Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Numru tas-Sigurtà Soċjali

01/02/2026 | Aħbar Riċenti

Ħarsa Ġenerali

In-numru tas-sigurtà soċjali (qabel magħruf bħala numru tal-N.I. jew Numru tal-Assigurazzjoni Nazzjonali) jirreġistra persuni taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) u jintuża biex tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Dan in-numru jinħareġ darba biss u jibqa’ validu tul il-ħajja tal-applikant/a. Minn Ottubru 2016, ċittadini li għandhom Karta tal-Identità Maltija (serje M, L, G, H) ma jibqgħux jingħataw numru separat tas-Sigurtà Soċjali, iżda minflok jintuża n-numru tal-Karta tal-Identità tal-istess persuna. Intant, ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom li għandi il-Karta ta’ Residenza Maltija tispiċċa bil-‘A’, jew dawk mingħajr Karta ta’ Residenza Maltija, iridu jitolbu li jinħarġilhom in-Numru tas-Sigurtà Soċjali.

Minn Lulju 2025, meta min iħaddem (f’isem l-impjegat) jew persuna li taħdem għal rasha tissottometti Engagement Form lil Jobsplus biex tirreġistra impjieg, id-dettalji tal-individwu jintbagħtu lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Jekk l-impjegat jew il-persuna li taħdem għal rasha jkun eliġibbli, in-Numru tas-Sigurtà Soċjali (NSS) jinħareġ awtomatikament.

In-numru tal-Karta tal-Identità Maltija huwa rekwiżit mandatorju, peress li jippermetti lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali joħroġ in-Numru tas-Sigurtà Soċjali awtomatikament. Jekk in-numru tal-Karta tal-Identità ma jkunx ipprovdut, l-impjegat jew il-persuna li taħdem għal rasha għandu japplika għal Numru tas-Sigurtà Soċjali jew permezz tal-applikazzjoni online jew billi jżur ċentru Servizz.gov. In-Numru tas-Sigurtà Soċjali u ċ-Ċertifikat tar-Reġistrazzjoni jintbagħtu bil-posta jew bl-email, jekk ikun hemm indirizz elettroniku reġistrat mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Ċittadini tal-UE li ma jixtiqux japplikaw għal Karta ta’ Residenza Maltija skont l-Att dwar il-Libertà tal-Moviment, huma meħtieġa japplikaw għal numru tas-Sigurtà Soċjali permezz tal-applikazzjoni online jew billi jżuru ċentru ta’ Servizz.gov.

Barra minn hekk, il-kategoriji ta’ impjegati li ġejjin jistgħu jkollhom lil min iħaddimhom jitlob numru tas-Sigurtà Soċjali f’isimhom permezz tal-applikazzjoni online:

  • Ekwipaċċ tal-Ajru: Persuna li taħdem bħala ekwipaċċ fuq ajruplan li l-bażi ewlenija tiegħu tinsab Malta u li hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni Maltija skont ir-Regolament tal-UE 883/2004.
  • Baħri: Persuna li taħdem jew bħala impjegat jew bħala persuna taħdem għal rasha fuq vapur Malti u li hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni Maltija skont ir-Regolament tal-UE 883/2004.
  • Trasportatur: Persuna li taħdem f’diversi Stati Membri tal-EU minħabba d-dmirijiet tat-trasport u li hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni Maltija skont ir-Regolament tal-UE 883/2004.
  • Ċittadin Ħaddiem f’sitwazzjoni transkonfinali tal-EU: Persuna li taħdem f’sitwazzjoni kumplessa bejn Stati Membri tal-EU differenti u li hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni Maltija skont ir-Regolament tal-UE 883/2004.
  • EUNA: Ċittadini tal-UE rreġistrati ma’ impjegatur Malti. 

Nota: Waqt ir-reġistrazzjoni, individwi li jirreġistraw taħt l-Att tas-Sigurtà Soċjali jew jakkwistaw numru tal-Karta tal-Identità/Residenza Maltija, huma wkoll meħtieġa jaġġornaw id-dettalji ta’ kuntatt u dawk bankarji miżmuma mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali permezz tal-app mySocialSecurity.

