Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Jingħataw aktar pagamenti b’rabta mal-COVID-19

07/05/2020 | Stqarrija

Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, ħabbar is-sitt proċess ta’ ħlasijiet ta’ benefiċċji soċjali għal dawk il-persuni li kellhom l-impjieg tagħhom affetwat minħabba l-COVID-19. In-nefqa totali sal-lum telgħet €7.35 miljun meta wieħed iżid ukoll l-ħlasijiet ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali, li jammontaw għal €735,000.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musu, waqt li sa issa daħlu 9,670 applikazzjoni u ġew maħduma 98.7%, li jfisser li l-applikazzjonijiet kollha kważi nħadmu.

Sal-lum, diġà ntlaqgħu u tħallsu 7,072 applikazzjoni li l-ammont fi flus tagħhom huwa ta’ €6.61m, liema pagamenti jkopru sal-Ġimgħa 8 ta’ Mejju 2020.

Fost dawk li tħallsu llum hemm 5,863 persuna li rċivew il-benefiċċju tal-ġenituri, dak mediku jew tad-dizabilità waqt li żammew l-impjieg u hemm 399 persuna oħra li waqqfu l-benefiċċju u rritornaw għax-xogħol. ​

Dan ifisser li ġie salvat 6,262 impjieg ieħor li magħqudin mal-kważi 88,000 impjieg salvati bl-iskemi tal-Malta Enterprise allura b’kollox sa issa ġew salvati 94,000 impjieg.

Jirriżulta li kull benefiċjarju mħallas sa issa, bbenefika minn medja ta’ €1,039. 83.8% tal-benefiċjarji huma Maltin waqt li l-kumplament huma barranin, li huma maqsuma 7.2% minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u ż-Żona Ekonomika Ewropea, 1.3% mir-Renju Unit u 7.7% minn pajjiżi Terzi.

28% tal-benefiċjarji huma rġiel, filwaqt li 71% huma nisa, riflessjoni fin-numru ta’ benefiċjarji li qed jirċievu benefiċċju ta’ ġenitur.

Intant, mill-bidu ta’ Marzu ‘l hawn, id-Dipartiment tas-Sigurtà Socjali rċieva 58,000 email, 40,000 minnhom f’April biss, filwaqt li rċieva 13,279 telefonata fuq il-helpline 25903000

Daħlu 9,097 telefonata fuq il-helpline 25903030 tal-anzjani, 2,472 telefonata fuq il-helpline 1772 tal-Appoġġ, u 5,300 telefonata fuq Skype fir-Residenza San Vinċenz de Paul bejn ir-residenti u l-qraba tagħhom.

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Socjali qassmet 15,000 kaxxa bi prodotti essenzjali lil familji vulnerabbli fi djarhom.

Min-naħa tagħha, l-Agenzija Sapport organizzat it-tieni webinar fejn qed jingħata appoġġ professjonali online lill-ġenituri u carers ta’ persuni b’dizabilità.

Il-Ministru Michael Falzon temm bl-appell sabiex kulħadd ikompli jifhem u jimxi mar-realtajiet ġodda li ġabet magħha din il-pandemija. Appella biex f’dan il-mument ta’ sfida, kulħadd ikompli jpoġġi ġebla fil-ħajt, biex b’hekk lkoll nsibu kenn filwaqt li nibnu ħajt b’saħħtu li jiflaħ għall-isfidi tal-futur.​

Feedback