Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Iċ‑Charter Tagħna

x’għandek tistenna mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali – Malta

 

Iċ-Charter Tagħna jiddeskrivi l-prinċipji, l-għanijiet, u r-responsabbiltajiet lejn iċ-ċittadini taħt l-Att tas-Sigurtà Soċjali (Kap.318). Jenfasizza t-trasparenza, l-affidabbiltà, u l-valuri ewlenin ta’ responsabbiltà, dinjità, ugwaljanza, u rispett. Iċ-charter jenfasizza s-sigurtà soċjali bħala dritt tal-bniedem u servizz pubbliku, bil-għan li ttejjeb kontinwament l-effiċjenza. Jiddettalja wkoll l-impenn tad-Departiment tas-Sigurtà Soċjali li jipprovdi appoġġ empatiku, preċiż, u f’waqtu, u jinkoraġġixxi r-rispons taċ-ċittadini biex ittejjeb il-kwalità tas-servizz. Iċ-charter jindirizza wkoll il-ġestjoni tal-ilmenti u l-iżvilupp tal-politika.

 

Dwar iċ‑Charter Tagħna

Servizz Orjentat Lejn in‑Nies

Ir‑Rispons Huwa Importanti Għalina

Prospetti Aħjar għall‑Futur Tagħna

Daħla

Dan il‑Kapitlu huwa parti essenzjali mill‑impenn tagħna li nagħtu servizzi trasparenti u affidabbli mid‑Dipartiment tas‑Sigurtà Soċjali (DSS) f’Malta. L‑għan ewlieni ta’ dan iċ‑charter huwa li jservi bħala dokument ta’ gwida li jiddeskrivi l‑prinċipji, l‑għanijiet u r‑responsabbiltajiet tagħna lejn iċ‑ċittadini tagħna. Huwa mfassal biex jiżgura li inti, bħala membru stmat tas‑soċjetà tagħna, ikollok fehim ċar tad‑drittijiet u l‑benefiċċji li inti intitolat għalihom u x’inhuma l‑istandards tas‑servizz li għandek tistenna minna skont l‑Att tas‑Sigurtà Soċjali (Kap.318.).

X’Inhu ċ‑Charter Tagħna?

Iċ‑Charter tagħna huwa mibni fuq il‑prinċipji msemmija hawn fuq u jipprovdi għarfien prattiku dwar it‑twettiq tagħhom. Hu jiddeskrivi dak li tista’ tistenna mid‑Dipartiment tas‑Sigurtà Soċjali waqt li jikkjarifika d‑drittijiet tiegħek.

Min aħna?

Is‑sigurtà soċjali hija dritt fundamentali tal‑bniedem li japplika għal kull individwu f’Malta. Hija investiment fina nfusna u f’xulxin, minħabba li sservi bħala servizz pubbliku kruċjali li kull wieħed minna jista’ jiġi bżonn f’kull ħin. Għaldaqstant, huwa importanti li nirrikonoxxu li ċ‑Charter Tagħna huwa pussess kollettiv li jappartjeni lill‑membri kollha tal‑komunità tagħna.

Min jiżgura li ċ‑Charter Tagħna qed jitwassal?

Kull individwu għandu responsabbiltà personali biex jiżgura t‑twettiq prattiku taċ‑Charter Tagħna billi:

  • Ikollu għarfien tad‑drittijiet u r‑responsabbiltajiet tagħna.
  • Jitkellem meta dawn l‑impenji ma jkunux qed jiġu mwettqa.

Lil min tista’ tgħid jekk taħseb li ċ‑Charter Tagħna mhux qed jintlaħaq?

Napprezzaw ir‑rispons tiegħek għax jgħinna ntejbu s‑servizz tagħna. Jekk tixtieq tagħmel xi suġġeriment dwar kif nistgħu ntejbu s‑servizzi tagħna jew jekk għandek ilment, aħna qegħdin hawn biex nisimgħuk. Id‑Dipartiment tas‑Sigurtà Soċjali se jittratta t‑tħassib tiegħek bħala prijorità, jieħu ħsieb l‑ilment tiegħek b’integrità u ġustizzja u jżommok infurmat waqt li jaħdem miegħek għal soluzzjoni sodisfaċenti.

Dwar xiex jista’ jkun l‑ilment tiegħek

Il‑proċess tal‑immaniġġjar tal‑ilmenti jeżamina l‑ilmenti li jsiru mill‑pubbliku dwar is‑servizzi tad‑Dipartiment tas‑Sigurtà Soċjali. Dawn l‑ilmenti jistgħu jkunu dwar:

  • Dewmien mhux raġonevoli.
  • Li jkun qed jingħata servizz, spjegazzjoni jew raġunijiet inadegwati.
  • Żball legali.
  • Żball fattwali fil‑proċess tat‑teħid tad‑deċiżjonijiet.
  • Żball uman.
  • Nuqqas fil‑proċedura.
  • Azzjoni jew deċiżjoni diskriminatorja.
  • Proċess amministrattiv difettuż.
  • Għarfien jew taħriġ inadegwat tal‑persunal.
  • Imġiba mhux professjonali minn xi uffiċjal.
  • Ksur tad‑dover jew imġiba ħażina minn xi uffiċjal.

X’neħtieġu mingħandek

Jekk jogħġbok kun ċar, fattwali u għidilna r‑riżultat li tixtieq. Meta tagħtina ismek u d‑dettalji ta’ kuntatt se tgħinna biex inkunu nistgħu nikkuntattjawk biex b’hekk inkunu nistgħu nibdew insolvu l‑kwistjoni mall‑ewwel. Jekk tagħtina rispons b’mod anonimu, ma nkunux nistgħu nirrisponduk lura. Intant, dan xorta jkun ta’ gwida għalina biex nidentifikaw b’xi difett fil‑proċess.

