Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Krediti ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali

Il-Krediti ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali jingħataw biss f’każ ta’:

  • Krediti ta’ Qabel l-Ewwel Impjieg: Persuna li hija rreġistrata taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) għall-ewwel darba tingħata krediti ta’ qabel id-dħul massimu ta’ mija u erba’ (104) ġimgħat ta’ kontribuzzjonijiet, skont id-data tal-ewwel dħul.
  • Krediti għal Volontarjat (barra minn Malta): Persuna li hi residenti ordinarja f’Malta jew hi registrabbli taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali f’Malta meta tagħmel xogħol volontarju f’pajjiż barrani tista’ tingħata Krediti ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali sa massimu ta’ ħames (5) snin,  mitejn u sittin (260) kontribuzzjonijiet f’perjodu ta’ għaxar (10) snin. Din l-għotja hija fid-diskrezzjoni ta’ bord speċjali u l-applikant għandu jissottometti t-talba lid-Direttur tas-Sigurtà Soċjali u jipprovdi prova ta’ dan ix-xogħol volontarju.
  • Krediti għal Volontarjat (f’Malta): Persuna li hi residenti ordinarja f’Malta jew hi registrabbli taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali f’Malta, li hija taħt l-età ta’ ħamsa u għoxrin (25) sena u qed tagħmel xogħol volontarju f’Malta jew barra mill-pajjiż u terġa’ tibda taħdem wara li ttemm ix-xogħol volontarju, hija ntitolata wkoll għal krediti sa massimu ta’ ħames (5) snin f’perjodu ta’ għaxar (10) snin
  • Krediti tal-Benefiċċju tad-Diżimpjieg: Persuna qiegħda li tirċievi Benefiċċju għal Diżimpjieg; Benefiċċju Speċjali għal Diżimpjieg jew għandha  talba kontinwa għal Benefiċċju għal Diżimpjieg jew mibdul għal Assistenza għall-Diżimpjieg.
  • Krediti tal-Benefiċċju tal-Korriment fuq ix-xogħol: Pesuna li Timpjega Lilha Innifisha li tweġġa’ waqt il-qadi ta’ dmirijietha u għandha Talba għal Benefiċċju tal-Korriment aċċettata tkun akkreditata matul il-perjodu kollu tat-Talba.
  • Krediti tal-Benefiċċju tal-Mard: Persuna Impjegata li tkun waqgħet fuq il-leave tal-Mard bla ħlas, jew li Timpjega Lilha Innifisha u li tirċievi Benefiċċju tal-Mard jew ikollha talba kontinwa miftuħa għal Benefiċċju tal-Mard wara eżawriment ta’ ħlas.
    Il-Krediti jingħataw jekk applikabbli, għal kull ġimgħa sħiħa ta’ talbiet aċċettati ta’ Benefiċċju tal-Mard, Benefiċċju tal-Korriment fuq il-Post tax-Xogħol, jew Benefiċċju tad-Diżimpjieg.
  • Krediti tal-Ġenituri: Ġenituri li huma residenti ordinarji f’Malta jew hi registrabbli taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali f’Malta li jinsabu neqsin mid-dinja tax-xogħol għaliex uliedhom qed jieħdu kura għal mard rari jingħataw Krediti ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali sa massimu ta’ tmien (8) snin.
  • Krediti tal-Korriment: Persuna li tirċievi Benefiċċju għall-Korriment. Din tapplika biss fil-każ ta’ persuna li taħdem għal rasha.
  • Krediti tal-Carers: Persuna li tirċievi Allowance għal Carers/Allowance Miżjud għal Carers li rriżenjat mill-impjieg jew tkun fuq leave bla ħlas. Il-krediti tas-Sigurtà Soċjali jingħataw biss jekk il-persuna tgħaddi mit-Test tal-Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali.

    Il-krediti tal-carers huma validi għal skopijiet ta’ pensjoni kontributorja biss.

