Informazzjoni dwar Riformi fil-Pensjonijiet Kontributorji
Pensjonijiet Kontributorji għall-Irtirar
Il-pensjonijiet kontributorji all-irtirar jinqasmu f’żewġ skemi, il-pensjonijiet b’rata fissa u l-pensjonijiet taż-żewġ terzi.
Il-pensjonijiet b’rata fissa jingħataw lill-pensjonanti li jirċievu wkoll pensjoni tas-servizz u lill-pensjonanti li għandhom dħul pensjonabbli baxx. Il-pensjonijiet taż-żewġ terzi jingħataw lill-pensjonanti ‘l oħra kollha.
Pensjoni sħiħa għall-irtirar teħtieġ medja annwali ta’ mill-inqas ħamsin (50) kontribuzzjoni mill-1956 jew mill-età ta’ dsatax-il (19) sena (skont liema minnhom isseħħ aktar tard) u/jew mill-età ta’ tmintax-il (18) sena, jekk wieħed ikun twieled wara l-1958 sal-aħħar sena sħiħa qabel is-sena tal-irtirar.
Skont ir-Rapport tar-Riforma fil-Pensjonijiet tal-2010, b’effett minn Jannar 2014, l-età tal-pensjoni żdiedet għal wieħed u sittin (61) sena, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, u l-akkumulazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet meħtieġa għal pensjoni sħiħa taz-żewġ terzi żdiedet għal ħamsa u tletin (35) sena.
Għal dawk il-pensjonanti li kienu jirċievu l-pensjoni qabel 2006, u kienu intitolati għal għotja ta’ darba li ingħatat mar-rata tal-pensjoni, din iż-żieda għadha tingħatalhom fir-rata ta’ kull sena.
L-età statutorja tal-Pensjoni hija kif ġej:
Persuna li twieldet bejn: | Età tal-Pensjoni |
---|---|
1952 u 1955 | 62 |
1956 u 1958 | 63 |
1959 u 1961 | 64 |
Persuni li twieldet minn: | Età tal-Pensjoni |
---|---|
1/1/1962 il-quddiem | 65 |
Persuna tista’ tagħżel li tirtira qabel l-età tal-pensjoni iżda mhux qabel il-wieħed u sittin (61) sena sakemm ma tkunx f’impjieg bi qligħ u tkun ħallset il-kontribuzzjonijiet stipulati bejn l-età ta’ tmintax-il (18) sena u d-data tal-irtirar kif ġej:
Persuna li twieldet bejn: | Numru ta’ Kontribuzzjonijiet Imħallsa |
---|---|
1952 u 1961 | 1820 (35 sena) |
1962 u 1968 | 2080 (40 sena) |
Persuna li twieldet minn: | Numru ta’ Kontribuzzjonijiet Imħallsa |
---|---|
1/1/1969 il-quddiem | 2132 (41 sena) |
Inċentivi għall-persuni li jagħżlu li ma jeħdux il-pensjoni tal-irtirar u jibqgħu fl-impjieg tagħhom jew jaħdmu għal rashom.
L-ewwel pass li ħa l-Gvern ta’ Malta kien billi nieda dan l-inċentiv għall-ħaddiema fis-settur privat u għal min jaħdem għal rasu kif ġej:
Età tal-Pensjoni tal-Irtirar | Għażla ta’ età f’impjieg* | Żieda f% fir-rata tal-Pensjoni | Età ta’ Intitulament |
---|---|---|---|
61 | 62 | 6.5 | 62 |
62 | 63 | 7 | 63 |
63 | 64 | 7.5 | 64 |
64 | 65 | 8 | 65 |
* mingħajr ma jitolbu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom fl-età tal-pensjoni tal-irtirar
Dawk li jagħżlu li jipposponu l-Pensjoni tal-Irtirar tagħhom għal aktar minn sena, se jkollhom iż-żieda perċentwali tal-pensjoni tagħhom akkumulata hekk kif ġej:
Età tal-Pensjoni tal-Irtirar | Għażla ta’ età f’impjieg* | Żieda f’% fir-rata tal-Pensjoni | Età ta’ Intitulament |
61 | 63 | 13.5 | 63 |
61 | 64 | 21 | 64 |
61 | 65 | 29 | 65 |
62 | 64 | 14.5 | 64 |
62 | 65 | 22.5 | 65 |
63 | 65 | 15.5 | 65 |
* mingħajr ma jitolbu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom fl-età tal-pensjoni tal-irtirar.
Iż-żieda perċentwali fil-pensjoni hija kumulattiva u tibqa titħallas sal-mewt tal-pensjonant.
