Benefiċċji tal-Qgħad
F’liema pajjiż għandha tapplika persuna?
Persuna trid tirreġistra bħala persuna li qed tfittex ix-xogħol mas-servizzi tal-impjieg u titlob benefiċċju tal-qgħad fil-pajjiż fejn il-persuna ħadmet l-aħħar, sakemm il-persuna ma tkunx residenti f’pajjiż differenti. B’mod ġenerali, biex tirċievi l-benefiċċju tal-qgħad, persuna trid tkun toqgħod fil-pajjiż li jħallas il-benefiċċju. Madankollu, taħt ċerti kundizzjonijiet il-persuna tista’ tmur tfittex xogħol f’pajjiż ieħor tal-UE u tkompli tirċievi l-benefiċċju tal-qgħad mill-pajjiż tal-aħħar attivita’ (ara l-Prinċipju tal-Esportazzjoni).
Liema pajjiż iħallas il-benefiċċju tal-qgħad?
Ħaddiem li jaħdem bejn il-fruntieri li jkun kompletament bla xogħol – jiġifieri persuna li taħdem fi Stat Membru wieħed iżda residenti fi Stat Membru ieħor li fih tirritorna kuljum jew mill-inqas darba fil-ġimgħa – għandu jitlob il-benefiċċju tal-qgħad fl-Istat Membru ta’ residenza, filwaqt li ħaddiem li jkun mar jgħix fil-pajjiż tax-xogħol li jkun qiegħed għal kollox jista,’ jew jitlob benefiċċju fil-pajjiż tal-aħħar attivita’ jew jista’ jirritorna fil-pajjiż ta’ residenza u jirċievi l-benefiċċju tal-qgħad hemmhekk. Għal persuni parzjalment qiegħda, l-Istat Membru tal-impjieg huwa responsabbli għall-għoti tal-benefiċċju tal-qgħad, irrispettivament mill-pajjiż ta’ residenza tal-persuna (l-ebda dispożizzjonijiet bħal dawn fl-iskema Maltija).
Kif tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà għall-benefiċċju? — Prinċipju ta’ l-Aggregazzjoni
Kull pajjiż jistabbilixxi l-kriterji ta’ eliġibbiltà tiegħu stess inklużi l-perjodi tal-assigurazzjoni meħtieġa għall-ħlas tal-benefiċċju. Meta t-tul tal-attività tax-xogħol ma tkunx biżżejjed, il-perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor jitqiesu mill-istituzzjoni tal-pajjiż li fih tiġi ppreżentata t-talba għall-benefiċċju tal-qgħad. Dan il-pajjiż tal-aħħar jaggrega l-perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor (jew iktar minn wieħed), sakemm il-persuna kienet taħdem bejn id-data tal-wasla f’dak il-pajjiż u d-data tal-ewwel reġistrazzjoni bħala persuna li qed tfittex xogħol. Id-dokument U1 huwa d-dokument portabbli li jiċċertifika l-perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru tal-UE. Id-dokument U1 jinħareġ mill-istituzzjoni tal-pajjiż li fih tkun ħadmet il-persuna. Huwa rakkomandabbli li persuna titlob dokument U1 mill-pajjiż tal-aħħar assigurazzjoni qabel ma tiġi toqgħod f’Malta.
Kif jiġi kkalkulat il-benefiċċju?
Mhux l-Istati Membri kollha jikkalkulaw il-benefiċċju tal-qgħad bl-istess mod; xi skemi jipprovdu għal rata fissa ta’ benefiċċju (bħal Malta) filwaqt li skemi oħra huma bbażati fuq id-dħul. Meta l-benefiċċji jkunu bbażati fuq id-dħul, jitqiesu biss is-salarji jew id-dħul professjonali imħallsa fl-istat tal-aħħar attivita’. Barra minn hekk, f’xi pajjiżi l-ammont tal-benefiċċju tal-qgħad jiżdied skont in-numru ta’ membri tal-familja, anke jekk dawn jgħixu fi Stat Membru ieħor.
