Logo
Logo
  • MT
  • EN

L-Istorja tas-Sigurtà Soċjali f’Malta

Protezzjoni Soċjali f’Malta

L-iżvilupp tas-servizzi tas-sigurtà soċjali f’Malta jista’ jiġi ntraċċat lura għal taħt it-tmexxija tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann fuq il-gżejjer Maltin. Għalkemm saż-żmien li l-Kavallieri ġew f’Malta fl-1530 evolvew f’ordni militari, bħala ospitaljeri xorta ddedikaw ruħhom għall-kura tal-morda u l-foqra. Minbarra fortifikazzjonijiet difensivi, bnew sptar imdaqqas fil-belt kapitali l-ġdida u kienu impenjati f’għadd ta’ entitajiet tal-karità. Kienu involuti attivament f’attivitajiet umanitarji biex jassistu l-foqra fi flus kontanti jew kawżi oħra li jkun jistħoqqilhom.

Iżda, ma kienx qabel is-seklu 19 li l-ewwel benefiċċju soċjali mogħti mill-Istat ġie introdott f’Malta. Dan il-benefiċċju kien f’forma ta’ skema ta’ pensjoni mnedi fl-1885 għall-membri tal-korp tal-pulizija, u li ftit snin wara, ġie estiż għall-impjegati taċ-ċivil.

Inizjattivi leġiżlattivi

L-ewwel żvilupp fil-qasam tal-politika soċjali seħħ fl-għoxrinijiet bl-għoti ta’ awtoregolazzjoni mill-Gvern Ingliż wara l-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1921 u t-tbatija soċjoekonomika li seħħet wara. Il-programm leġiżlattiv kien jinkludi l-għoti ta’ pensjonijiet lil romol u ltim ta’ uffiċjali pubbliċi mejta fl-1927.

Dan ġie segwit mill-ewwel skema ta’ assigurazzjoni soċjali sentejn wara, mfassla biex tikkumpensa lill-ħaddiema li sofrew korriment fuq ix-xogħol. Il-benefiċċji ġew iffinanzjati permezz ta’ fond regolat mill-Att dwar il-Kumpens tal-Ħaddiema. Il-kontribuzzjonijiet lejn il-fond kienu obbligatorji u maqsuma ugwalment minn min iħaddem, l-impjegati u l-Istat.

It-taqlib politiku u l-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija waqqfu l-programm leġiżlattiv, li, madankollu, reġa’ kompla bis-seħħ tal-awtogovernanza fl-1947.

L-ewwel miżura f’Awissu tal-1948 kien l-Att dwar il-Pensjonijiet għax-Xjuħ li pprovda għall-ħlas tal-pensjonijiet lil persuni anzjani li qatt ma kienu ħadmu. B’differenza mill-Att dwar il-Kumpens tal-Ħaddiema, l-iskema ma kinitx iffinanzjata permezz ta’ kontribuzzjonijiet, iżda l-applikanti kellhom jgħaddu minn test tal-mezzi finanzjarju. Din kienet segwita ftit tas-snin wara bi skema ta’ għajnuna finanzjarja (magħrufa b’mod kollokwali bħala Relief) għal familji fil-bżonn li l-kapijiet tagħhom kienu qiegħda.

Sena Kruċjali

L-1956 kienet sena kruċjali għas-sistema tas-sigurtà soċjali bil-promulgazzjoni ta’ żewġ liġijiet ewlenin – l-Att dwar l-Assistenza Nazzjonali u l-Att dwar l-Assigurazzjoni Nazzjonali, u l-ħolqien konkorrenti tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. L-Għajnuna Soċjali u Assistenza Medika ngħatat lil kategoriji differenti ta’ persuni vulnerabbli mingħajr ma kellhom għalfejn iħallsu l-ebda kontribuzzjoni. Dawk il-kapijiet tal-familja li kienu bla xogħol, jew qed ifittxu impjieg jew li ma setgħux jaħdmu minħabba mard, ingħataw l-Għajnuna Soċjali. Jekk il-benefiċjarji kienu qed joqogħdu f’dar mikrija, l-assistenza tagħhom kienet miżjuda b’Benefiċċju tal-Kera.

Persuni li jbatu minn mard kroniku saru intitolati għal Assistenza Medika, irrispettivament mir-riżorsi finanzjarji tal-familja tagħhom. Il-leġiżlazzjoni introduċiet ukoll kura istituzzjonali bla ħlas għall-anzjani, kura u t-trattament bla ħlas fl-istituzzjonijiet u l-isptarijiet kollha mmexxija mill-Istat.

L-Att dwar il-Kumpens tal-Ħaddiema ġie mħassar u sostitwit b’liġi li tipprovdi għal skema komprensiva ta’ assigurazzjoni soċjali ffinanzjata permezz ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa b’mod obbligatorju mill-impjegati, minn min iħaddem u mill-Istat. L-iskema kopriet firxa wiesgħa ta’ benefiċċji, allowances u pensjonijiet, minbarra kontinġenzi li jkopru mard, korrimenti/mard relatati max-xogħol, qgħad, romol, ltim u anzjanità.

