Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Aktar minn €11.7 miljun f’benefiċċji soċjali relatati mal-COVID-19

28/05/2020 | Aħbar Riċenti, Stqarrija

Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, permezz tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, għad-9 ġimgħa konsekuttiva ħallas lill-ħaddiema fis-settur privat, inklużi self-employed jew persuni li tilfu l-impjieg, li huma intitolati għal xi wieħed mill-4 benefiċċji soċjali li nħolqu minħabba l-effetti tal-imxija tal-COVID-19 fuq l-impjiegi. Bil-pagamenti ta’ din il-ġimgħa, l-ammont globali mħallas issa laħaq is-somma ta’ €11.76m.

Dan il-ħlas kien jinkludi fih €1.18m f’kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali li skont l-iskemi li qed jitħaddmu qed jinżammu biex jiġi żgurat li l-benefiċjarji jkollhom kontinwità fil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet.

Il-proċess ta’ din il-ġimgħa kien jolqot 7,569 benefiċjarju eliġibbli minn total ta’ 11,046 applikant. B’kollox s’issa 562 ma baqgħux jirċievu l-benefiċċju minħabba li rritornaw għax-xogħol. Meta tgħodd dawn mal-5,991 li llum irċevew il-benefiċċju tal-ġenituri, jew dak mediku inkella tad-diżabilità, kif ukoll l-aktar minn 93,000 koperti bl-iskemi tal-Malta Enterprise, b’kollox bil-pakkett ta’ miżuri tal-gvern ġew salvati 100,000 impjieg.

Ras għal ras, dawk kollha li s’issa tħallsu l-benefiċċji soċjali marbuta mal-COVID-19 meta anke tgħodd l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, irċevew medja ta’ €1,446 f’għajnuna, liema ammont ivarja minn benefiċjarju għal ieħor skont kemm ilu jirċievi l-benefiċċju rispettiv u jekk hux full-time jew part-time.

Fil-fatt, l-ammont tal-benefiċċji huwa ta’ €800 gross fix-xahar jekk persuna tkun taħdem full-time, u €500 gross jekk impjegata part-time.

L-akbar għadd ta’ benefiċjarji jibqa’ dak ta’ ġenituri li kellhom jieqfu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb uliedhom. Dawn bħalissa jlaħħqu 4,063 wara li 348 oħra rritornaw għax-xogħol.

Il-benefiċċji l-oħra huma intiżi għal persuni b’diżabilità u dawk medikament vulnerabbli li waqfu temporanjament mix-xogħol, kif ukoll għal dawk li tilfu l-impjieg u qed jingħataw ħlas addizzjonali għal diżimpjieg fuq il-benefiċċju kontributorju. B’kollox l-għadd ta’ dawn il-benefiċjarji din il-ġimgħa kien ta’ 3,506 wara li kien hemm 214 persuna, il-biċċa l-kbira minnhom kienu qed jirreġistraw għax-xogħol, li rritornaw għax-xogħol.

F’kumment li ta, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li b’mod ġenerali kompliet ix-xejra ta’ dawn l-aħħar 4 ġimgħat fejn iż-żieda fin-numru ta’ applikanti ġodda qiegħda dejjem tonqos, inkluż anke għall-Benefiċċju tal-Qgħad. Dan hekk kif qed jiżdied in-numru ta’ dawk li qed iwaqqfu l-ħlas tal-benefiċċji u jirritornaw għax-xogħol, fejn dawn issa laħqu l-562.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru Mark Musù qal li din il-ġimgħa l-applikanti ġodda żdiedu biss bi 354 waqt li r-rata ta’ applikazzjonijiet maħduma issa laħqet id-99.2%, hekk kif sal-bieraħ kien hemm biss 83 applikazzjoni pendenti li kienu qed jistennew kjarifiċi ulterjuri. L-akbar ammont ta’ benefiċjarji huma nisa b’persentaġġ ta’ ftit anqas minn 70%, waqt li 82% tal-benefiċjarji huma Maltin bil-kumplament barranin li jaħdmu jew li kienu jaħdmu f’pajjiżna meta faqqgħet l-imxija tal-COVID-19.​​