Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Proġett ESF+ Food 4 You Support

Overview

Familji fil-bżonn, b'mod partikolari dawk li jinkludu tfal u anzjani, se jkunu qed jiġu assistiti permezz ta' distribuzzjoni perjodika ta' pakketti tal-ikel. Se ssir enfasi fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu f'dawn il-familji u biex jittaffa r-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali.

 

Apparti mill-pakketti tal-ikel, il-familji se jingħataw ukoll l-appoġġ soċjali meħtieġ minn uffiċjali li huma professjonisti fil-qasam tal-ħarsien soċjali.

 

Dan il-proġett hu ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew+ tal-Unjoni Ewropea. 

What you’ll get

Permezz ta’ dan il-proġett, prodotti tal-ikel li huma kkunsidrati bħala tajbin għas-saħħa, se jitqassmu lil dawk li huma eliġibbli bil-għan li jgħinu lil dawn l-istess familji jżommu dieta bilanċjata u varjata.

 

Il-kontenut fil-pakketti tal-ikel imqassma taħt il-proġett ta’ Food 4 You Support jikkonsistu f’dan li ġej: Ċerejali (minn qamħ sħiħ), Corn Flakes, Għaġin, Ross, Ħaxix (fil-bottijiet), Polpa tat-Tadam (fil-bottijiet), Frott (fil-bottijiet), Tonn taż-Żejt, Corned Beef, Zalzett (fil-bottijiet), Fażola (fil-bottijiet), Kuskus, Legumi, kif ukoll Te’ u Kafè.

 

Dawn il-pakketti tal-ikel jitqassmu madwar tlett (3) darbiet fis-sena.

Application Requirements

F’dan il-proġett, m’hemmx għalfejn tiġi sottomessa l-ebda applikazzjoni biex wieħed jibbenefika mill-kaxxi tal-ikel, peress li dawk kollha li huma intitolati biex jibbenefikaw minn dan il-proġett ser jirċievu ittra bil-quddiem li tinfurmahom li huma eliġibbli, kif ukoll jiġi indikat lilhom iċ-ċentru, id-dati u l-ħinijiet, minn fejn jistgħu jiġbru l-pakketti tal-ikel dovuti lilhom.

 

Il-pakketti tal-ikel jitqassmu minn tmintax-il (18) ċentru mifruxin madwar Malta u Għawdex biex kemm jista’ jkun jiffaċilitaw il-ġbir tal-ikel fost dawk li huma eliġibbli.

Għal tagħrif dwar jekk intix eliġibbli għall-Proġett Food 4 You Support jew għal kwalunkwè informazzjoni fuq il-proġett b’mod ġenerali, inħeġġuk tikkuntattja lid-Diviżjoni tal-iStrateġija u Implimentazzjoni fuq 25903174 jew billi tibgħat email fuq foodsupport.family@gov.mt. Għal kwalunkwè assistenza oħra waqt it-tqassim tal-kaxxi tal-ikel miċ-ċentri ta’ distribuzzjoni, kif ukoll kwistjonijiet oħra relatati ma’ mobilità, tista’ ċċempel fuq 22588929 jew 79013090.

Eligibility

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:
 

•    Kategorija 1: Familji li jirċievu benefiċċji mhux kontributorji u jgħaddu mit-test tal-mezzi u li għandhom żewġt (2) itfal jew iktar, taħt l-età ta’ tmintax-il (18) sena.
 

•    Kategorija 2: Familji li għandhom żewġt (2) itfal jew iktar, taħt l-età ta’ tmintax-il (18) sena u li għandhom dħul ta’ inqas minn tmenin fil-mija (80%) tal-Paga Minima Nazzjonali.
 

•    Kategorija 3: Familji li għandhom żewġt (2) itfal jew iktar, taħt l-età ta’ tmintax-il (18) sena u li għandhom dħul li ma jaqbiżx il-Paga Minima Nazzjonali.
 

•    Kategorija 4: Familji (u mhux persuni waħedhom) li jirċievu Pensjoni tal-età mhux kontributorja.
 

Dawk il-persuni li huma eliġibbli taħt kategorija numru 2 t’hawn hawn fuq se jirċievu kaxxa tal-ikel addizzjonali. Barra minn hekk, dawk li huma eliġibbli taħt il-kategorija 1 u 3, iżda għandhom tlett (3) itfal jew aktar taħt it-tmintax-il (18) sena, għandhom ukoll jirċievu kaxxa tal-ikel addizzjonali.