Sena wara l-Gvern estenda d-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Pensjonijiet għax-Xjuħ għal persuni neqsin mid-dawl li kellhom 40 sena jew aktar. Fl-1962, l-età sabiex tikkwalifika tnaqqset għal 14-il sena biex tallinjaha mal-età tat-tluq mill-iskola ta’ dak iż-żmien.

L-Att dwar l-Assigurazzjoni Nazzjonali ġie emendat fl-1965 biex jinkludi persuni li jaħdmu għal rashom u persuni mhux impjegati, u b’hekk ġab l-iskema applikabbli għal firxa wiesgħa tal-popolazzjoni Maltija. Fl-istess sena l-Pensjoni tal-Invalidità ġiet miżjuda mal-lista tal-miżuri soċjali.

Is-Sebgħinijiet

Matul is-sebgħinijiet ġew varati għadd ta’ miżuri soċjali innovattivi. Dawn kienu jinkludu:

  • L-eliminazzjoni tad-distinzjoni bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji. (1971)
  • L-introduzzjoni tal-ħlas ta’ Bonus annwali lill-pensjonanti kollha tas-Sigurtà Soċjali u r-benefiċjarji tal-Assistenza Soċjali. (1972)
  • It-twaqqif ta’ Allowances tat-Tfal li minnhom ibbenefikaw eluf ta’ familji u tfal. (1974)
  • Tnediet Pensjoni tad-Diżabilità mhux kontributorja fl-istess sena. Kopriet wkoll persuni li jbatu minn subnormalità mentali severa jew minn paraliżi ċerebrali. Fis-sena ta’ wara l-pensjoni ġiet estiża għal kategoriji oħra ta’ persuni b’diżabilità severa.
  • B’mod sinifikanti, il-Pensjoni ta’ Żewġ Terzi daħlet fis-seħħ fl-1979, flimkien ma’ skema ta’ pensjoni għar-romol ikkalkulata fuq il-qligħ tar-raġel deċedut tagħhom. L-iskemi l-ġodda ġew issupplimentati b’sistema ta’ kontribuzzjonijiet riformata applikabbli kemm għal persuni impjegati kif ukoll għal persuni li jaħdmu għal rashom.
  • Ġiet introdotta ukoll Pensjoni Minima Nazzjonali sabiex tiżgura li persuni li japplikaw għal pensjoni kontributorja ma jaqgħux taħt ċerta rata tal-pensjoni sakemm ikollhom rekord sħiħ tal-kontribuzzjoni għall-kreditu tagħhom.

It-Tmeninijiet

Id-deċennju ġie kkaratterizzat mill-approvazzjoni tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali mill-Kamra tad-Deputati biex jinkludi b’mod komprensiv id-dispożizzjonijiet ta’ tliet liġijiet separati li jirregolaw fl-leġislazzjoni waħda il-Pensjonijiet għax-Xjuħ, l-Assistenza Nazzjonali u l-Assigurazzjoni Nazzjonali.

Il-miżuri li saru fis-snin tmenin kienu jinkludu l-introduzzjoni tal-Benefiċċju tal-Maternità għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal nisa qiegħda fl-1981. Il-benefiċċju jkopri t-8 ġimgħat qabel il-ħlas u l-ewwel 5 ġimgħat wara t-twelid. Il-Benefiċċju tal-Leave tal-Maternità jingħata lil nisa li jagħżlu leave tal-maternità permezz ta’ min iħaddimhom u jiddeċiedu li jestendu l-ġimgħa tal-maternità tagħhom b’erba’ ġimgħat. Ir-rata pagabbli ta’ kull ġimgħa hija daqs il-paga minima nazzjonali.

L-Għajnuna Soċjali ġiet estiża fl-1986 għal nisa romol jew mhux miżżewġin li kienu qed jieħdu ħsieb b’mod regolari ta’ qarib anzjan jew b’diżabilità.

L-Allowance għat-Tfal b’Diżabilità ġiet maħluqa fl-1988. Din titħallas lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità.

Id-Disgħinijiet

F’dan id-deċennju ġew introdotti għadd ta’ miżuri soċjali ġodda jew imtejba:

