Tfassil ta’ Politika
L-għan tagħna huwa li ninkludu l-utenti tas-servizz fil-livelli kollha ta’ konsultazzjoni, ppjanar u teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan l-organizzazzjoni. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali (DSS) jistinka biex jagħmel l-involviment tal-klijenti parti mill-kultura tiegħu billi jiżgura li dan l-approċċ isir b’mod konsistenti, b’mod robust u b’mod sinifikanti.
L-għan ewlieni tat-tfassil tal-politika huwa li tittejjeb il-ħajja taċ-ċittadini permezz tal-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-klijenti u azzjonijiet ta’ politika mmirati kif meħtieġ. L-uffiċjali li joħolqu l-politika jistinkaw sabiex iġibu lill-pubbliku eqreb lejn il-kisba tal-għan mixtieq tal-istat jew tal-pubbliku. Anke jekk l-ideat jiġu minn barra l-gvern, il-politika tinħoloq minn l-uffiċjali pubbliċi, u għalhekk it-tfassil tal-politika huwa l-proċess li bih il-gvern jittraduċi l-viżjoni politika tiegħu fi programmi u azzjonijiet li jiksbu l-‘eżiti’ mixtieqa.
Proċess tat-Tfassil tal-Politika
Il-proċess tal-iżvilupp ta’ politika jinvolvi diversi passi, li huma l-identifikazzjoni tal-problema, il-formulazzjoni tal-politika, t-teħid ta’ deċiżjonijiet, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni. L-evidenza u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati huma essenzjali biex jiggwidaw dan il-proċess u jrawmu s-sjieda għall-implimentazzjoni eventwali tagħha. Madankollu, filwaqt li dawk li jfasslu l-politika għandhom jiżguraw li jinkorporaw il-feedback tal-partijiet interessati, dan huwa dejjem soġġett għan-negozjati u l-kompromessi politiċi li jseħħu matul il-proċess tat-tfassil tal-politika.
Ċiklu tat-Tfassil tal-Politika
Proċess ta’ tfassil ta’ politika li jibni l-fiduċja huwa bbażat fuq deċiżjonijiet infurmati meħuda b’informazzjoni affidabbli u rilevanti li hija fl-interess pubbliku u li jsiru bi standards għoljin, li jinkludu l-passi li ġejjin:
- Identifikazzjoni tal-problema – Biex jiġi vvalutat jekk hemmx każ għal azzjoni ta’ politika pubblika, tiġi identifikata kwistjoni, jiġu eżaminati l-kawżi u l-ħtiġijiet sottostanti tagħha, u mbagħad tinġibed konklużjoni.
- Formulazzjoni ta’ politika – Il-formulazzjoni ta’ rispons ta’ politika tinvolvi li jiġu deskritti diversi xenarji li se jindirizzaw il-kwistjoni u jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini affettwati. Barra minn hekk, titwettaq valutazzjoni tal-għażliet, li tevalwa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ soluzzjonijiet potenzjali u hija tipikament ibbażata fuq analiżi tal-kost-benefiċċju.
- Teħid ta’ deċiżjonijiet – Is-soluzzjoni ppreferuta ġeneralment tintgħażel fil-livell politiku jew ta’ ġestjoni superjuri, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati li se jkunu affettwati direttament mir-riżultat, kull fejn ikun possibbli.
- Implimentazzjoni – Hekk kif il-maniġment jivvaluta u jkejjel il-progress fir-rigward tal-pjan, il-politika tiġi implimentata skond il-pjanijiet ta’ azzjoni miftiehma u tiġi mmonitorjata matul l-proċess kollhu.
- Evalwazzjoni – Fl-aħħarnett, il-politika tiġi evalwata, biex jiġi ddeterminat jekk irnexxielhiex tindirizza l-problema oriġinali u tilħaq il-ħtiġijiet ta’ dawk iċ-ċittadini affettwati.
Parteċipazzjoni fit-Tfassil tal- Politika
L-għoti tas-setgħa u l-parteċipazzjoni tal-utenti tas-servizzi saru element ewlieni tal-politika tal-gvern, u l-ħtieġa li wieħed jisma’ u jaġixxi fuq il-fehmiet tal-utenti tas-servizzi hija parti dejjem aktar integrali mill-ippjanar u t-twassil tas-Sigurtà Soċjali.
