Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Eżempji ta’ Emails tal-Phishing: Kif Tagħraf l-Emails Li Huma Qarrieqa fil-Posta Li Tirċievi

01/05/2024 | Aħbar Riċenti

L-emails tal-phishing huma qarrieqa u perikolużi. Dawn il-messaġġi frodulenti huma mfassla biex jikkonvinċu lir-riċevituri biex jiżvelaw informazzjoni personali, jikklikkjaw fuq links malizzjużi, jew iniżżlu hemżiet dannużi. Biex tipproteġi lilek innifsek u ma ssirx vittma tal-attakki tal-phishing, huwa importanti li tagħraf is-sinjali ta’ twissija l-aktar komuni u titgħallem minn eżempji ta’ veru ta’ emails tal-phishing. F’dan l-artikolu, se nuru xi xenarji tipiċi ta’ emails tal-phishing u nispjegaw kif tista’ tidentifika s-sinjali tipiċi ta’ tentattiv ta’ phishing.

Ifhem it-Theddida tal-Phishing

Il-phishing huwa forma ta’ ċiberkriminalità fejn l-attakkanti jippużaw bħala entitajiet affidabbli sabiex jimmanipulaw lir-riċevituri biex iwettqu azzjonijiet speċifiċi. Dawn l-azzjonijiet ħafna drabi jinkludu l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva bħall-kredenzjali tal-login, dejta finanzjarja, jew dettalji personali. Attakki tal-phishing jista’ jkollhom konsegwenzi devastanti, minn serq tal-identità għal telf finanzjarju u vjolazzjoni tad-dejta.

Biex ngħinuk tevita li tinqabad fin-nasba tal-phishing, se naraw flimkien ftit eżempji u niddiskutu s-sinjali ta’ twissija li trid tkun attent għalihom.

Eżempju 1: Emails tal-Bank Foloz

Suġġett: Urġenti: Aġġornament tas-Sigurtà Huwa Meħtieġ

Għażiż [Ismek],

Indunajna b’attività mhux tas-soltu fil-kont tal-bank tiegħek. Biex tipproteġi l-kont tiegħek, ikklikkja l-link t’hawn taħt biex tivverifika l-identità tiegħek.

[Link: Ikklikkja Hawnhekk biex Tivverifika]

Dejjem tiegħek,

Għajnuna għall-Klijenti ta’ [Isem il-Bank]

Sinjali ta’ Twissija:

  • Tislima Ġenerika – Emails tal-phishing ħafna drabi jużaw tislimiet ġeneriċi bħal “Għażiż Klijent” minħabba li ma jkollhomx informazzjoni speċifika dwar ir-riċevitur.
  • Ton Urġenti – Il-phishers ħafna drabi joħolqu sens ta’ urġenza biex jagħmlu pressjoni fuq ir-riċevituri biex jaġixxu bil-għaġla.
  • Link Mhux Mitluba – Qatt m’għandek tikklikkja fuq links li jkunu f’emails mhux mitluba, speċjalment jekk dawn jgħidu li ġejjin mill-bank tiegħek jew minn xi organizzazzjoni fdata oħra. Iċċekkja l-link mingħajr ma tikklikkjaha biex tara l-URL attwali, li jista’ jiżvela dominju mhux uffiċjali.

Eżempju 2: Email Minn Sit tal-Midja Soċjali Falz

Suġġett: Twissija tas-Sigurtà tal-Kont

Għażiż [Ismek],

Indunajna b’tentattiv biex isir login mhux tas-soltu fil-kont tal-midja soċjali tiegħek. Biex tipproteġi l-kont tiegħek, irrisettja l-password tiegħek billi tikklikkja fuq l-link t’hawn taħt.

[Link: Irrisettja l-Password]

Grazzi,

It-Tim ta’ [Sit tal-Midja Soċjali]

Sinjali ta’ Twissija:

  • Twissija Mhux Mistennija – Xi emails tal-phishing ħafna drabi jindikaw li huma minn siti tal-midja soċjali, banek, jew pjattaformi online oħra u jwissu dwar aċċess mhux awtorizzat.
  • Tislima Ġenerika – L-email tuża tislima ġenerika minflok tindirizzak b’ismek.
  • Link Suspettuż – Għal darb’oħra, evita li tikklikkja fuq links mhux mitluba. Minflok, żur direttament is-sit tal-midja soċjali billi tittajpja l-URL fil-brawżer tiegħek.