  • L-introduzzjoni ta’ Pensjoni tar-Romol u Allowance Supplimentari ta’ (1991)
  • Persuni mhux miżżewġin jew romol li jieħdu ħsieb ġenitur li juża siġġu tar-roti jew ikkonfinat f’sodda ngħataw Pensjoni tal-Carers. (1992)
  • Allowance Supplimentari bdiet titħallas lil ċittadini lid-dħul finazjarju totali tagħhom waqa’ taħt ċertu livell. (1996)
  • L-iskema tal-Allowance tat-Tfal ġiet riveduta u l-intitolament sar soġġett għal test tal-mezzi tad-dħul dikjarat mill-membri tal-familja. (1996)
  • It-tifsira tat-terminu ‘Pensjoni tas-Servizz’ ġie definit b’mod aktar preċiż. B’riżultat ta’ dan, il-pensjoni tas-servizz għall-valutazzjoni tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali bdiet tiġi ikkunsidrata biss sakemm ir-rata oriġinali tat-tali pensjoni kienet ‘il fuq minn € 466 fis-sena u ma kinitx ġiet kommutata kollha. Jekk dan kien il-każ, il-pensjoni tas-servizz tittieħdet bir-rata oriġinali tagħha, jiġifieri, meta kienet l-ewwel irċevuta mill-pensjonant jew mill-konjuġi fil-każ ta’ pensjoni tar-romol. (1997)
  • Id-diskriminazzjoni li kienet teżisti s’issa bejn l-irġiel u n-nisa fl-għoti tal-Pensjoni tar-Romol ġiet eliminata. L-emendi stabbilixxew li l-benefiċċji kontributorji kollha applikabbli għal armla kellhom japplikaw għal armel mutatis mutandis. (1998)
  • L-emendi neħħew ukoll id-diskriminazzjoni fl-għoti tal-Benefiċċju tal-Mard. S’issa, mara miżżewġa ma kienitx tikkwalifika għar-rata tal-Benefiċċju tal-Mard applikabbli għal raġel miżżewweġ. Bil-miżuri l-ġodda, kemm l-irġiel miżżewġa kif ukoll in-nisa tqiegħdu fuq l-istess livell sakemm il-konjuġi tagħhom ma kienx impjegata bi qligħ
  • Fl-istess sena, wara aktar minn erba’ deċennji, ir-responsabbiltà tal-ġbir u l-infurzar tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali għaddiet mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għad-Dipartiment tat-Taxxi Interni.
  • Id-deċennju għalaq b’reviżjoni tar-rata tal-Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali għall-impjegati Din żdiedet minn 8.33% għal 10%.

Bidu tas-Seklu 21

Sa mill-bidu tas-seklu, l-ħarsien soċjali ġie msaħħaħ bl-attivazzjoni ta’ riformi soċjali u titjib tal-benefiċċji mmirati biex iżommu s-sistema tas-sigurtà soċjali aġġornata mal-ħtiġijiet u l-isfidi soċjali li qed jinbidlu.

Barra minn hekk, bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea (UE) fl-2004, il-benefiċċji soċjali saru disponibbli għaċ-ċittadini kollha minn stati membri oħra tal-UE u reċiprokament Maltin saru eliġibbli għal benefiċċji minn stati oħra tal-UE.

Pensjonijiet

Minħabba l-popolazzjoni f’Malta qed tixjieħ, ingħatat prijorità lil miżuri mfassla biex isaħħu s-sostenibbiltà u l-adegwatezza tal-pensjonijiet.

Ir-riforma bdiet fl-2006 biż-żieda tal-età tal-irtirar minn 61 sena għall-irġiel u 60 sena għan-nisa għal 65 sena għaż-żewġ sessi. Fl-istess ħin il-perjodu kontributorju żdied ukoll għal 40 sena filwaqt li 10 snin wara żdied b’sena oħra għal persuni mwielda wara l-1968.

F’termini ta’ sostenibbiltà, mill-2016 il-miżuri adottati ġew iddisinjati primarjament biex jinċentivaw lill-pensjonanti biex jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol lil hinn mill-età statutorja tal-irtirar u biex jiżguraw li, maż-żmien, jinżamm bilanċ ġust bejn il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji għal ġenerazzjonijiet lli jmiss. Impjegati fis-settur privat li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu, issa għandhom l-għażla li jiddifferixxu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom. Meta jagħmlu hekk, huma għandhom jiksbu żidiet perċentwali annwali fir-rata tal-pensjoni tagħhom, li jiddependi fuq kemm jibqgħu fl-impjieg (massimu ta’ 23% jekk il-pensjoni hija differita għal 4 snin). Fl-2019 l-inċentiv ġie estiż ukoll għall-impjegati fis-settur pubbliku.

F’termini ta’ adegwatezza, diversi miżuri ġew implimentati mill-2016 biex jiżdiedu l-pensjonijiet kollha, sabiex itejbu l-livell tal-għajxien tal-anzjani u jnaqqsu r-riskju tal-faqar bħal:

