Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

S’issa nefqa ta’ €5.81 miljun fuq benefiċċji marbuta mal-Covid-19 (verżjoni bil-malti biss)

29/04/2020 | Aħbar Riċenti, Stqarrija

Nhar l-Erbgħa 29 t’April sar il-ħames proċess ta’ ħlasijiet għal dawk il-persuni li kellhom l-impjieg tagħhom affetwat kawża tal-Covid-19, fejn b’kollox s’issa daħlu 9,095 applikazzjoni u ġew maħduma 96.7% tal-applikazzjonijiet li daħlu.

Sal-lum diġà ntlaqgħu u tħallsu 6,446 applikazzjoni li l-ammont fi flus tagħhom huwa ta’ €5.23miljun, liema pagamenti ikopru sal-Ġimgħa l-1 ta’ Mejju 2020.

Dawn id-dettalji tħabbru matul konferenza tal-aħbarijiet, l-Erbgħa waranofsinhar, u li qed ssir ta’ kull ġimgħa mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali Michael Falzon flimkien mas-Segretarju Permanenti Mark Musu.

Il-Ministru Michael Falzon qal li s’issa tħallsu ukoll €581,424 f’kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali biex b’hekk l-ispiża totali issa telgħet għal €5.81 miljuni.

Fost dawk li tħallsu llum hemm 5,454 persuni li rċevew il-benefiċċju tal-ġenituri, dak mediku jew tad-diżabilità waqt li żammew l-impjieg u hemm 165 persunali waqqful-benefiċċju u rritornaw għax-xogħol – dan ifisser li dawn huma 5,619 impjieg ieħor salvat li magħduda mal-84,000 impjieg salvati bl-iskemi tal-Malta Enterprise allura b’kollox sa issa ġew salvati 89,000 impjieg.

Dan ifisser li l-benefiċjarji imħallsa sa issa ħadu medja ta’ €902 f’għajnuna kull wieħed – dan jibqa’ jiżdied sakemm is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi u jibqgħu jirċievu l-benefiċċju rispettiv.

84.4% tal-benefiċjarji huma Maltin waqt li l-kumplament huma barranin, li huma maqsuma 6.7% minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u 8.9% minn Pajjiżi Terzi.

Is-Segretarju Permanenti Mark Musu qal illi saru ‘l fuq minn mitejn applikazzjoni li kienu doppji u għalhekk id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ħa ħsieb biex jaġġusta dawn in-numri t’applikazzjonijiet skont il-każ.

Mill-1 ta’ Marzu ‘l hawn id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali irċieva aktar minn 53,000 email u daħlu 11,330 telefonata fuq il-helpline tad-Dipartiment 25903000 mit-30 ta’ Marzu ‘l hawn.

Mis-16 ta’ Marzu ‘l hawn daħlu 8,753 telefonata fuq il-helpline 25903030 li qed jgħin anzjani li għandhom bżonn għajnuna biex jixtru affarijiet essenzjali, inkluż mediċini.

Mit-28 ta’ Marzu ‘l hawn, l-Aġenzija Appoġġ irċeviet 2,290 telefonata fuq il-helpline 1772 fejn assistew persuni li jħossuhom waħidhom.

Intant il-Ministru Michael Falzon sostna li kompla għaddej it-tqassim ta’ kaxxi tal-ikel, tant li diġà tqassmu 10,000 kaxxa bi prodotti essenzjali lil dawk vulnerabbli.

Sa issa saru wkoll 5,000 telefonata fuq Skype fir-Residenza San Vincenz de Paul sabiex ir-residenti ikunu jistgħu jitkellmu mal-qraba tagħhom.