Il-perċentwal taż-żieda fil-pensjoni se jkun pagabbli lill-persuni eliġibbli kollha li jirċievu Pensjoni Kontributorja għall-Irtirar li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq inklużi dawk li jirċievu l-Pensjoni Massima taż-Żewġ Terzi.
Iż-żieda perċentwali hija pagabbli apparti minn żidiet oħra fil-pensjonijiet, inkluża ż-Żidiet tal-Għoli tal-Ħajja.
Iż-żieda perċentwali tiġi ttrasferita fil-każ ta’ Pensjoni Kontributorja tar-Romol.
Aktar Informazzjoni
L-inċentivi għall-persuni li jżommu l-impjieg tagħhom lil hinn mill-età ta’ wieħed u sittin (61) sena jew mill-eta’ tal-pensjoni tagħhom, daħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2016, u [ew estizi għall-impjegati tas-settur pubbliku mill-1 ta’ Jannar 2019. Għalhekk, persuna li kienet eliġibbli għal Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar tal-inqas fl-età ta’ wieħed u sittin (61) sena, iżda li tagħżel li titlob il-pensjoni tagħha tal-anqas b’differiment ta’ sena, se tibbenefika miż-żidiet fil-perċentwal tal-pensjoni msemmija. Din iż-żieda se takkumula kull sena hekk kif id-data tal-għoti tal-pensjoni tiġi posposta. Persuna imjegata li tagħżel li tirtira wara l-età tal-pensjoni statutorja tagħha tista tagħmel dan bi ftehim mal-imgħallem tagħha.
Hawn taħt hawn tliet eżempji li se jgħinu biex jispjegaw dan l-inċentiv ġdid (jekk wieħed jassumi li z-zieda għall-għoli tal-ħajja se tkun ta’ €1.75 fil-ġimgħa).
- Persuna intitolata għal pensjoni kontributorja ta’ €8,000 fis-sena (€153.84 kull ġimgħa) fl-età ta’ 61 sena.
Talba għal Pensjoni ta’ età | Flok l-età | Pensjoni tiżdied għal | Pensjoni fil-Ġimgħa |
62 | 61 | €8,520 | €163.85 |
63 | 61 | €9,080 | €174.62 |
64 | 61 | €9,891.28 | €190.22 |
65 | 61 | €10,320 | €198.46 |
Għalhekk, jekk persuna li hija intitolata għal pensjoni kontributorja ta’ €153.84 fil-ġimgħa fl-età ta’ 61 sena, u tkompli taħdem sal-età ta’ 65 sena u għalhekk titlob il-pensjoni tagħha fl-età ta’ 65 sena, l-intitolament tal-pensjoni tagħha jiżdied għal €198.45 fil-ġimgħa, żieda netta ta’ kważi €44.61 fil-ġimgħa.
- Persuna intitolata għal pensjoni kontributorja ta’ €9,500 fis-sena (€182.69 fil-ġimgħa) fl-età ta’ 62.
Talba għal Pensjoni ta’ età | Flok l-età | Pensjoni tiżdied għal | Pensjoni fil-Ġimgħa |
63 | 62 | €10,117.50 | €194.57 |
64 | 62 | €10,782.50 | €207.36 |
65 | 62 | €11,495 | €221.06 |
Għalhekk, jekk persuna li hija intitolata għal pensjoni kontributorja ta’ €182.69 fil-ġimgħa fl-età ta’ 62 sena, tkompli taħdem sal-età ta’ 65 sena u għalhekk titlob il-pensjoni tagħha fl-età ta’ 65 sena, l-intitolament tal-pensjoni tagħha jiżdied għal €221.05 fil-ġimgħa, żieda netta ta’ kważi €38.36 fil-ġimgħa.
- Persuna intitolata għal pensjoni kontributorja ta’ €11,500 fis-sena (€221.15 fil-ġimgħa) fl-età ta’ 63.
Talba għal Pensjoni ta’ età | Flok l-età | Pensjoni tiżdied għal | Pensjoni fil-Ġimgħa |
64 | 63 | €12,247.50 | €235.53 |
65 |
63 | €13,052.50 | €251.01 |
Għalhekk, jekk persuna li hija intitolata għal pensjoni kontributorja ta’ €221.15 fil-ġimgħa fl-età ta’ 63 sena u tkompli taħdem sal-età ta’ 65 sena u b’hekk titlob il-pensjoni tagħha fl-età ta’ 65 sena, ikollha l-intitolament tal-pensjoni tagħha jiżdied għal €251.01 fil-ġimgħa, żieda netta ta’ kważi €29.86 fil-ġimgħa.
