Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

X’hemm Ġdid – Aġġornamenti ta’ Marzu 2026 għas Servizzi tas Sigurtà Soċjali

05/03/2026 | Aħbar Riċenti

Ħarsa rapida lejn l‑aktar aġġornamenti riċenti dwar il‑benefiċċji, l‑applikazzjonijiet u l‑linji gwida.

📌 Benefiċċji għall‑Ġenituri u l‑Familji

Benefiċċju għal-Leave għal-Luttu tal-Ġenituri
Benefiċċju ġdid li jippermetti lil min iħaddem jitlob rifużjoni għal-Leave għal-Luttu tal-Ġenituri li jesperjenzaw it‑telf sfortunat ta’ wild minorenni. Aqra aktar.

Benefiċċju għal-Leave Speċjali dwar Korriment fi Tqala
Benefiċċju ġdid li bih min iħaddem jista’ jitlob rifużjoni tal‑Leave Speċjali dwar Korriment fi Tqala. L‑intitolament issa huwa wkoll disponibbli għall‑konjuġi/sieħeb eliġibbli, anke jekk l‑omm sfortunata tkun bla xogħol. Aqra aktar.

Assistenzi Soċjali
Dokument legali ffirmat minn Avukat/Nutar irreġistrat issa huwa meħtieġ għad‑dettalji dwar il‑Kura u l‑Kustodja li huma meħtieġa mid‑Dipartiment tas‑Sigurtà Soċjali għall‑proċess ta’ verifika, minflok il‑formola tal‑Kura u l‑Kustodja pprovduta mid‑Dipartiment. Dan japplika biss għal dawk li qed jitolbu Għajnuna Soċjali u Assistenza għal Ġenitur Waħdu mhux Miżżewweġ. Aqra aktar.

Appuntament mal‑Bord Mediku – Skedar mill‑ġdid, Kanċellazzjoni jew Żjara fid‑Dar

  • Benefiċjarji prospettivi għall‑Assistenzi kollha tad‑Diżabilità, inkluż l‑Allowance tat‑Tfal b’Diżabilità, li jkollhom bżonn jikkanċellaw jew jipposponu laqgħa tal‑Bord Mediku, issa għandhom għażla oħra ta’ kif jikkuntattjaw lid‑Dipartiment billi jibagħtu email lis‑sezzjoni kkonċernata. Aqra aktar.

 

📌 Min Iħaddem u HR – Aġġornamenti tal‑Applikazzjonijiet

Benefiċċju għal-Leave Speċjali għal-Korriment fi Tqala

  • Ġiet introdotta l‑awtentikazzjoni bl‑e‑ID għall‑applikazzjoni mit‑Tabib, għal aktar sigurtà tad‑data.
  • Għas‑sottomissjoni tal‑applikazzjoni, min iħaddem huwa mitlub itella’ l‑FS3 tal‑impjegat tas‑sena ta’ qabel is‑sena li tkun ser issir it‑talba. Madankollu, jekk l‑omm ma kinitx impjegata mal‑istess kumpanija min iħaddem fis‑sena ta’ qabel it‑talba, l‑FS3 mhijiex meħtieġa. Aqra aktar.

 

📌 Identità, Reġistrazzjoni u Status

Numru tas‑Sigurtà Soċjali (SSN) – Kjarifika tal‑Proċess Awtomatiku u Obbligi

  • Il‑linji gwida ġew aġġornati biex jiċċaraw il‑proċess awtomatizzat tal‑SSN u jitnaqqsu applikazzjonijiet mhux meħtieġa.
  • Impjegati prospettivi m’għandhomx iżuru hubs ta’ Servizz.gov jew ċentri ta’ Jobsplus biex japplikaw għal SSN.
  • Iċ‑ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi u ċ‑ċittadini tal‑UE li għandhom Karta ta’ Residenza Maltija li tispiċċa bl‑ittra “A” irid japplikalhom l-impjegatur tagħhom billi jissottometti Engagement Form ta’ Jobsplus online.
  • Impjegati prospettivi m’għandhomx jissottomettu applikazzjoni online għall‑SSN, peress li dan jirdoppja t‑talbiet bla bżonn.

