Appuntament mal-Bord Mediku – Skedar mill-Ġdid, Kanċellazzjoni jew Żjara fid-Dar

Ħarsa ġenerali

L-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) jistabbilixxi fost l-oħrajn dispożizzjonijiet, li persuna tista’ tkun intitolata li tirċievi benefiċċju, pensjoni, assistenza jew allowance (minn hawn ‘il quddiem imsejħa benefiċċju) taħt dan l-Att, wara l-parir tal-bord mediku jew panel multi-dixxiplinarju tad-Dipartiment, fejn applikabbli, skont il-proviso tal-artikolu 106.

B’riżultat ta’ dan, hemm drabi meta persuna, li ġiet skedata biex tattendi għal bord mediku relatat ma’ benefiċċju, ikollha tipposponi jew tikkanċella l-appuntament, jew titlob li ssir żjara fid-dar. Jekk il-persuna tonqos milli tattendi għall-bord mediku mingħajr raġuni ġustifikata, benefiċċju li jkun qed jistenna valutazzjoni mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jista’ jitwaqqaf. Dan jista’ jirriżulta wkoll fi ħlas żejjed ta’ benefiċċju, li wara jkun irid jiġi mħallas lura mill-benefiċjarju.

Ċertifikat mediku huwa meħtieġ biex isostni talba biex tiskeda mill-ġdid Appuntament mal-Bord Mediku f’każ ta’ mard.

Applikazzjonijiet għall-benefiċċji elenkati hawn taħt jiġu riferuti  lill-bord mediku u panel multi-dixxiplinarju tad-Dipartiment għall-evalwazzjoni:

  • Assistenza għal Diżabilità Severa.
  • Għajnuna Soċjali.
  • Allowance għal Tfal b’Diżabilità.
  • Assistenza għal Mard.
  • Għotja għall-Ħalib.
  • Benefiċċju ta’ Diżabilità relatat ma’ Ftehim Reċiproku għal dawk li jgħixu barra minn Malta.
  • Benefiċċju għal Mard li hu relatat maċ-Ċertifikat Mediku Blu.
  • Benefiċċju għal Korriment, kemm jekk relatat ma’ korriment fuq il-post tax-xogħol jew mard / kundizzjoni medika kkawżata mill-post tax-xogħol.

X’se tingħata

  • Faċilità biex tiskeda mill-ġdid jew tikkanċella Appuntament mal-Bord Mediku.
  • F’każijiet biss fejn il-persuna hija kostretta li toħroġ mid-dar, persuna tista’ titlob għal żjara fid-dar flok tattendi personalment għall-appuntament tal-bord mediku. Irid jiġi preżentat ċertifikat mediku fejn jindika r-raġuni ta’ saħħa għalfejn ma tistax tattend personalment. F’każijiet bħal dawn, jintbagħatu uffiċċjal mid-Dipartment tas-Sigurtà Soċjali, kif ukoll żewġ (2) tobba. Il-benefiċjarju/a i/tkun infurmat/a minn qabel bid-data li tkun ser issir żjara fid-dar.

Eliġibbiltà

Kriterji ġenerali ta’ eliġibilità:

  • Persuna li l-attendenza tagħha għal Bord Mediku tkun ġiet skedata mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Kif tiskeda mill-ġdid, tikkanċella appuntament jew titlob għal żjara fid-dar mal-Bord Mediku

Persuna tista’ tuża wieħed mill-metodi indikati hawn taħt biex tiskeda mill-ġdid jew tikkanċella appuntament, jew titlob għal żjara fid-dar, fejn tkun iggwidata jew ikkuntattjata dwar kif tiskeda mill-ġdid appuntament ieħor billi:

Issir talba online Ikklikklja hawn
Iċċempel Freephone 153
Tmur b’mod personali f’wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov
Biex tiskeda mill-ġdid jew tikkanċella appuntament mal-Bord Mediku li jkun ser isir fl-istess jum biss ċempel fuq in-numru tat-telefon 25903233