  • Krediti tar-Romol: Krediti ta’ kontribuzzjonijiet jingħataw lil kull armel/armla, għal kull ġimgħa li j/tkun armel/armla, dejjem jekk il-konjuġi mejjet/mejta j/tkun ħallas/ħallset minn tal-inqas mija u sitta u ħamsin (156) kontribuzzjonijiet tas- Sigurtà Soċjali qabel il-mewt, kif ukoll bil-kundizzjoni li jekk l-armel/armla j/tkun j/taħdem bi qligħ, l-istess armel/armla t/ikun j/taqla inqas mill-Paga Minima Nazzjonali.
  • Krediti tas-Servizz: Ex-Pulizija; ex-uffiċjali tal-Armata, ex-uffiċjali tal-Korrettivi Faċilitajiet jew ex-uffiċjali tal- Protezzjoni Ċivili li jkunu temmew ħamsa u għoxrin (25) sena servizz u jirċievu Pensjoni tas-Servizz sħiħa huma eliġibbli għal krediti meta ma jkunux f’okkupazzjoni bi qligħ.
  • Krediti tal-Libya: Persuna li hi residenti ordinarja f’Malta jew hi registrabbli taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali f’Malta li turi prova tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fil-Libja wara l-1990 meta tkun residenti f’Malta se tkun ikkreditata għall-istess ammont ta’ kontribuzzjonijiet.
  • Krediti tal-Istudju: Student li hu resident ordinarju f’Malta jew hu registrabbli taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali f’Malta meta jkun qed isegwi kors ta’ studju jew istruzzjoni full-time; jekk kompla l-kors u ladarba jipprovdi transcript, huwa eliġibbli għal Krediti tas-Sigurtà Soċjali skont il-livell tal-kors u d-data tat-twelid hekk kif indikat fit-tabella t’hawn isfel. Ma jingħata l-ebda krediti jekk il-kors huwa ta’ inqas minn sena (1) akkademika jew ta’ inqas minn żewġ (2) semestri akkademiċi.
Imwieled bejn 1952 – 1961 Imwieled fl-1962 jew wara
Livell ta’ MQF Krediti ta’ Kontribuzzjoni Krediti ta’ Kontribuzzjoni
Lifelong Learning 5 kontribuzzjonijiet kull sena ta’ studju 5 kontribuzzjonijiet kull sena ta’ studju
Level 5 9 kontribuzzjonijiet kull sena ta’ studju 13 kontribuzzjonijiet kull sena ta’ studju
Level 6 13 kontribuzzjonijiet kull sena ta’ studju 26 kontribuzzjonijiet kull sena ta’ studju
Level 7 13 kontribuzzjonijiet kull sena ta’ studju 26 kontribuzzjonijiet kull sena ta’ studju
Level 8 26 kontribuzzjonijiet kull sena ta’ studju 52 kontribuzzjonijiet kull sena ta’ studju
  • Krediti tat-Trobbija tat-Tfal: Persuna li twieldet bejn l-1 ta’ Jannar 1952 u l-1961 li tilħaq l-età tal-Pensjoni tas-Sigurtà Soċjali jew li l-pensjoni kontributorja tagħha hija evalwata mill-ġdid, tista’ tingħata sa sentejn (2) ta’ Krediti ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali għal kull wieħed mill-ewwel tlitt (3) itfal anke jekk il-ġenitur ma jerġax lura għax-xogħol wara t-twelid tal-wild/tfal. Tista’ tingħata wkoll sena (1) oħra ta’ Krediti ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali għal kull wild imwieled wara t-tieled (3) wild sakemm l-ġenitur jerġa lura għax-xogħol għal numru minimu ta’ snin ekwivalenti għall-istess numru ta’ snin kif mogħtija mir-raba’ (4) wild ‘il quddiem.

    Hu ferm importanti li t-tfal li fuqhom jistgħu jingħataw il-krediti, iridu jkunu jgħixu f’Malta f’xi perjodu kreditabbli meta jkollhom bejn żero (0) u sitt (6) snin.

