Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Aktar minn 93,000 pensjonant jibdew jirċievu pensjonijiet ogħla

08/01/2021 | Aħbar Riċenti, Stqarrija

Aktar minn 93,000 pensjonant jibdew jirċievu pensjonijiet ogħla

Aktar minn 93,000 pensjonant bdew jibbenefikaw minn rati ogħla tal-pensjoni kif imwiegħed minn dan il-gvern. Kull pensjonant qed jara żieda ta’ €5 fil-ġimgħa b’effett mis-Sibt 2 ta’ Jannar 2021, b’dawn il-pagamenti jkomplu fil-ġranet li ġejjin.

Miżura oħra innovattiva b’rabta mal-miżuri marbuta mal-pensjonijiet hija dik li 257 persuna se jkunu qed jibbenefikaw mill-miżura l-ġdida tal-bolol imħallsin qabel l-età ta’ 19-il sena. Minn għada, 240 persuna (kważi kollha nisa) se jkunu qed jieħdu l-pensjoni għall-ewwel darba grazzi għal din il-miżura ġdida.

Is-Sibt 16 ta’ Jannar ikun imiss lir-romol biex jirċievu ż-żieda fil-pensjoni tagħhom. Dawn mistennija jkunu ’l fuq minn 17,000 persuna. Fosthom se jkun hemm ukoll 17-il armla li bis-saħħa ta’ din il-miżura se jkunu qed jieħdu l-pensjoni sħiħa ta’ żwieġhom flok 5/6. Ma’ din is-sezzjoni se jkun hemm oħrajn li se jkunu qed jikkwalifikaw ukoll fil-mument li jitlesta l-eżerċizzju kollu.

Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar il-Ġimgħa filgħodu mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, flimkien mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musu.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan it-tibdil pożittiv fil-ħajja tal-anzjani se jkun qed ifisser is-sitt żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet taħt gvern Laburista b’kuntrast ma’ 25 sena ta’ gvern Nazzjonalista mingħajr ebda żieda fil-pensjonijiet. Il-Ministru Michael Falzon qal li dawn iż-żidiet xorta ngħataw fi sfond tal-pandemija u l-piżijiet finanzjarji li ġabet magħha.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Mark Musu qal li f’Jannar prattikament se jkunu qed jitħallsu ż-żidiet lill-pensjonijiet kollha. Is-Sibt li għadda tħallsu ż-żidiet fil-pensjoni non-kontributorja l-ewwel – 4,484 pensjonant.

Minn għada 9 ta’ Jannar jitħallsu ż-żidiet lil 57,469 pensjonant tal-irtirar waqt li mis-Sibt 23 ta’ Jannar ikun imiss lil dawk li jieħdu l-pensjoni tal-invalidità (kważi 3,000 persuna), dawk li jieħdu l-pensjoni minima (9,700) u dawk li jieħdu l-pensjoni minima miżjuda (3,200) li jirċievu ż-żieda fil-pensjoni tagħhom.

Dawn allura se jammontaw b’kollox għal kważi 16,000 pensjonant li jieħdu wkoll iż-żieda ta’ €5 fil-ġimgħa.

Is-Sibt 6 ta’ Frar imbagħad jitħallsu żewġ għotjiet oħra lill-anzjani, l-għotja ta’ €300 għall-anzjani ta’ bejn 75 sena u 79 sena, u €350 għall-anzjani ta’ 80 sena jew aktar li jgħixu fi djarhom. Il-bonus li jitħallas lill-anzjani li jkunu ħallsu xi bolol f’ħajjithom imma ma ħallsux biżżejjed biex jieħdu l-pensjoni, din is-sena se jogħla b’€50 oħra li jirċevuhom fis-6 ta’ Frar.

Intant, fit-12 ta’ Diċembru li għadda, diġà kienu tħallsu ż-żidiet fiċ-children’s allowance, fl-għajnuna supplimentari u fil-foster care allowance, bil-kumplament tal-miżuri li jibqa’ se jkunu qed jiġu implimentati fil-ġimgħat li ġejjin.