X’ser jingħata

Persuni li għandhom Karta tal-Identità Maltija permanenti jiġu rreġistrati awtomatikament taħt l-Att tas-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) ladarba jilħqu l-età ta’ sittax-il (16) sena, u jirċievu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ftit jiem qabel għeluq is-snin tagħhom.

Impjegati jkollhom il-kontribuzzjonijiet jitnaqqsu mis-salarju jekk huma impjegati. Filwaqt li persuni li jaħdmu għal rashom jħallsu direttament lill-Kummissarju tat-Taxxi. Dawn il-kontribuzzjonijiet imħallsa jistgħu jagħtu dritt għal benefiċċji taħt l-Att (Kap. 318), suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà. Aktar informazzjoni dwar kategoriji ta’ kontribuzzjoni u ammonti li għandhom iħallsu impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom jew ikunu jaħdmu għalihom infushom hija disponibbli billi tikklikkja hawn.

Għal aktar informazzjoni dwar l-obbligi tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali ikklikkja hawn

Eliġibilità

Inti eliġibbli għall-ħruġ ta’ Numru tas-Sigurtà Soċjali (NSS) jekk:

  • M’għandekx diġà numru tas-Sigurtà Soċjali Malti.
  • Qed tiġi impjegat jew se tibda taħdem għal rasek.

Jekk għandek mill-anqas erbatax-il (14) sena u għadek fl-età obbligatorja tal-iskola, il-ġenitur jew il-kustodju legali tiegħek irid l-ewwel japplika għal permess permezz tas-Servizzi Nazzjonali ta’ Appoġġ għall-Iskejjel.

Dokumentazzjoni Meħtieġa

  • Ċittadini tal-UE (Impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom) mingħajr Karta tal-Identità Maltija valida:
    • Kopja tal-kuntratt tax-xogħol li turi li l-applikant se jwettaq impjieg jew xogħol għal rasu f’Malta.
  • Ċittadini mhux tal-UE (Impjegati):
    • Kopja tal-kuntratt tax-xogħol iffirmat minn min iħaddem, li jindika d-data tal-bidu tal-impjieg u jikkonferma l-impjieg jew xogħol għal rasu f’Malta.
    • Kopja tal-Liċenzja tal-Impjieg (Permess tax-Xogħol) li turi n-numru ta’ RefCom.
  • Ċittadini mhux tal-UE miżżewġin ma’ ċittadin Malti jew tal-UE (Impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom):
    • Kopja ta’ ittra mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u Espatrijati li tikkonferma d-dritt li taħdem jew tgħix liberament f’Malta taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Moviment.
    • Kopja tal-kuntratt tax-xogħol iffirmat minn min iħaddem, li jindika d-data tal-bidu tal-impjieg jew jikkonferma xogħol għal rasu f’Malta.
  • Ċittadini mhux tal-UE (Persuni li jaħdmu għal rashom):
    • Kopja tal-Liċenzja tal-Impjieg.
  • Ċittadini mhux tal-UE b’permess biex jaħdmu f’Malta taħt Direttivi tal-UE:
    • Kopja tal-kuntratt tax-xogħol iffirmat minn min iħaddem, li jindika d-data tal-bidu tal-impjieg.
    • Kopja tal-permess relevanti biex taħdem f’Malta taħt Direttivi tal-UE, kif jidher fuq id-dokument ta’ identifikazzjoni jew ċertifikat ekwivalenti maħruġ mill-Aġenzija Identità.
  • Persuna li qed tfittex Ażil u qed titlob li taħdem f’Malta:
    • Kopja tal-kuntratt tax-xogħol iffirmat minn min iħaddem, li jindika d-data tal-bidu tal-impjieg.

Kif tapplika

Imla u ssottometti l-applikazzjoni online. (verżjoni bl-ingliż biss)

Għajnuna

Jekk tiltaqa’ ma’ diffikultajiet waqt li taċċessa r-rekord tiegħek, l-għajnuna hija faċilment disponibbli. Tista’ żżur il-paġna Ikkuntatjana, tagħżel ‘Numru tas-Sigurtà Soċjali’ mill-grupp Reġistrazzjoni Taħt l-Att dwar is- Sigurtà Soċjali’, u tissottometti l-mistoqsija tiegħek.