  • Ir-rati tal-pensjonijiet żdiedu kollha, kemm għall-pensjonanti li kienu kontributorji kif ukoll dawk mhux kontributorji. Barra ż-żieda bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja bejn l-2018 u l-2021 il-pensjonanti ingħataw żieda ta’ €10.93 fil-ġimgħa jew €568.36 fis-sena. Meta tingħadd iż-żieda għall-ogħli tal-ħajja għall-istess perjodu il-pensjonanti b’kollox ingħataw żieda ta’ €1,053 fis-sena.
  • Ġiet stabbilita wkoll Pensjoni Minima Garantita lil persuni b’rekord kontributorju sħiħ. Żidiet ingħataw fuq bażi pro-rata lil persuni b’kontribuzzjonijiet insuffiċjenti.
  • Il-livell tal-Pensjoni tal-Età mhux kontributorja li trid tissodisfa t-test tal-mezzi żdiedet ukoll.
  • Impjegati nisa ngħataw krediti ta’ kura biex jikkumpensaw għal perjodi ta’ trobbija u kura tat-tfal tagħhom, u b’hekk għenuhom itejbu l-kopertura tal-pensjoni tagħhom.
  • Krediti simili ġew introdotti għal perjodi fejn persuna tkompli bl-edukazzjoni tagħha. Iktar ma jkunu għoljin il-livelli ta’ kisbiet edukattivi, iktar ikunu l-krediti mogħtija.
  • Is-superstiti li jikkwalifikaw għal pensjoni kontributorja issa huma intitolati għall-ogħla pensjoni sħiħa bejn il-pensjoni tagħhom u l-pensjoni tal-konjuġi deċedut.
  • Id-differenza bejn is-sessi fil-pensjonijiet ġiet indirizzata billi n-nisa kisbu żidiet fir-rati tal-pensjoni tagħhom.
  • Persuni f’impjieg mwielda bejn l-1950 u l-1956 u li għandhom Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali neqsin, ingħataw l-opportunità li jħallsu massimu ta’ ħames snin mill-kontribuzzjonijiet nieqsa tagħhom biex jikkwalifikaw għal pensjoni.
  • Mill-2021, persuni li twieldu qabel l-1962 u ma kkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja bil-kontribuzzjonijiet li kellhom wara l-eta’ ta’ 19-il sena, bdew jingħaddulhom dawk il-bolol li kienu ħallsu qabel l-eta’ ta’ 19-il sena, biex b’hekk, jekk jilħqu l-minimu meħtieg, ikollhom id-dritt li jieħdu l-pensjoni minima mnaqqsa. Din il-miżura ser tkun l-aktar ta’ benefiċċju għan-nisa li kellhom jieqfu mix-xogħol biex irabbu familja.
  • Il-pensjonanti m’għadhomx jiġu intaxxati fuq dħul li jirriżulta minn kwalunkwe tip ta’ pensjoni sa massimu stabbilit.
  • Fl-2020 il-limitu eżentat żdied aktar għal €15,798 għal koppja miżżewġa li għandha pensjoni waħda u għal €13,798 f’każijiet oħra. Ir-rati ġew aġġustati fl-2021 għal €17,398 għal persuna b’komputazzjoni miżżewġa (inkluż dħul ta’ €3,600 minn kwalunkwe sors ta’ dħul ieħor) u €14,058 għal komputazzjonijiet oħra.
  • Il-pensjonanti tas-servizz jibbenefikaw minn dħul ogħla kull sena b’riżultat ta’ għotja ta’ eżenzjoni ta’ €200 fil-pensjoni tas-servizz tagħhom.
  • Mill-2019, dawk il-pensjonanti tas-servizz li jgħalqu 72 sena, saru eliġibbli għal tnaqqis ta’ 75%, minflok 50%, tal-parti kkommutata tal-pensjoni tas-servizz tagħhom għall-iskop tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali tagħhom.
  • Fl-2020 daħlet miżura li tolqot persuni li kienu fil-forzi dixxiplinati u meta rtiraw mis-servizz sabu mpjieg ieħor. Bit-tibdil li sar meta dawn il-persuni jilħqu l-età tal-irtirar u ssir l-evalwazzjoni tal-pensjoni kontributorja għall-irtirar, jekk ikun jaqblilhom bdew jitqiesu wkoll is-snin meta kienu fis-servizz qabel irtiraw minflok tal-aħħar 11, 12 jew 13-il sena tal-impjieg tagħhom.
  • Romol ingħataw id-dritt għal pensjoni sħiħa irrispettivament mill-qligħ tagħhom mill-impjieg jew mill-età tat-tfal tagħhom.
  • Il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-pensjonanti li komplew jaħdmu wara li laħqu l-età tal-pensjoni huma kkunsidrati fil-kalkolu tal-pensjoni tagħhom mill-età ta’ 65 sena.
  • Fl-2019 l-applikabilità tal-valutazzjoni tal-pensjoni għal impjegati li bbenefikaw minn skemi ta’ irtirar kmieni ġiet estiża għal impjegati li għażlu skemi bħal dawn qabel Jannar 2008. Qabel, l-intitolament għal tali valutazzjoni kien ristrett għal impjegati li rtiraw kmieni wara Jannar 2008.
  • Ingħatat konċessjoni lil persuni li ħadmu fil-Libja wara Jannar 1990, u li kienu affettwati ħażin minn bidliet fil-Ftehim Bilaterali dwar is-Sigurtà Soċjali bejn Malta u l-Libja. Dawn il-persuni setgħu jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom billi pprovdew evidenza dokumentata tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet fil-Libja jew billi setgħu jħallsu sa 10 snin ta’ kontribuzzjonijiet nieqsa f’Malta.
  • Biex issaħħaħ ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet, tnediet Strateġija għall-Irtirar u l-Kapaċità Finanzjarja. Hija primarjament imfassala biex teduka gruppi vulnerabbli fis-soċjetà dwar kif jiġu bbaġitjati u mmaniġġjati l-flus u tingħata prijorità biex tinkiseb kwalità tal-ħajja aħjar.

Miżuri li Jinċentivaw ix-Xogħol flok il-Benefiċċji Soċjali (Making Work Pay)

L-pakkett ta’ inizjattivi għal suq tax-xogħol attiv ġie varat fl-2015 biex jiġu inċentivati ​​l-benefiċjarji soċjali u nisa biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Il-pakkett jinkludi l-iskema tal-Benefiċċju Waqt l-Impjieg u t-Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji.

