Il-missjoni u l-valuri tagħna
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Leġiżlazzjoni tasSigurtà Soċjali, li tipprovdi għall-ħlas ta’ benefiċċji taħt l-iskemi kontributorji u mhux kontributorji. Dawn l-iskemi jkopru l-popolazzjoni kollha li b’xi mod tirċievi dawn il-benefiċċji. Id-Dipartiment huwa prinċipalment involut li jassigura li jingħata appoġġ finanzjarju lil dawk is-sezzjonijiet tal-komunita’ li fil-biċċa l-kbira huma fil-bżonn, jiġifieri dawk bi dħul baxx, il-morda, l-anzjani u dawk qiegħda.
L-funzjonijiet ewlenin tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huma li:
- Jevalwa, jħallas u jipprovdi informazzjoni dwar il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali
- Jħeġġeġ lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet biex ikunu konxji, u biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-legiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali
- Jżomm kont tas-sistema tas-sigurtà soċjali
- Jagħti parir lill-Ministru dwar l-iżvilupp ta’ liġijiet effettivi u dinamiċi għas-sigurtà soċjali
Missjoni
“biex nipprovdu l-għajnuna finanzjarja korretta u benefiċċji soċjali oħra lil persuni eliġibbli fil-ħin”
Viżjoni
Filwaqt li nibqgħu leali għall-prinċipji u l-valuri tagħna, għandna nimxu maż-żmienijiet fil-mod kif naqdu u noperaw. Nafu li ż-żminijiet jinbidlu u li l-evoluzzjoni tagħna trid tkun sostanzjali u kontinwa, sabiex taqdi lill-ġenerazzjonijiet futuri b’mod effiċjenti u kompassjonali.
Valuri
- Billi tipprovdi għajnuna finanzjarja kif u fejn meħtieġ, is-Sigurtà Soċjali tippromwovi, issostni u ttejjeb id-dinjità ta’ kull persuna u b’hekk tikkontribwixxi għat-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem
- B’għarfien sħiħ tat-tendenzi li qed jinbidlu u l-ħtiġijiet emerġenti, is-sistema tas-sigurtà soċjali Maltija tkun aġġornata kontinwament biex tiżgura r-rispett u d-dinjità ta’ kull persuna fis-soċjetà
- L-integrità, il-kwalità, il-kontabbiltà, il-lealtà, in-nondiskriminazzjoni, il-fiduċja, l-imparzjalità u l-ugwaljanza huma l-bażi tas-sistema tas-Sigurtà Soċjali Maltija