenti, jekk jirriżultaw eliġibbli, xorta jitħallsu l-ġimgħa d-dieħla u jieħdu b’lura dak dovut.

Ta’ min jgħid li n-numru ta’ applikanti din is-sena kien ferm anqas minn ta’ sena ilu. Fil-fatt, waqt li sena ilu kienu applikaw 6,331 għal dan il-benefiċċju partikolari, din is-sena applikaw 1,420, jew 22%.

Dan juri li anke s-settur privat adatta ruħu sew għas-sitwazzjoni tal-pandemija, anke permezz ta’ skemi ta’ għajnuna mill-gvern, sabiex fejn kien possibbli, ċertu xogħol beda jsir mid-dar. Dan kien ta’ benefiċċju doppju kemm għall-ġenituri ħaddiema li baqgħu jaħdmu kif ukoll għal min iħaddimhom għax ix-xogħol baqa’ għaddej.

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tenna li dan il-gvern dejjem ikun hemm biex jgħin persuni li spiċċaw f’sitwazzjonijiet li ma jkollhomx kontroll fuqhom. Il-Ministru Michael Falzon insista li dan il-gvern dejjem ħadem sabiex ħadd ma jaqa lura, filwaqt li qal li persuni li kienu qed jieħdu t-‘Tapering of Benefits’ u l-‘In-Work Benefit’ baqgħu jibbenefikaw minn dawn l-għajnuniet flimkien mal-benfiċċju għall-ġenituri.