In-Work Benefit

L-iskema tal-In-Work Benefit hija mmirata biex ittejjeb is-sitwazzjoni ta’ familji bi dħul baxx jew medju fejn koppji miżżewġa (it-tnejn jew waħda minnhom) jew ġenituri waħedhom huma impjegati u għandhom tfal dipendenti sal-età 23 ta’ sena. Il-benefiċċji huma kkalkulati fuq id-dħul nett mill-impjieg u l-eliġibilità ma taffettwax l-intitolament tal-familji għall-Allowance tat-Tfal. Ir-rati pagabbli u l-limiti tad-dħul ġew riveduti u msaħħa fl-2019.

Matul l-2020 bħala parti mill-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika biex jilqa’ għall-isfida tal-Covid-19 sar titjib fir-rata mħallsa u twessgħu l-limiti biex iktar familji jkunu eliġibbli għal dan il-benefiċċju. Fil-Baġit tal-2021 dawn it-thresholds ġew estiżi mill-ġdid:

  • Għall-koppji, fejn it-tnejn jaħdmu, il-limitu tela’ għal €35,000
  • Għall-ġenituri waħedhom li jaħdmu, il-limitu tela’ għal €23,000
  • Għall-koppji fejn ġenitur wieħed biss jaħdem il-limitu tela’ għal €26,000

Ir-rati pagabbli sa €100 għal kull wild għal koppji miżżewġa; b’ €50 għal kull tifel fil-kategorija għal ġenituri waħedhom; u bi €80 għal kull tifel jew tifla f’familja fejn wieħed mill-ġenituri jkollu impjieg bi qligħ.

Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji

L-iskema tat-Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċji hija mfassla biex tnaqqas il-persuni li jiddependu minn Benefiċċji tal-Qgħad u Soċjali u tipprovdilhom sigurtà akbar meta jidħlu jidħlu fis-suq tax-xogħol. Minbarra li telimina r-riskju ta’ persuni li jaqgħu fin-nasba ta’ dipendenza, l-inizjattiva twitti t-triq għall-benefiċjarju biex jinvesti f’pensjoni kontributorja futura permezz tal-ħlas tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali.

Taħt l-iskema, benefiċjarji jitħallew iżommu parti mill-benefiċċji soċjali tagħhom meta jidħlu fis-suq tax-xogħol. Fl-ewwel sena tagħhom f’impjieg huma jżommu 65% tal-benefiċċju, u 45% u 25% fis-sentejn ta’ wara. Matul l-istess perjodu, min iħaddimhom huwa assenjat 25% tal-benefiċċju.

Iż-żewġ skemi kellhom suċċess notevoli fl-inkoraġġiment ta’ Persuni, l-aktar ġenituri waħedhom li jirċievu l-Għajnuna Soċjali u tal-Qgħad, biex isibu impjieġ. Flimkien mas-servizz b’xejn għall-Ħarsien tat-Tfal, ikkontribwew biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Dan wassal biex tonqos b’mod drastiku d-dipendenza fuq l-assistenza soċjali.

Persuni b’diżabilità

  • Anki persuni b’diżabilità sabuha aktar faċli li jsibu xogħol. L-impjieg tagħhom kien iffaċilitat permezz ta’ inċentivi fiskali offruti lil min iħaddem u permezz tal-infurzar ta’ liġi promulgata fl-1969 biex tirriżerva 2% tal-ħaddiema ta’ kumpaniji b’aktar minn 20 impjegat għal persuni b’diżabilità.
  • Fl-istess ħin, persuni b’diżabilità fl-impjieg u li jaqilgħu aktar mill-paga minima ngħataw id-dritt li jżommu l-Pensjoni tad-Diżabilità tagħhom.
  • Barra minn hekk, il-Pensjoni tad-Diżabilità ġiet riformata, primarjament biex tassisti persuni li minħabba d-diżabilità tagħhom qatt ma setgħu jkunu f’pożizzjoni li jaħdmu bi qligħ u li jkollhom l-opportunità li jissupplimentaw il-pensjoni tagħhom bi dħul minn
  • Dawn il-persuni issa huma intitolati għall-ogħla rata ta’ Fl-2019 l-allowance ġiet miżjuda minn €140 għal €150 fil-ġimgħa, u twitti t-triq għall-istadju li jmiss tar-riforma li tipprevedi l-iffissar tal-allowance indaqs mal-Paga Minima Nazzjonali netta. Fil-fatt dan seħħ fl-2020 meta finalment intemmet ir-riforma bil-benefiċċjarji jieħdu żieda ta’ €11.40 fil-ġimgħa u l-allowance saret ekwivalenti tal-Paga Minima Nazzjonali netta.
  • Minbarra l-Indiċi Barthel li japplika għal persuni bi problemi ta’ mobbiltà, fl-2019 ġiet introdotta Valutazzjoni tal-Indeboliment biex twessa’ il-parametri tal-eliġibbiltà għal forom oħra ta’ diżabilità severa.
  • L-istess riforma neħħiet il-projbizzjoni għal Pensjoni tad-Diżabilità għal persuni li, għalkemm neqsin driegħ jew riġel, ma kinux ikkunsidrati bħala eliġibbli għal-liġi.
  • Bħala parti mir-riforma fl-Assistenza għal Diżabilità fl-2020 twessgħu l-kriterji mediċi sabiex persuni neqsin mis-smigħ jew li ma jitkellmux meta jagħlqu s-16-il sena jsiru eliġibbli għal dan il-benefiċċju.
  • Permezz ta’ ċaqlieq ieħor fl-2021 fil-parametri tal-Barthel Index u għal kundizzjonijiet ta’ diżabilta’ intellettwali, aktar persuni li għandhom xi forma ta’ diżabilita’ u ma jistgħux jaħdmu saru eliġibbli għall-assistenza miżjuda wkoll.
  • Fl-istess sena ġie ntrodott benefiċċju ġdid bl-isem ta’ Għotja għal Carer maħsub għal dawk il-ġenituri li jkollhom jieqfu mix-xogħol biex jikkuraw wild b’diżabilita’ fl-eta’ ta’ aktar minn 16-il sena u li jkunu ntitolati għall-Assistenza Miżjuda għal Diżabilita’ Severa. L-għotja hija ta’ €300 fis-sena.
  • Meta persuni b’diżabilità jaslu għal età pensjonabbli jkunu intitolati għal pensjoni ekwivalenti għall-Pensjoni tal-Irtirar mhux kontributorja.
  • Fl-2020 saret revizzjoni fl-iskema biex persuni b’diżabilità jingħataw għajnuna biex jixtru apparat speċjali għall-użu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. L-massimu tal-għotja. li tingħata skont il-livell ta’ diżabilità biex tkopri parti sosstanzjali tal-ħlas tal-VAT, żdied b’€400 għal €1,000.