 

📌 Kontribuzzjonijiet u Regoli ta’ Xogħol fl‑UE

Kontribuzzjonijiet tas‑Sigurtà Soċjali – Xogħol fl‑UE

  • L‑Għodda ta’ Awto‑Valutazzjoni ġiet aġġornata. Din l‑għodda tgħin lill‑individwi jiddeterminaw jekk, bħala impjegatur jew bħala persuna self‑employed, humiex obbligati jħallsu kontribuzzjonijiet tas‑sigurtà soċjali f’Malta għall‑impjegati tagħhom jew għalihom infushom, meta jaħdmu f’sitwazzjoni transkonfinali bejn żewġ pajjiżi tal‑UE (jew aktar). Aqra aktar.

Ħlasijiet Retrospettivi ta’ Kontribuzzjonijiet

  • Skont il‑Miżuri tal‑Baġit 2026: persuna li mhijiex eliġibbli għal Pensjoni tal‑Irtirar minħabba li m’għandhiex biżżejjed kontribuzzjonijiet tas‑Sigurtà Soċjali u għandha bżonn tagħmel tajjeb għal 10 snin ta’ kontribuzzjonijiet, xorta tista’ titlob li tagħmel ħlasijiet retrospettivi ta’ kontribuzzjonijiet tas‑Sigurtà Soċjali, anke jekk m’għadhiex f’impjieg.
  • Il‑Krediti tat‑Tfal ma japplikawx għal individwi li jridu jagħmlu biss ħlasijiet b’lura biex ikunu intitolati għal pensjoni tal‑irtirar.

 

📌 Pensjonijiet u Irtirar

Pensjoni tal‑Irtirar – Miżuri tal‑Baġit 2026

  • L‑aġġornamenti jinkludu Krediti ġodda għall‑Programm ta’ Riabilitazzjoni mill‑Vizzji: persuna li tkun temmet programm iċċertifikat ta’ riabilitazzjoni mill‑vizzji tingħata krediti ta’ kontribuzzjoni għall‑istess numru ta’ ġimgħat tal‑perjodu kkreditat, sa massimu ta’ sentejn (2), sakemm tiġi pprovduta ittra uffiċjali ta’ rilaxx u l‑persuna tidħol f’impjieg full‑time.

Pensjoni ta’ Invalidità – Krediti ta’ Kontribuzzjonijiet tas‑Sigurtà Soċjali

Is‑snin kollha li matulhom benefiċjarju jkun qed jirċievi l‑Pensjoni ta’ Invalidità jiġu kkreditati imma għal skopijiet ta’ pensjoni biss.

 

📌 Dettalji ta’ Kuntatt u Personali

Aġġornament tad‑Dettalji ta’ Kuntatt (Notifiki permezz ta’ SMS)

Il‑proċess issa jibgħat notifika b’SMS meta d‑dettalji ta’ kuntatt jiġu aġġornati u l‑applikant ma jipprovdix indirizz tal-email meta jitlob li jaġġorna d‑dettalji ta’ kuntatt tiegħu/tagħha meta jżur ċentru ta’ Servizz.gov.

Aġġornament tad‑Dettalji Bankarji

Il‑proċess issa jibgħat notifika b’SMS meta d‑dettalji bankarji jiġu aġġornati u l‑applikant ma jipprovdix indirizz tal-email meta jżur ċentru ta’ Servizz.gov.

 

📌 Aġġornamenti dwar ir‑Rappurtar tal‑Mewt ta’ Benefiċjarju

Il‑proċess issa jibgħat notifika b’SMS meta ċittadin iżur ċentru ta’ Servizz.gov biex jirrapporta l‑mewt ta’ benefiċjarju tas‑sigurtà soċjali u ma jipprovdix indirizz tal-email matul il‑proċess tar‑rapportar.