Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Assistenzi għal Diżabilità

Ħarsa ġenerali

Hemm ħames (5) tipi ta’ assistenzi għal persuni b’diżabilità li huma disponibbli taħt il-qafas tas-sigurtà soċjali ta’ Malta. Dawn l-assistenzi huma mfassla biex jipprovdu appoġġ finanzjarju lil individwi b’diżabilità fiżika, intellettwali, sensorja, jew severa, skont l-età u l-kundizzjoni medika tagħhom. Dawn l-assistenzi jinkludu:

  • Assistenza għal Diżabilità – tingħata lil individwi ta’ bejn is-16 sa taħt il-65 sena li qed ibatu minn paraliżi totali jew malfunzjoni permanenti severa u totali jew inkella diżabilità totali permanenti permezz ta’ amputazzjoni, jew xort’oħra, ta’ id jew sieq. Tingħata wkoll lil persuna b’impediment fis-smiegħ u/jew fid-diskors. Wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb klassifikazzjoni ta’ persentaġġ bejn 45% u 59%.
  • Assistenza għal Diżabilità Severa (Fiżika) –tingħata lil individwi b’diżabilità fiżika li huma kapaċi jaħdmu. Wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb klassifikazzjoni ta’ persentaġġ bejn 60% u 74%.
  • Assistenza għal Diżabilità Severa (Intellettwali)– tingħata lil individwi b’diżabilità intellettwali u ta’ tagħlim ġenerali. Wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb klassifikazzjoni ta’ persentaġġ bejn 60% u 74%.
  • Assistenza għal Persuna b’Vista Batuta –tingħata lil individwi ta’ 14-il sena u aktar li huma parzjalment jew kompletament viżwalment impeduti. Wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb klassifikazzjoni ta’ persentaġġ il-fuq minn 50%.
  • Benefiċċju għal Diżabilità –tingħata lil individwi ta’ bejn l-età ta’ 16 u 65 sena li ġew iddijanjostikati b’diżabilità iżda wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb klassifikazzjoni ta’ persentaġġ bejn 30% u 44%.

Għal dawk l-individwi bejn l-età ta’ 16 u 65 sena li ġew iddijanjostikati b’diżabilità u wara l-evalwazzjoni mill-Bord Inter-Professionali bl-użu tal-qafas ICF, tinkiseb klassifikazzjoni ta’ persentaġġ ta’ 75% jew aktar, jistgħu jkunu intitolati għall-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa.

Il-Bord Inter-Professjonali jiddeċiedi jekk il-każ in kwistjoni jaqax fil-parametri mediċi għal ħlas ta’ dawn l-assistenzi.

Għal tfal li huma iżgħar mill-etajiet indikati hawn fuq, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jista’ jipprovdilhom ukoll Allowance tat-Tfal b’Diżabilità skont il-kriterji ta’ eliġibbiltà.

Applikant li kien eliġibbli għal Allowance għat-Tfal b’Diżabilità qabel l-età ta’ sittax-il (16) sena jew f’każ ta’ Assistenza għal vista batuta età ta’ erbatax-il (14) sena, xorta jista’ jiġi eżaminat minn mill-bord Inter-Professjonali għall-eliġibilità tal-Assistenza għal Diżabilità Severa (Fiżika).

X’se tingħata

Il-pagamenti jinħarġu kull erba’ (4) ġimgħat bil-quddiem. L-ammont tal-benefiċċju ivarja skont it-tip ta’ assistenza li tiġi mgħotija u huma soġġetti għal Skeda kurrenti ta’ Rati tal-Benefiċċji.

Ikklikkja hawn għal skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.

Eliġibbiltà

Din is-sezzjoni tiddeskrivi l-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati biex wieħed ikun eliġibbli għal kull tip ta’ assistenza għal diżabilità. L-eliġibbiltà hija bbażata fuq l-età, it-tip ta’ diżabilità, u l-evalwazzjoni medika, u mhijiex suġġetta għal test tal-mezzi. Dan ifisser li applikant jista’ jkun qed iwettaq xogħol bi qligħ.  Kriterji speċifiċi oħra japplikaw għal kull tip ta’ assistenza.

  • Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) japplikaw “Drittijiet Duplikati”, fejn benefiċjarju ma jistax jirċievi żewġ pensjonijiet; benefiċċji; assistenza jew allowance fl-istess ħin, iżda l-aħjar rata ta’ pensjoni; benefiċċju; assistenza jew Allowance.
  • Persuna li tkun diġà qed tirċievi il-ħlas għal wieħed minn dawn l-assistenzi wara li tagħlaq sittin (60) sena, jkollha ir-rata tagħha miżjuda għall-ekwivalenti tar-rata tal-Pensjoni tal-Età.
  • Il-persuna tkun tbati mid-diżabilità qabel ma laħqet l-età ta’ sittin (60) sena.

Assistenza għal Diżabilità 

  • L-applikant jrid ikollu bejn sittax-il (16) sena u inqas minn ħamsa u sittin (65) sena.
  • L-applikant:
    • ikun ibati minn paraliżi totali; jew
    • ikun ibati minn malfunzjoni permanenti severa u totali; jew
    • ikun ibati minn diżabilità totali permanenti permezz ta’ amputazzjoni, jew xort’oħra, ta’ id jew sieq; jew
    • ikun ibati minn nuqqas ta’ smiegħ; jew
    • ma jkunx jitkellem.

Assistenza għal Diżabilità Severa (Fiżika) u Benefiċċju għal Diżabilità

  • L-Assistenza għal Diżabilità Severa tingħata lil persuni b’diżabilità u l-applikant jrid ikollu bejn sittax-il (16) sena u inqas minn ħamsa u sittin (65) sena. 

Assistenza għal Diżabilità Severa (Intelletwali) u Benefiċċju għal Diżabilità 

  • Il-persuna jkollha diżabilità mentali u diżabilità fuq tagħlim ġenerali.
  • L-applikant jrid ikollu bejn sittax-il (16) sena u inqas minn ħamsa u sittin (65) sena.

Assistenza għal Persuna b’Vista Batuta 

  • Persuna b’diffikultà viżiva tirreferi għal min għandu l-akkutezza viżiva ċċertifikata minn oftalmologu bħala tant baxxa li ma tħallix lil persuna tagħmel xogħol li għaliha il-vista hija essenzjali.
  • L-applikant irid ikollu bejn erbatax-il (14) sena u anqas minn ħamsa u sittin (65) sena.

    Kif tapplika

    L-applikazzjonijiet għal assistenzi għal disabilità iridu jkunu sottemessi minn speċjalista kuranti billi juża r-rapport mediku online, f’isem l-applikant (aqra aktar).

    Imla u ssottometti r-Rapport Mediku online.