Anzjani

  • Fl-2012 ġiet introdotta Għotja għal Ċittadin Anzjan ta’ €300 għal persuni anzjani, li għandhom età ta’ 80 sena u aktar, li jibqgħu jgħixu f’darhom jew ma’ qraba. L-età ta’ eliġibilità tnaqqset is-sena ta’ wara għal 75.
  • Fl-2020 din l-għotja żdiedet b’€50 għal €350 għal dawk fost il-benefiċċjarji fl-età ta’ 80 sena u aktar.
  • Fl-istess sena, għall-ewwel darba din l-għotja bdiet tingħata lil persuni anzjani li minn buthom iħallsu biex jgħixu fi djar residenzjali għall-anzjani.
  • Għotja annwali titħallas lil persuni li għandhom età ta’ bejn 62 u 74 sena u li m’għandhomx Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali biżżejjed sabiex jikkwalifikaw għall-Pensjoni Kontributorja. Eluf ta’ persuni, l-aktar nisa miżżewġa, ibbenefikaw mill-bonus li jvarja bejn €150 u €250 skont in-numru ta’ kontribuzzjonijiet. (2014 u 2017). Minn Jannar 2019, il-bonus żdied b’€50 għal € 200 u €300 rispettivament. Fl-2021 r-rati annwali żdiedu mill-ġdid b’€50 għal €250 u €350.
  • Mill-2020 persuni li jagħlqu il-75 sena komplew igawdu mill-bonus li jkunu ntitolati għalih.
  • Sabiex persuni anzjani jkunu nkoraġġiti jkomplu jgħixu fi djarhom u fil-komunità tagħhom, saret riforma fil-Pensjoni tal-Carers u fl-Allowance tal-Carers. Il-Pensjoni li issa hija magħrufa bħala Allowance Miżjuda għall-Carers, titħallas lil dawk li il Carers, inklużi l-konjuġi, li jieħdu ħsieb persuni b’livell għoli ta’ dipendenza. L-Allowance tal-Carers hija maħsuba għal dawk li jieħdu ħsieb persuni b’livell medju ta’ dipendenza. Fiż-żewġ każijiet, ir-rati pagabbli tjiebu konsiderevolment, u t-test tal-mezzi m’għadux applikabbli fl-għoti tal-Allowance Miżjuda għall-Carers. Jekk benefiċjarju ta’ din l-allowance miżżewweġ jitlef id-dritt għal intitolament għal benefiċċju soċjali ieħor, allowance oħra ta’ kull ġimgħa hija permessa lil kull membru ieħor fil-familja. (2017 – 2018)
  • L-kundizzjonijiet ġew imsaħħa aktar fl-2019 biex l-applikanti għaż-żewġ allowances jiġu eżentati minn test tal-mezzi. Persuni miżżewġin li jgħixu fl-istess dar ma’ persuna anzjana saru eliġibbli biex jirċievu l-Allowance għall-Carers sakemm jilħqu l-età tal-pensjoni.
  • Tibdil ieħor seħħ fl-2021 biex persuni rtirati jingħataw l-opportunita’ li jikwalifikaw ukoll għal dawn il-benefiċċji, sakemm ma jkunux qed jieħdu ħsieb konjugi tagħhom u li perjodikament jiġu eżaminati biex jkun aċċertat li jkunu jifilħu fiżikament u mentalment biex jagħtu din il-kura.
  • Is-sussidju magħruf bħala Carer at Home introdott fl-2017, li jingħataw anzjani li jagħżlu li jibqgħu jgħixu fi djarhom u jimpjegaw persuna full time jew part time biex tieħu ħsiebhom, fl-2021 ir-rata massima tiegħu żdiedet b’€709 għal €6,000 fis-sena.
  • Koppji miżżewġin u persuni waħedhom, inklużi pensjonanti bi dħul baxx jibbenefikaw minn riforma tal-Assistenza Supplimentari li kienet tinvolvi rati ogħla u ż-żieda fil-limitu tad-dħul għal persuni miżżewġin biex jikkwalifikaw għall-benefiċċju. (2017). Fl-2020 l-allowance addizzjonali li titħallas kull sena mal-Għajnuna Supplimentari lil persuni ta’ 65 sena u akbar li jkunu f’riskju ta’ faqar żdied b’€50 għal €150 fis-sena.
  • Fl-2021, permezz ta’ aġġornament fil-mekkaniżmu ta’ kif jinħadmu r-rati tal-Għajnuna Supplimentari, ir-rati żdiedu sa massimu ta’ bejn €70 u €108 skont id-dħul u l-istat konjugali tal-benefiċċjarji. Barra minn hekk is-suppliment addizzjonali ta’ €150 beda jitħallas bla distinzjoni lil kull persuna ta’ 65 sena u akbar, li tikkwalifa għal din l-għajnuna.