    Eżempju:

    • Familja bi tlett (3) itfal (jew anqas) tista’ tingħata Krediti tas-Sigurtà Soċjali (sa massimu ta’ sitt (6) snin b’kollox), anke jekk l-ġenitur ma jkunx impjegat/jaħdem għal rasu wara t-twelid.
    • Familja b’erbat (4) itfal, jew aktar, jingħataw Krediti tas-Sigurtà Soċjali, sa massimu ta’ sitt (6) snin b’kollox, għall-ewwel tlett (3) itfal iżda l-ebda krediti mir-raba’ (4) wild ‘il fuq jekk l-ġenitur ma jkunx impjegat/jaħdem għal rasu wara t-twelid.
    • Familji b’erbat (4) itfal jew aktar, jingħataw krediti tas-Sigurtà Soċjal (sa massimu ta’ sitt (6) snin b’kollox) għall-ewwel tlett (3) itfal u sa sena (1) għal kull wild mir-raba’ (4) wild ’il fuq jekk l-ġenitur jerġa’ jirritorna għall-impjieg/okkupazzjoni wara t-twelid sa għall-anqas l-istess numru ta’ snin kif mogħtija mir-raba’ (4) wild ‘il quddiem.

Fil-każ ta’ familja li għandha tfal b’diżabilità, il-Krediti ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali huma rdoppjati fix-xenarji msemmija hawn fuq.

Persuna mwielda fl-1 ta’ Jannar 1962 jew wara li tilħaq l-età tal-pensjoni jew li jkollha il-pensjoni evalwata mill-ġdid, tingħata erba’ (4) snin krediti għall-ewwel tlett (3) itfal anke jekk l-ġenitur ma t/jerġax lura għall-impjieg wara t-twelid tal-wild/tfal. Sentejn (2) oħra ta’ Krediti ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali jingħataw għal kull wild imwieled wara t-tielet (3) wieħed sakemm l-ġenitur j/tirritorna għall-impjieg għal numru minimu ta’ snin ekwivalenti għall-istess numru ta’ snin kif jista’ jkun dovut mir-raba’ (4) wild ‘il quddiem.

Eżempju:

    • Familja bi tlett (3) itfal jew anqas, tingħata Krediti tas-Sigurtà Soċjali (sa massimu ta’ tnax-il (12) sena b’kollox), anke jekk ġenitur ma jkunx impjegat/jaħdem għal rasu wara t-twelid.
    • Familja b’4 (erbat) itfal (jew aktar) tingħata Krediti tas-Sigurtà Soċjali (sa massimu ta’ tnax (12)–il sena b’kollox) għall-ewwel tlett (3) itfal iżda l-ebda krediti mir-raba’ (4) wild ‘il fuq jekk l-ġenitur ma jkunx impjegat / jaħdem għal rasu wara t-twelid.
    • Familja b’erbat (4) itfal jew aktar, tingħata krediti, sa massimu ta’ tnax-il (12) sena b’kollox għall-ewwel tlett (3) itfal u sa sentejn (2) għal kull wild mir-raba’ (4) wild ‘il fuq jekk l-ġenitur jirritorna għall-impjieg (impjegat/persuna jaħdem għal rasu) wara t-twelid tar-raba’ (4) wild sa għall-inqas l-istess numru ta’ snin kif mogħtija mir-raba’ (4) wild ‘il quddiem.

Fil-każ ta’ familja li għandha tfal b’diżabilità, il-Krediti ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali huma rdoppjati fix-xenarji msemmija hawn fuq.

  • Minn Jannar 2024, ġenituri li l-ewwel bnew familja u mbagħad daħħlu fid-dinja tax-xogħol, se jkunu wkoll intitolati għall-krediti tat-trobbija tal-ulied. B’hekk se jiġu bħal ġenituri li jkunu bdew jaħdmu l-ewwel u mbagħad jinterrompu l-karriera biex jibnu familja. Jibqgħu jingħataw krediti awtomatiċi sal-ewwel tlett (3) ulied u jingħataw krediti addizzjonali jekk ikun hemm aktar tfal fil-familja u jekk il-ġenitur ikun irritorna għax-xogħol wara t-trobbija tal-ulied. Mir-raba (4) wild ‘il quddiem, jingħataw krediti addizzjonali jekk il-ġenitur ikun irritorna għax-xogħol wara t-trobbija tal-ulied. B’hekk meta jilħqu l-eta’ ta’ l-irtirar ikunu ntitolati għal pensjoni ogħla.

