Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Estiż il-benefiċċju għall-ġenituri ta’ persuni b’diżabbiltà li għandhom 16-il sena jew aktar u li minħabba l-għeluq tal-iskejjel u servizzi oħra ma jistgħux imorru għax-xogħol

23/03/2021 | Aħbar Riċenti, Stqarrija

Diskussjonijiet bejn il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà wasslu biex il-benefiċċju mħabbar il-ġimgħa l-oħra għall-ġenituri se jkun estiż ukoll lil dawk il-ġenituri ta’ persuni b’diżabbiltà li għandhom 16-il sena jew aktar u li minħabba l-għeluq tal-iskejjel u servizzi oħra ma jistgħux imorru għax-xogħol, ma jkunx possibbli li jaħdmu mid-dar u li jkunu fuq leave bla ħlas biex jieħdu ħsieb uliedhom.

Dan il-benefiċċju japplika għal dawk il-ġenituri li qegħdin jirċievu allowance għal Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li din l-iskema hija ta’ serħan il-moħħ għal ġenituri ta’ persuni b’diżabbiltà biex ikunu jistgħu jibqgħu d-dar ma’ wliedhom peress li kemm l-iskejjel kif ukoll servizzi oħrajn li kienu jattendu dawn il-persuni jinsabu magħluqin. Fl-istess waqt, jibqgħu jirċievu għajnuna finanzjarja. B’hekk ikun qiegħed jiġi assigurat li ħadd ma jaqa’ lura.

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr illi l-għan ewlieni tal-gvern huwa li jibqa’ jassisti l-familji Maltin u Għawdxin, speċjalment dawk vulnerabbli. Il-Ministru Michael Falzon qal li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fi ħdan il-Ministeru diġà ħadem l-ewwel applikazzjonijiet milqugħa b’rabta mal-benefiċċju għall-ġenituri. Fil-fatt, numru ta’ ġenituri se jibdew jirċievu l-ewwel pagamenti minn nhar is-Sibt li ġej. “Dan huwa gvern illi se jkompli jġorr piżijiet li l-familji bħalissa ma jifilħux għalihom, kawża tal-pandemija, u qed nagħmlu dan għax verament nemmnu fil-ġustizzja soċjali,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Min-naħa tagħha, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà Samantha Pace Gasan qalet li l-Kummissjoni nnutat li dawk il-ġenituri ta’ persuni b’diżabbiltà li għalqu 16-il sena u li ma setgħux ikomplu jmorru jaħdmu kienu qegħdin f’sitwazzjoni żvantaġġjata. Il-Kummissjoni qajmet dan il-punt mad-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza, sabiex ikun jista’ jibda jingħata l-appoġġ finanzjarju lill-familji tal-persuni b’diżabbiltà li fis-sitwazzjoni preżenti wkoll ma jistgħux imorru għax-xogħol.

L-iskema issa ġiet estiża wkoll għall-ġenituri ta’ tfal ta’ 16-il sena jew adulti li għandhom diżabbiltà, f’koppja miżżewġa, f’unjoni ċivili jew f’koabitazzjoni skont il-Liġijiet ta’ Malta, fejn iż-żewġ membri tal-koppja jaħdmu jew ġenitur waħdu li:

  1. Jaħdem full-time jew part-time fis-settur privat.
  2. Ma jistax jaħdem mid-dar.
  3. Ma jistax imur għax-xogħol biex jieħu ħsieb tal-persuna b’diżabbiltà bejn il-15 ta’ Marzu u l-11 ta’ April.
  4. Ikun fuq leave bla ħlas.
  5. Min iħaddmu ma jkunx qed jirċievi l-wage supplement għalih.

Fil-każ ta’ koppja fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu u t-tnejn ma jistgħux jaħdmu mid-dar, il-benefiċċju jitħallas lil wieħed jew waħda miż-żewġ ġenituri.

Din l-iskema tikkonsisti f’dan li ġej:

  1. Persuna li taħdem full-time u tiġi eliġibbli tibda titħallas dan il-benefiċċju fl-ammont ta’ €166.15 fil-ġimgħa.
  2. Persuna li taħdem part-time u tiġi eliġibbli tibda titħallas il-benefiċċju fl-ammont ta’ €103.85 fil-ġimgħa.
  3. Il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali tkun imħallsa sabiex id-drittijiet għall-pensjoni kontributorja jkunu mħarsa matul il-perjodu li jdum jitħallas dan il-benefiċċju.
  4. Min għandu dritt għall-in-work-benefit jibqa’ jirċevih bla waqfien u mingħajr tnaqqis.
  5. Min għandu dritt għat-tapering tal-benefiċċji jibqa’ jirċevih bla waqfien u mingħajr tnaqqis.

Il-pagament tal-benefiċċju dovut lill-persuna eliġibbli se jkun qed jitħallas dirett fil-kont bankarju tal-applikant kull ġimgħa.

Din l-iskema hija applikabbli mill-15 ta’ Marzu sal-11 ta’ April 2021. Madankollu dan il-perjodu jista’ jkun estiż jekk ikun meħtieġ.

L-applikazzjoni għall-benefiċċju tinsab online fis-siti https://socialsecurity.gov.mt u https://family.gov.mt​.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq Freephone 153.​​​

Feedback