Romol

  • Romol f’impjieg u li jirċievu pensjoni kontributorja ingħataw id-dritt li jibbenefikaw minn benefiċċji tal-mard. (2018)
  • Pensjonanti romol bi tfal taħt l-età ta’ 18-il sena huma ntitolati għal allowance għal kull wild. Fl-2020 din l-allowance żdiedet minn €5.46 għal €10 fil-ġimgħa għal kull wild sew jekk armla jew armel jkunu jaħdmu jew jieqfu mix-xogħol.
  • Permezz ta’ emenda fil-liġi dwar is-Sigurta’ Soċjali t-tifsira ta’ armla jew armel ġiet aġġornata biex f’każ ta’ mewt ta’ wieħed jew waħda mill-partijiet, persuni li kienu f’unjoni ċivili jew reġistrati f’koabitazzjoni jiġu rikonoxxuti wkoll bħala romol tal-koabitant/a jew s-sieħeb/sieħba tagħhom. L-emenda ħasbet ukoll għal dawk iċ-ċirkostanzi fejn minħabba l-mewt ta’ waħda mill-partijiet bejn l-1 ta’ Jannar tal-2017 u l-31 ta’ Diċembru tal-2020, fejn ma kienx hemm żwieg jew unjoni ċivili, il-koabitazzjoni ma laħqitx ġiet ikkuntrattata taħt l-ewwel Att u lanqas taħt it-Tieni. (2021), dawn jingħataw id-dritt għall-pensjoni tar-romol jekk jikkwalifikaw.

Familji bit-tfal

  • Ir-rata tal-Benefiċċju tal-Maternità żdiedet għall-ekwivalenti tal-Paga Minima Nazzjonali għan-nisa li jaħdmu għal rashom. Id-dritt għall-Leave tal-Maternità ġie estiż b’ġimgħatejn oħra għal 18-il ġimgħa. (2013)
  • Ġenituri adottivi eliġibbli għall-Benefiċċju tal-Leave fuq l-istess linji tal-Leave tal-Maternità. (2015)
  • Għotja ta’ €10,000 introdotta sabiex tgħin ġenituri li jadottaw biex jiġu kopruti spejjeż għall-adozzjoni ta’ tfal minn barra l-pajjiż. (2018). Fl-2021 koppji li jaddottaw tfal lokalment saru eliġibbli wkoll għal din l-għotja, iżda l-massimu li jitħallas fis-sena huwa ta’ €1,000.
  • Ir-rata minima annwali tal-Allowance għat-Tfal żdiedet minn €350 għal €450 għal kull wild. Fl-istess waqt, kapijiet tal-familja li għandhom paga minima saru eliġibbli għall-ogħla rata ta’ Allowance tat-Tfal. (2013)
  • Allowances tat-Tfal li jitħallsu lil familji bi dħul gross annwali ta’ inqas minn €20,000 gross (€18,000 nett) fis-sena żdiedu fl-2019. L-ogħla rata pagabbli żdiedet b’€96 għal €1,252. Din kienet l-ewwel żieda mill-2008.
  • Mal-ħlas tal-Allowances tat-Tfal mill-2021 daħal kunċett ġdid taħt is-sura ta’ suppliment addizzjonali għal kull wild biex familji jkunu megħjuna jlaħħqu aktar mal-ispejjeż tat-trobbija. Is-suppliment huwa ta’ €70 fis-sena għal tfal fejn id-dħul tal-familja ma jaqbiżx €25,318; u ta’ €50 għal tfal ta’ familji li d-dħul tagħhom jaqbeż dan l-ammont.
  • Minn Jannar tal-2020 beda jingħata għall-ewwel darba bonus ta’ darba ta’ €300 għal kull twelid jew adozzjoni biex tgħin familji fiż-żieda fl-ispejjeż li jkollhom.
  • Ġenituri li minħabba mard rari li jolqot lill-uliedhom ikollhom jieqfu mix-xogħol biex iduru b’uliedhom mill-2020 bdew jikkwalifikaw għal kontribuzzjonijiet akkreditati tas-sigurtà soċjali biex il-perjodu ta’ waqfien mix-xogħol ma jaffettwax ħazin ir-rekord tal-kontribuzzjonijiet. B’hekk meta jilħqu l-età tal-pensjoni jkunu eliġibbli għal pensjoni aħjar.
  • Ir-rata ta’ kull ġimgħa tal-Foster Care Allowance żdiedet aktar fl-2010 u fl-2018 biex tilħaq €100 għal kull tifel u tifla. Fl-2021 ir-rata kompliet tiżdied by €10 fil-ġimgħa biex laħqet is-somma ta’ €5,720 fis-sena.
  • L-Allowance ta’ Ltim estiża għal ltima li jaħdmu. (2018)
  • L-Allowance għat-Tfal b’Diżabilità li titħallas lill-ġenituri ta’ tfal li jbatu minn xi forma ta’ diżabilità fiżika jew mentali żdiedet fl-2014 minn €16.31 għal €20 fil-ġimgħa. L-allowance żdiedet aktar fl-2019 għal €25 fil-ġimgħa.
  • Ġenituri waħedhom ingħataw l-opportunità li fl-istess ħin jibbenefikaw mill-ħlas ta’ Assistenza Soċjali u minn stipendju meta jibdew studji post-sekondarji. L-ammont pagabbli ta’ Assistenza Soċjali u l-istipendju madankollu ma jistgħux jaqbżu l-paga minima nazzjonali. Fl-2019 din il-konċessjoni ġiet estiża għall-benefiċjarji tal-assistenza soċjali li għandhom iktar minn 23 sena li jiddeċiedu li jibdew studji fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija jew fl-Università ta’ Malta. 