Pensjoni tal-Età Mhux Kontributorja
Persuni li huma residenti f’Malta, ta’ aktar minn sittin (60) sena u li ma jikkwalifikawx għal pensjoni kontributorja għall-irtirar minħabba li ma jkollhomx in-numru minimu ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa jewak akkreditati, jistgħu jkunu intitolati għal Pensjoni tal-Età mhux kontributorja jekk jissodisfaw it-test tal-mezzi tal-kapital u tad-dħul.
Pensjoni Kontributorja għall-Invalidità
Il-pensjonijiet kontributorji għal Invalidità jingħataw lil persuni li jkunu ħallsu mill-inqas mitejn u ħamsin (250) kontribuzzjoni u li jkunu qed ibatu minn kundizzjoni medika li skont il-bord mediku tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tagħmilhom inkapaċi b’mod permanenti għal kwalunkwe impjieg full-time u/jew part-time.
Dawn il-persuni għandhom ikunu inkapaċi għax-xogħol (li jsofru mill-kundizzjoni medika tagħhom) għal mill-inqas sitt (6) xhur qabel it-talba tagħhom u f’impjieg kontinwu u/jew jirreġistraw għax-xogħol fuq ir-reġistru tal-Parti 1 miżmum minn Jobsplus għal mill-inqas sena (1).
Hemm tmien rati tal-Pensjoni għal Invalidità skont il-medja annwali tal-kontribuzzjonijiet imħallsa u/jew ikkreditati u l-istat ċivili tar-rikorrent. Dawn ir-rati mhumiex relatati mas-salarju li kienet taqla l-persuna eliġibbli meta kien/kienet fl-impjieg jew xogħol għal rasha.
Kontributorja għar-Romol
Il-pensjonijiet kontributorji għar-romol jingħataw lil persuni romol li l-konjuġi tagħhom kien/kienet ħallset bizzejjed kontribuzzjonijiet li bis-saħħa tagħhom ikollha medja ta’ mhux inqas minn ħmistax-il (15) kontribuzzjoni fis-sena. Tali pensjoni tista’ titħallas ukoll fejn il-konjuġi jkun miet/et minħabba xi diżgrazzja waqt il-qadi ta’ dmirijiethom (f’impjieg).
Pensjoni għar-romol titħallas sħiha mingħajr ebda tnaqqis jekk l-armla tkun qed twettaq xogħol bi qligħ full-time u, fejn armla tiżżewweġ mill-ġdid, tkun dovuta pensjoni b’rata fissa tar-romol.
Ħajja Barranija Barra mill-Pajjiż
Ċittadini Maltin li jgħixu l-Awstralja, il-Kanada jew New Zealand
Sabiex ċittadini Maltin residenti fl-Awstralja, il-Kanada jew New Zealand jitolbu pensjoni Maltija, huma għandhom jagħmlu talba permezz tal-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż li jgħixu fih.
Ċittadini Maltin jgħixu f’Pajjiżi fl-Unjoni Ewropea
Sabiex ċittadini Maltin li jgħixu f’pajjiż tal-UE jitolbu pensjoni Maltija, huma jridu jagħmlu talba permezz tal-instituzzjoni tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom. Jekk il-persuni kkonċernati kienu assigurati fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom, huma għandhom jagħmlu t-talba permezz tal-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tal-istess pajjiż. Jekk iċ-ċittadini Maltin ikkonċernati, jgħixu f’pajjiż tal-UE iżda qatt ma ħadmu hemm, l-applikazzjoni xorta waħda għandha tiġi ppreżentata permezz tal-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tal-istess pajjiż. It-talba mbagħad tintbagħat għall-ipproċessar lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ta’ Malta mill-istess pajjiż ta’ residenza.
Ċittadini Maltin li jgħixu f’Pajjiżi li mhumiex Stati membri tal-Unjoni Ewropea
Sabiex ċittadini Maltin li jgħixu f’pajjiż li mhux Stat membru tal-Unjoni Ewropea jitolbu pensjoni Maltija, huma għandhom jippreżentaw applikazzjoni direttament mad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali f’Malta. Dan jista’ jsir jew billi jitniżżlu l-formoli tal-applikazzjoni mill-website tas-Sigurtà Soċjali u jintbagħtu bil-posta jew billi tiġi ppreżentata talba fiżikament waqt btala f’Malta.
Il-formoli għal kull tip ta’ pensjoni jistgħu jitniżżlu minn dan il-website billi tagħżel is-sezzjoni ta’ Ftehimiet Bilaterali.