Eżempju 3: L-Ingann ta’ Rebbieħ Ta’ Lotterija

Suġġett: Proset! Irbaħt $1,000,000!

Għażiż Rebbieħ Ixxurtjat,

Għandna pjaċir ninfurmawk li rbaħt $1,000,000 fil-lotterija internazzjonali tagħna. Biex tikseb il-premju tiegħek, ġentilment ibagħtilna ismek sħiħ, l-indirizz, u d-dettalji tal-bank tiegħek.

Proset!

[Organizzazzjoni ta’ Lotterija Qarrieqa]

Sinjali ta’ Twissija:

  • Notifika Mhux Mitluba – Tafdax notifiki ta’ rebħ jew offerti minn lotteriji li ma ħadtx sehem fihom.
  • Talba għal Informazzjoni Personali – Organizzazzjonijiet leġittimi ma jitolbux informazzjoni sensittiva permezz tal-emails.
  • Żbalji fil-Grammatika u l-Ortografija – L-emails tal-phishing ħafna drabi jkun fihom żbalji tal-lingwa, peress li dawk li jridu jingannawna jistgħu ma jkunux jafu jitkellmu sewwa l-lingwa li qed jużaw.

Eżempju 4: Email Urġenti Biex Tirrisettja l-Password

Suġġett: Tintalab Tirrisettja l-Password Minnufih

Il-password tal-kont tiegħek ġiet kompromessa. Biex tipproteġi s-sigurtà tiegħek, ikklikkja l-link t’hawn taħt biex tirrisettja l-password tiegħek.

[Link: Irrisettja l-Password Tiegħi]

Grazzi,

[Isem ta’ Kumpanija Leġittima ]

Sinjali ta’ Twissija:

  • Indirizz Mhux tas-Soltu tal-Mittent: Iċċekkja l-indirizz elettroniku tal-mittent. Dawk li jridu jingannawna jistgħu jużaw dominji li jixxiebħu jew servizzi tal-posta elettronika bla ħlas.
  • Tislima Ġenerika: L-email ma tkunx ippersonalizzata u tindirizza lir-riċevitur bħala “Ħelow” jew “Għażiż Utent”.
  • Talbiet Mhux Mistennija: Dejjem ivverifika l-awtentiċità ta’ emails bħal dawn billi tikkuntattja direttament lill-kumpanija permezz tal-kanali uffiċjali qabel ma twettaq xi azzjoni.

Ipproteġi Lilek Innifsek Kontra l-Attakki tal-Phishing

L-attakki tal-phishing ħafna drabi jisfruttaw il-fiduċja u l-emozzjonijiet tagħna. Meta ssir taf iktar dwar is-sinjali ta’ twissija komuni u titgħallem mill-eżempji tal-emails tal-phishing, tkun tista’ tipproteġi lilek innifsek aħjar kontra dan it-theddid. Dawn huma xi suġġerimenti ġenerali li għandek iżżomm f’moħħok:

  • Ivverifika l-Mittent – Iċċekkja l-awtentiċità tal-indirizz elettroniku tal-mittent. Jekk jidher suspettuż, tafdax l-email.
  • Oqgħod Attent Rigward l-Urġenza – Oqgħod attent meta tirċievi emails li joħolqu sens ta’ urġenza jew jagħmlu pressjoni fuqek biex twettaq xi azzjoni minnufih.
  • Tikklikkjax Links Mhux Mitluba – Evita li tikklikkja fuq links f’emails ġejjin minn sorsi mhux magħrufa jew mhux fdati.
  • Ivverifika Ma’ Sorsi Uffiċjali – Jekk tirċievi email suspettuża minn organizzazzjoni li inti tafda, ivverifika l-leġittimità tagħha billi tikkuntattja direttament lill-organizzazzjoni permezz tal-kanali uffiċjali.
  • Ibqa’ Infurmat: Żomm lilek innifsek aġġornat rigward l-aħħar tattiċi tal-phishing u l-ingann billi tibqa’ infurmat regolarment dwar it-theddid taċ-ċibersigurtà.

Ftakar li ċ-ċiberkriminali jevolvu kontinwament it-tattiċi tagħhom, u għalhekk li tibqa’ viġilanti hija l-aħjar difiża tiegħek kontra l-attakki tal-phishing.