Miżuri Oħra

  • L-Allowance għad-Dipendenti mid-Droga żdiedet darbtejn biex tgħin lil persuni affettwati li jsegwu programm ta’ riabilitazzjoni għall-abbuż mid-droga jew mill-alkoħol. (2016 u 2018)
  • Fl-2019 persuni li jaħdmu għal rashom ingħataw id-dritt storiku li jirċievu Benefiċċji tal-Qgħad jekk jieqfu mill-attività tagħhom u jibdew jirreġistraw għax-xogħol, b’hekk tqegħidhom fuq l-istess livell bħal persuni impjegati.
  • Koppji miżżewġin li jbatu minn mard kroniku u li jirċievu l-Assistenza Medika mhux kontributorja saru eliġibbli għal żieda ta’ €5.14 fil-ġimgħa fl-2019.
  • Il-mekkaniżmu tat-test tal-mezzi rriformat biex jinħoloq limitu wieħed għall-Għajnuna mhux Kontributorja kollha, inkluż l-Karta Roża. (2017)
  • Eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa fir-rati tal-benefiċċji pagabbli taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. (2016)
  • L-Att dwar is-Sigurtà Soċjali jipprovdi għall-ħlas ta’ Assistenza Medika sakemm il-kap tal-familjja jkun suġġett għal test tal-mezzi. Emenda fil-leġiżlazzjoni fl-2019 tat rikonoxximent bħala kap tal-familja lil ulied li jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom u li qed jirċevu l-Allowance Miżjuda għall-Carers jew l-Allowance għall-Carers, jekk applikaw għal assistenza medika.
  • Fl-2019 ukoll, il-persuni kollha b’diżordni bipolari, depressjoni bil-psikożi u mard terminali ingħataw id-dritt għall-Assistenza Medika jekk jissodisfaw il-kriterji tat-test tal-mezzi.
  • Minn Jannar tal-2020 il-kundizzjonijiet tal-Fibromyalgia u ME bdew jiffurmaw parti mill-lista ta’ kundizzjonijiet tal-Għajnuna għal Mard mhux kontributorja. B’hekk dawk li minħabba l-kundizzjoni tagħhom ma jistgħhux jaħdmu, jekk jissodisfaw it-test tal-mezzi u l-kriterji mediċi ta’ eligibiltà jsiru ntitolati għall-għajnuna medika.
  • Persuni li jkunu taħt kura medika kontinwa bħal fil-każ ta’ kanċer, fl-2020 bdew jikwalifikaw fil-ħlas tal-Benefiċċju Kontributorju għall-Mard. Dawn il-persuni saru ntitolati għal ħlas tal-benefiċċju mill-ewwel ġurnata, mit-tieni talba ‘l quddiem.
  • Fl-istess sena, persuni severament invalidi, saru ntitolati għall-istess livell tal-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa, li hija ekwivalenti għal Paga Minima Nazzjonali netta, jekk jiġu ċċertifikati mit-tobba fl-ogħla livell ta’ indeboliment skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. F’każ li persuni ma jkollomx il-medja massima ta’ kontribuzzjonijiet jitħallsu pro-rata.

 

Il-Logo tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali

Font Resize
Contrast