Prinċipju tal-Esportazzjoni
Persuna li tirċievi benefiċċju tal-qgħad minn pajjiż, tista’ tagħżel li tmur tfittex xogħol fi Stat Membru ieħor. F’dak il-każ, il-benefiċċju tal-qgħad li persuna tkun qed tirċievi fl-ewwel pajjiż jista’ jiġi esportat u jitħallas waqt li l-persuna tkun qed tfittex xogħol fil-pajjiż l-ieħor. Il-persuna li qed tfittex ix-xogħol għandha tinforma lill-istituzzjoni kompetenti għall-ħlas tal-benefiċċju tal-qgħad u din tal-aħħar għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex tkompli tħallas il-benefiċċji dovuti lill-persuna li qed tfittex ix-xogħol, anki jekk hija ma tkunx għadha soġġetta għall-proċeduri ta’ kontroll ta’ dak il-pajjiż. Madankollu, meta jagħżel li jesporta l-benefiċċju minn Stat Membru għal ieħor, persuna li qed tfittex ix-xogħol għandha tkun soġġetta għall-proċeduri ta’ impjieg u kontroll ta’ dan il-pajjiż tal-aħħar. Il-benefiċċju jista’ jiġi esportat għal perjodu ta’ tliet xhur. Madankollu, jekk l-awtorità kompetenti (tal-pajjiż li jħallas il-benefiċċju) tkun sodisfatta li l-persuna li qed tfittex ix-xogħol għandha prospetti tajbin li ssib impjieg fil-pajjiż l-ieħor, il-perjodu ta’ 3 xhur jista’ jiġi estiż għal 6 xhur.
F’termini tal-iskema Maltija, il-benefiċċji li ġejjin huma kkunsidrati bħala Benefiċċji tal-Qgħad:
Meta l-attività tax-xogħol ta’ persuna tkun ġiet limitata għall-iskema tas-sigurtà soċjali Maltija biss, jew meta l-perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa f’Malta jkunu tali li l-kriterji ta’ eliġibbiltà jiġu ssodisfati, japplikaw il-proċeduri nazzjonali. Madankollu, jekk l-attività tax-xogħol ta’ persuna tinvolvi Stat Membru wieħed jew aktar tal-UE, ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jiġu applikati kif deskritt fil-qosor fix-xenarji li ġejjin.
Mistoqsijiet Frekwenti
1. Kont assigurat u ngħix f’Malta qabel ma ġejt bla xogħol, iżda m’iniex eliġibbli għall-benefiċċju tal-qgħad. X’nista’ nagħmel?
Meta persuna assigurata taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali Maltija titlob il-benefiċċju tal-qgħad skont il–proċeduri nazzjonali, iżda ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-kontribuzzjoni, huwa meħtieġ ir-rekord tal-assigurazzjoni għall-finijiet tal-benefiċċju tal-qgħad, li jkun ġie imwettaq fi Stat Membru ieħor tal-UE. Dan ir-rekord huwa ppreżentat fil-forma ta’ dokument portabbli (dokument U1) li jista’ jintalab direttament mill-persuna lil-pajjiż tal-assigurazzjoni preċedenti. Alternattivament, id-dokument U002 jista’ wkoll jiġi skambjat bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Għalhekk, f’każ bħal dan, il-persuna għandha tikkuntattja lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex tibda l-proċedura. Ladarba d-Dipartiment jirċievi d-dokument U1 jew U002, it-talba għall-benefiċċji tal-qgħad tiġi riveduta skont dan.
2. Kont assigurat f’Malta iżda issa mort ngħix fi Stat Membru ieħor tal-UE. Kif nista’ nikseb rekord tal-perjodi ta’ assigurazzjoni tiegħi f’Malta?
Meta persuna tiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor tal-UE u tkun meħtieġa tipprovdi informazzjoni dwar l-assigurazzjoni preċedenti mwettqa f’Malta, tkun disponibbli applikazzjoni onlajn għad–dokument U1. Ladarba tiġi ppreżentata d-dokumentazzjoni rilevanti kollha, id-dokument jinħareġ b’mod elettroniku direttament lill-persuna.
Alternattivament, id-dokument U002 jista’ wkoll jiġi skambjat bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. L-istituzzjoni kompetenti fl-Istat Membru ta’ residenza għandha titlob l-informazzjoni direttament mill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali Maltija. Sabiex jitħaffef il-proċess, il-persuna għandha tipprovdi lill-istituzzjoni kompetenti bid-dokumenti rilevanti għall-iskema Maltija bħal:
- in-numru tas-sigurtà soċjali
- id-dokumenti FS3 (maħruġa mill-impjegatur Malti) li jkopru l-perjodi ta’ impjieg f’Malta, jew
- l-irċevuti tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fil-każ ta’ persuni li jaħdmu għal rashom
Ladarba jitlestew, il-perjodi ta’ assigurazzjoni jintbagħtu direttament lill-istituzzjoni kompetenti fl-Istat Membru ta’ residenza.
