Logo
Logo
  • MT
  • EN

Q

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Daqshekk sekwestri fuq benefiċċji soċjali

12/02/2021 | Aħbar Riċenti, Stqarrija

Bħalissa għaddej proċess biex tiġi emendata l-liġi biex ma jintmissu l-ebda benefiċċji soċjali u benefiċċji tal-akkomodazzjoni soċjali minn mandat ta’ sekwestru li persuna jista’ jkollha fuq l-assi tagħha. Il-Gvern ħass li għandu jagħmel din il-bidla sabiex jipproteġi l-interessi ta’ persuni vulnerabbli li jkunu qed jaffaċċjaw proċessi legali ta’ sekwestru mill-banek.

Il-Ġimgħa filgħodu, f’konferenza tal-aħbarijiet konġunta bejn il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanzna Edward Zammit Lewis, kien spjegat li din il-bidla se tkun waħda li twettaq ġustizzja soċjali ma’ dawk affettwati.

Il-Ministru Michael Falzon stqarr li fil-passat kien hemm limitu ta’ madwar €700, madanakollu issa l-benefiċċji kollha ser ikunu protetti.

Il-Ministru Michael Falzon qal li din hija miżura pożittiva li se tgħin mijiet ta’ nies li jkunu qed jaffaċċjaw pressjonijiet finanzjarji u soċjali. Qal ukoll illi se jitħaffef ukoll ix-xogħol amministrattiv, u għalhekk tonqos ukoll il-burokrazija.

Il-Ministru Falzon saħaq illi din il-bidla qed issir anki bil-koperazzjoni li l-Gvern sab minn naħa tal-Malta Bankers Association.

II-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis enfasizza l-fatt li dan l-abbozz qiegħed jitfassal sabiex nassiguraw li ċ-ċittadin ikollu dritt jgħix ħajja diċenti, speċjalment hekk dawn il-persuni ġejjin minn sfond soċjali diffiċli.

Din l-emenda hija importanti għax se tħalli l-benefiċċji soċjali ħielsa mill-effetti ta’ xi sekwestru, mingħajr il-ħtieġa li l-persuna toqgħod tagħmel proċeduri l-Qorti, bi spejjeż għaliha, sabiex tkun tistà teħles dawn il-flus.

B’din id-deċiżjoni l-Gvern qiegħed ikompli juri li huwa Gvern b’ruħ soċjali u wieħed li jipprova jifhem dak li persuna tkun għaddejja minnu. Dan hu Gvern tan-nies għan-nies.​​