JEKK JOGĦĠBOK INNOTA LI L-INFORMAZZJONI DWAR KREDITI TAT-TFAL TAPPLIKA L-ISTESS GĦAL KAŻIJIET TA’ ADOZZJONI U TA’ FOSTER CARE (DIN TAL-AĦĦAR FUQ IL-MERITI TAL-KAŻ)

Huwa importanti li tkun taf li l-Krediti tat-Trobbija tat-Tfal:

  1. Mhux ħa jkunu jidhru fl-Istorja Kontributorja iżda jiġu miżjuda skont il-bżonn meta l-persuna tilħaq l-età tal-Pensjoni tal-Irtirar.
  2. Jingħataw sa meta l-ulied ikollhom  l-età ta’ sitt (6) snin jew sal-età ta’ tmien (8) snin f’każ tat-tfal bi bżonnijiet speċjali.
  3. Ma jingħatawx f’perjodi diġà koperti minn kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali imħallsa minn xogħol; jew f’perjodi kkreditati minn benefiċċji kontributorji oħra; jew f’perjodi diġà koperti minn      krediti fuq ulied li twieldu qabel jew fl-istess żmien, eżempju f’każ ta’ tewmin.

Eżenzjoni ta’ Eliġibbiltà ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali

  • Persuna impjegata li taħdem anqas minn tmien (8) sigħat fil-ġimgħa iżda taqla’ aktar minn sbatax-il ewro u ħamsin ċenteżmu (€17.50) fil-ġimgħa, li teċċedi disgħa mija u għaxra (€910) fis-sena, mal-istess persuna li timpjega, hija obbligata tħallas Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali tal-Klassi II (rata ta’ min jaħdem għar-rasu) fid-dawl li l-impjieg taħt it-tmien (8) sigħat mhuwiex ikkunsidrat bħala impjieg assigurabbli u min iħaddem mhux obbligat iħallas is-sehem tiegħu ta’ kontribuzzjonijiet.
  • Persuna li Taħdem għall-Rasha “Self-occupied” li fis-sena jkollha qligħ ta’ inqas minn disgħa mija u għaxra (€910), jew l-ekwivalenti għal inqas minn sbatax-il ewro u ħamsin ċenteżmu (€17.50) fil-ġimgħa.
  • Persuna waħedha li mhijiex taħdem bi qligħ  (Taħdem għaliha Nnifisha – “Self-Employed”) u li d-dħul tagħha huwa minn sorsi oħra, eż. Imgħaxijiet, Kirjiet jew Investimenti u li d-dħul annwali tagħha ma jaqbiżx elf u ħames ewro (€1,005).
  • Persuna li qed tospita studenti fuq bażi part-time għandha l-għażla li ma tħallasx il- Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali.
  • Min iħaddem persuna b’diżabilità għal tliet (3) snin jew aktar, jingħata lura s-sehem tiegħu tal-ewwel tliet (3) snin ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali mill-Kummissarju tat-Taxxi Interni.
  • Persuna anzjana jew persuna b’diżabilità li timpjega carer tista’ tapplika għal eżenzjoni għas- sehem tagħha ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali. L-impjegat xorta irid iħallas is-sehem tiegħu ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali.

Importanti: Persuna trid dejjem tapplika għal Eżenzjoni mill-ħlas ta’ Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali kull sena jekk applikabbli, ħlief għal dawk il-persuni li qegħdin jospitaw studenti, jew li Jaħdmu għalihom Infushom u l-qligħ tagħhom ikun ġej minn Imgħaxijiet, Kirjiet jew Investimenti.

Feedback