Phishing, Malware, u Viruses: Ifhem X’inhu u Ddefendi Lilek Innifsek Kontra t-Theddid Online
Immaġina li tkun online qed tippjana vaganza li ilek ħafna tistenniha u klikkjatura mhux intenzjonata fuq link żbaljata tikkaġuna li virus jinfiltra fl-apparat tiegħek. Jew, immaġina li trid tagħti donazzjoni għall-karità imma tisfa’ vittma ta’ ingann inġenjuż. Inti ltqajt magħhom dawn ix-xenarji?
Il-phishing, il-malware u l-viruses huma wħud mill-aktar theddidiet sinifikanti għas-sigurtà online. Dawn it-theddidiet diġitali jagħtu s-setgħa liċ-ċiberkriminali li jaċċessaw l-informazzjoni personali u d-dejta kunfidenzjali, u ħafna drabi jkun hemm konsegwenzi gravi għall-vittmi. Tħossokx imbarazzat jekk sfajt vittma ta’ dan it-theddid; anki l-kumpaniji kbar tat-teknoloġija ġew ingannati minn individwi intelliġenti li użaw skemi elaborati.
Trid issir taf kif tissalvagwardja lilek innifsek minn perikli bħal dawn? Ejja naraw dan f’aktar dettall.
X’inhu l-Phishing?
Il-phishing huwa forma prevalenti ta’ inġinerija soċjali li għandha l-għan li tqarraq b’individwu biex jiżvela informazzjoni sensittiva bħall-passwords, in-numri tal-karti ta’ kreditu, jew id-dettalji bankarji. Dawn it-tentattivi ta’ ingann ġeneralment jitwasslu permezz ta’ emails, SMSs, u telefonati li taparsi jiġu minn sorsi li tista’ tafdahom. Dawk li jwettqu t-tentattivi ta’ ingann ta’ spiss jużaw tattiċi li jintimidaw u jimmanipulaw lill-vittmi ħalli dawn jikxfu d-dejta personali tagħhom.
Meta t-tentattivi tal-phishing jirnexxu dawn jistgħu jwasslu għal firxa ta’ problemi, inklużi frodi bil-karti ta’ kreditu, vjolazzjoni tad-dejta, attakki bir-ransomware, serq tal-identità u telf finanzjarju. Dawn huma xi xenarji tipiċi tal-phishing li għandek toqgħod attent għalihom:
- Messaġġi li jitolbu l-verifika ta’ informazzjoni personali, bħall-indirizz u n-numri tal-mowbajls.
- Emails, SMSs, jew talbiet għall-ħlas għal servizzi online.
- Links li jħajruk iddaħħal id-dettalji tal-login f’sit web li tidher leġittima imma hija mfassla biex tisraq id-dejta tiegħek.
- Emails b’hemżiet li jkun fihom kodiċi malizzjuż.
X’inhu l-Malware?
Il-malware huwa softwer malizzjuż iddisinjat biex jagħmel ħsara lill-kompjuter tiegħek jew jisraq l-informazzjoni, biex iċ-ċiberkriminali jiksbu aċċess mhux awtorizzat għad-dejta jew sistemi. Spyware, ransomware, Trojans, rootkits, adware, u keyloggers huma eżempji ta’ programmi użati biex tinsteraq dejta kunfidenzjali bħall-passwords, in-numri tal-karti ta’ kreditu jew informazzjoni bankarja. Lil hinn mis-serq tad-dejta, il-malware jista’ jikkorrompi l-fajls jew saħansitra jipparalizza netwerks sħaħ.
It-tipi komuni ta’ malware jinkludu:
- Trojans – li jaħbu lilhom infushom bħala programmi li ma jagħmlux ħsara imma jkun fihom kodiċi malizzjuż.
- Ransomware – li jikkripta d-dejta tal-utent u jitlob ħlas għad-deċifrar.
- Spyware – li jissorvelja l-attivitajiet online tal-utent u jisraq informazzjoni personali.
- Adware – li jimla l-iskrin tal-utent b’reklami intrużivi.
- Rootkits – li jagħtu privileġġi amministrattivi u fil-livell tas-sistema tal-apparat li jkun fil-mira tat-tentattivi ta’ ingann.
X’inhuma l-Viruses?
Tiftakar il-popups tedjanti li jinfurmawk li l-apparat tiegħek ġie nfettat b’virus waqt li kont qed tibbrawżja l-internet? Il-viruses huma mfassla biex ifixklu l-funzjonijiet tal-kompjuter, jaċċessaw id-dejta mingħajr permess, u jistgħu jintużaw għas-serq tal-informazzjoni. Ħafna drabi l-viruses jikkorrompu l-fajls, ibiddlu l-konfigurazzjonijiet, jew iħassru d-dejta, u jikkaġunaw ħsara sinifikanti kemm lill-individwi kif ukoll lin-negozji. Il-viruses għandhom ukoll il-kapaċità li jinfirxu malajr minn kompjuter għal ieħor jekk ma jiġux ikkontrollati.
Din hija l-forma li jista’ jieħu l-virus u x’jista’ jagħmel:
- Worms – jirreplikaw lilhom infushom u jinfirxu fin-netwerks.
- Viruses tas-Settur tal-Ibbutjar – jinfettaw is-settur tal-ibbutjar tal-hard drive tal-kompjuter.
- File Infectors – iwaħħlu lilhom infushom ma’ fajls li jistgħu jiġu eżegwiti.
- Viruses tal-mowbajls – jistgħu jitniżżlu minn siti web jew emails, u jikkaġunaw ħsara fil-mowbajls u t-tablets.
Kif Tista’ Tibqa’ Sikur Online
Li tevita l-phishing, il-malware, u l-attakki mill-viruses jista’ jidher ovvju, imma faċli ħafna li tinqabad għal għarrieda meta ma tkunx qed tistennihom. Oqgħod attent meta tikklikkja fuq links, tniżżel xi fajls (speċjalment minn sorsi mhux affidabbli), u tiftaħ l-hemżiet tal-emails. Kun partikularment xettiku rigward emails b’affarijiet jew links li jidhru sbieħ wisq biex ikunu veri.
Barra minn hekk, kun żgur li s-sistema operattiva u l-applikazzjonijiet tiegħek huma aġġornati biex tkun protett kontra l-aħħar theddid. Uża passwords siguri u attiva l-awtentikazzjoni b’żewġ fatturi kull meta jkun possibbli. Fir-rigward tal-kompjuter tiegħek, kun żgur li għandu software antivirus attiv.
Kun għassa anki fil-pjattaformi tal-midja soċjali. Il-frodisti ilhom ħafna jużaw dawn il-kanali għat-tentattivi tal-phishing u l-ħtif tal-kontijiet. Agħmel l-informazzjoni u d-dejta personali tiegħek siguri billi tagħmel konfigurazzjonijiet tal-privatezza stretti fil-kontijiet kollha tal-midja soċjali tiegħek.