Dikjarazzjoni
L-utenti tas-servizz huma fil-qalba tal-missjoni tad-DSS għat-tiswir u t-titjib tat-twassil tas-sigurtà soċjali. Id-DSS kontinwament tistinka biex tiżgura li l-klijenti jingħataw is-setgħa u l-appoġġ biex jipparteċipaw fil-proċessi tat-tfassil tal-politika. Din id-dikjarazzjoni tibbaża fuq il-prinċipju ewlieni tal-involviment tal-klijenti fil-proċessi tat-tfassil tal-politika.
Utent tas-Servizz
It-terminu utent tas-servizz iqis ukoll id-diversità tan-nies fis-soċjetà tagħna kemm jekk definiti mill-età, il-kulur, ir-razza, l-etniċità jew in-nazzjonalità, ir-reliġjon, id-diżabilità, is-sess jew l-orjentazzjoni sesswali u jista’ jkollu bżonnijiet u tħassib differenti.
Id-DSS huwa impenjat sabiex jiżgura li l-involviment tal-utenti tas-servizz ikun kemm sinifikanti kif ukoll ta’ suċċess u jagħmel riżorsi disponibbli biex jappoġġja l-parteċipazzjoni tal-utenti tas-servizz matul il-proċessi tat-tfassil tal-politika. Fl-aħħar mill-aħħar, l-involviment tal-utent tas-servizz fit-tfassil tal-politika jiżgura aċċessibbiltà aħjar għas-servizz u kwalità tas-servizz.
Involviment tal-Utenti fil-Proċess tat-Tfassil tal-Politika
Id-DSS għandu l-għan li jiżviluppa politiki li jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-individwi u li huma rilevanti għaċ-ċirkostanzi tagħhom. L-involviment tal-utenti tas-servizz fil-proċess tat-tfassil tal-politika huwa mmirat sabiex:
- Jiżgura li jkun hemm approċċ konsistenti għall-involviment tal-utenti tas-servizz fil-proċessi tat-tfassil tal-politika.
- Jippromwovi l-involviment tal-utent tas-servizz bħala komponent integrat tal-proċessi organizzattivi tat-tfassil tal-politika.
- Jippermettu lill-utenti tas-servizz li jkollhom rwol ewlieni fil-proċessi tat-tfassil tal-politika.
Konsultazzjoni Pubblika
Il-konsultazzjoni issir sabiex tilqa’ l-fehmiet ta’ dawk barra mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex dan il-proċess jiġi infurmat aħjar. Il-konsultazzjoni mhix intenzjonata li tkun sostitut għat-teħid tad-deċiżjonijiet iżda tirrifletti l-fatt li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet jibbenefika milli jkollu l-akbar firxa ta’ fehmiet u l-aktar informazzjoni sħiħa dwar kwistjoni partikolari. Iż-żewġ metodi ewlenin ta’ konsultazzjoni jinkludu konsultazzjonijiet bil-miktub u konsultazzjonijiet online.
It-Tliet Fażijiet tal-Konsultazzjoni Pubblika
- Konsultazzjoni Miftuħa – F’dan l-istadju, il-pubbliku huwa mitlub jissottometti kummenti.
- Konsultazzjoni Magħluqa – F’dan l-istadju l-kummenti kollha riċevuti jiġu ffiltrati permezz tal-proċess ta’ moderazzjoni.
- Pubblikazzjoni ta’ Feedback u Rapport ta’ Riżultat – Dan huwa l-aħħar stadju fejn il-konsultazzjoni pubblika ġiet konkluża. F’dan l-istadju, ir-rispons magħżul u rapport dettaljat tar-riżultat huma ppubblikat u magħmul disponibbli għall-pubbliku.
Id-DSS, li huwa parti mill-Ministeru tal-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, jopera fi spirtu ta’ governanza miftuħa u trasparenti u tħeġġeġ lill-pubbliku, lis-soċjetà ċivili, lill-organizzazzjonijiet, lill-unions, lill-organizzazzjonijiet tan-negozju, lill-partiti politiċi, lill-istituzzjonijiet governattivi, u lill-kuill min jixtieq jikkontribwixxi biex jipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika online. Ikklikkja hawn biex tara l-konsultazzjonijiet attivi tagħna.
Tista’ wkoll tabbona biex tiġi mgħarraf bl-email bil-konsultazzjonijiet attivi tagħna.