3. Jien assigurat f’Malta iżda ngħix fi Stat Membru ieħor. Kif nista’ nitlob il-benefiċċju tal-qgħad?
Persuna li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor iżda li hija assigurata f’Malta ma tistax titlob il-benefiċċju tal-qgħad direttament minn Malta.
Alternattivament, il-persuna tista’ tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol fl-Istat Membru ta’r-residenza u titlob il-benefiċċju tal-qgħad hemmhekk. Ladarba l-Istat Membru tar-residenza jiddetermina li l-persuna effettivament żammet ir-residenza abitwali f’dak l-Istat Membru matul il-perjodu ta’ xogħol f’Malta, il-benefiċċju jingħata skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-pajjiż. Sussegwentement, l-Istat Membru ta’ residenza jitlob rimborż tal-fondi minn Malta.
F’dan il-każ, huwa rakkomandabbli wkoll li l-persuna tapplika għal dokument U1 bħala evidenza tal-perjodi ta’ assigurazzjoni imwettqa fl-iskema Maltija. Dan id-dokument għandu jiġi ppreżentat lill-istituzzjoni tal-Istat Membru tar- residenza.
4. Jien assigurat fi Stat Membru ieħor tal-UE iżda ngħix f’Malta. Kif nista’ nitlob il-benefiċċju tal-qgħad?
Persuna li tirrisjedi f’Malta iżda li hija assigurata fi Stat Membru ieħor ma tistax titlob benefiċċju tal-qgħad direttament minn dak l-Istat Membru.
Alternattivament, il-persuna tista’ tirreġistra bħala persuna li qed tfittex impjieg mas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi u talba għal benefiċċju tal-qgħad tiġi rreġistrata awtomatikament. Jekk jiġi stabbilit li l-persuna effettivament żammet ir-residenza abitwali f’Malta, il-benefiċċju jingħata skont il–proċeduri nazzjonali. Sussegwentement, Malta titlob rimborż tal-fondi mill-Istat Membru tal-impjieg.
5. Qed nirċievi benefiċċju tal-qgħad minn Malta u nixtieq infittex impjieg fi Stat Membru ieħor. Il-benefiċċji tiegħi jieqfu?
Ir-regoli tal-UE jipprovdu għall-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad minn Stat Membru għal ieħor. Persuna li tirċievi Benefiċċju tal-Qgħad minn Malta, tista’ tagħżel li tkompli l-attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg fi Stat Membru ieħor tal-UE. Il-persuna se jkollha tirrispetta l-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti mis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi fl-Istat Membru l-ieħor.
Persuna li tixtieq tesporta l-benefiċċju tal-qgħad lejn Stat Membru ieħor għandha tikkuntattja lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali mill-inqas ġimagħtejn qabel it-tluq biex tikkonferma l-eliġibbiltà għall-esportazzjoni u biex tagħmel l-arranġamenti meħtieġa. Se jiġi pprovdut dokument portabbli U2 li jindika perjodu ta’ 7 ijiem li jibda mid-data tat-tluq miftiehma qabel, li fih il-persuna trid tirreġistra mas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi fl-Istat Membru l-ieħor. Din tal-aħħar eventwalment se tinforma lil Malta bid-data tar-reġistrazzjoni u se tkompli tipprovdi segwitu ta’ kull xahar. Il-benefiċċji jkomplu sakemm jiskadu jew sakemm il-persuna ssib impjieg. Aktar informazzjoni hija disponibbli hawnhekk.
6. Qed nirċievi benefiċċju tal-qgħad minn Stat Membru ieħor tal-UE u nixtieq infittex impjieg f’Malta. X’għandi nagħmel?
Persuna li tiċċaqlaq lejn Malta biex tkompli bl-attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg trid tirreġistra mas- Servizz Pubbliku tal-Impjiegi lokali fil-perjodu ta’ sebat ijiem indikat fid-dokument U2 ipprovdut mill-Istat Membru li jkun qed iħallas il-benefiċċju.
Wara li titlesta r-reġistrazzjoni, għandek tippreżenta d-dokument U2 tiegħek kif ukoll il-konferma tar-reġistrazzjoni maħruġa minn Jobsplus lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Aktar informazzjoni hija disponibbli hawnhekk.