X’se jkun ir‑rispons tagħna

Nimmiraw li nsolvu l‑ilmenti fi żmien għaxart (10) ijiem tax‑xogħol. Jekk ma nistgħux insolvu l‑ilment tiegħek, se nispjegaw għaliex u nigwidawk għal għażliet oħra tiegħek.

Kif tagħmel Suġġeriment, Kumpliment jew Ilment

Jekk tixtieq tipproponi suġġeriment, tagħmel kumpliment jew tressaq ilment, tista’ tagħmel dan billi tikklikkja hawn.

X’tista’ tagħmel jekk ma tkunx sodisfatt bir‑rispons tad‑Dipartiment?

Jekk m’intix sodisfatt bil‑mod li bih ġie ttrattat it‑tħassib tiegħek, inti tista’ tressaq Appell quddiem l‑Arbitru kontra deċiżjoni mid‑Dipartiment tas‑Sigurtà Soċjali fi żien tletin (30) ġurnata mid‑data ta’ meta tkun ġejt infurmat bid‑deċiżjoni billi tikklikkja hawn.

Kif tista’ tirrapporta frodi jew imġiba ħażina ssuspettata kontra d‑Dipartiment tas‑Sigurtà Soċjali

Ir‑rapporti kollha ta’ xi attività ssuspettata li hi frawdolenti, imwettqa kontra d‑Dipartiment tas‑Sigurtà Soċjali, jiġu investigati. Jekk tirrapporta suspett ta’ frodi jew kondotta ħażina, il‑privatezza u l‑kunfidenzjalità tiegħek jiġu rispettati. Tista’ ukoll tibgħat rapport anonimu f’każijiet bħal dawn. Meta tissottometti r‑rapport tiegħek, kemm jekk anonimu jew le, int ma tkunx intitulat li tkun infurmat kif jiżvolġi l‑każ. Tista’ tissottometti rapport billi tikklikkja hawn.

Is‑servizzi disponibbli biex jgħinuk tressaq ilment, tagħmel kumpliment jew tipprovdi feedback

Jekk tixtieq tressaq ilment, tagħmel kumpliment jew tipprovdi feedback u ma tixtieqx tagħmel dan online, tista’ tgħaddihom bil‑miktub fl‑indirizz li ġej:

Dipartiment tas‑Sigurtà Soċjali 38, Triq l‑Ordinanza Il‑Belt Valletta VLT 1021

servizz orjentat lejn in‑nies

Aħna qegħdin hawn biex niżguraw li inti tikseb dak kollu li int intitolat għalih.

Is‑Sigurtà Soċjali ta’ Malta se:

  • Turi paċenzja, ħniena u empatija, waqt li tqis kif tistaʼ tkun qed tħossok inti f’dawn iċ‑ċirkustanzi.
  • Tisimek, tafdak, u tittrattak bħala individwu.
  • Titkellem miegħek b’mod li inti tifhem eżatt x’inhu mitlub minnek.
  • Tittratta lil kulħadd b’ugwaljanza, ġustizzja, u mingħajr diskriminazzjoni.
  • Tipprovdi appoġġ matul il‑proċess tal‑applikazzjoni tiegħek, iżżommok infurmat u tispjegalek il‑passi u r‑raġunijiet għaliex.
  • Tiżgura li l‑persunal tagħna jkollu għarfien estensiv dwar is‑sigurtà soċjali biex jgħinek tirċievi l‑intitolamenti li ħaqqek.
  • Għandek ukoll id‑dritt li jkollok lil xi ħadd li tafda jappoġġjak.
  • Tieħu deċiżjonijiet b’mod konsistenti u preċiż, u tistinka biex tagħmilhom tajbin mill‑ewwel.
  • Tigwidak fuq deċiżjonijiet ħżiena li tkun se tieħu issa, li jistgħu jaffettwawlek il‑futur.
  • Tkun trasparenti u tagħti spjegazzjonijiet ċari għad‑deċiżjonijiet, inkluża gwida dwar x’għandek tagħmel jekk ma taqbilx.
  • Tipproċessa l‑pagamenti fil‑ħin u b’mod preċiż, biex tiżgura li inti tirċievi l‑ammont korrett.
  • Tipprovdi referenzi xierqa rigward organizzazzjonijiet, servizzi jew riżorsi oħra li jistgħu jikkontribwixxu għat‑titjib tal‑benessri jew is‑sitwazzjoni finanzjarja tiegħek.
  • Tinfurmak jekk nemmnu li tista’ tkun intitolat għal benefiċċji mhux amministrati mis‑Sigurtà Soċjali ta’ Malta.
  • Tirrekluta individwi li jagħtu prijorità lill‑għoti ta’ servizz ibbażat fuq l‑ugwaljanza, ir‑rispett, id‑dinjità u d‑drittijiet tal‑bniedem.
  • Nipprovdu servizzi fil‑ħin u faċli għall‑utent.
  • Nipprovdulek proċessi ta’ xogħol effettiv.

ir‑rispons huwa importanti għalina

Aħna ninkoraġġixxu r‑rispons u nagħtu l‑kapacità lin‑nies biex iwasslu eċċellenza fis‑servizz.

Is‑Sigurtà Soċjali ta’ Malta se:

  • Tisma’, titgħallem, u titjieb billi tieħu r‑responsabbiltà għall‑iżbalji u tivvaluta il‑feedback, l‑ilmenti u d‑deċiżjonijiet tal‑appelli.
  • Tħeġġek biex tagħtina r‑rispons, tispjegalek il‑proċess tal‑ilmenti, u tagħmel kull sforz biex tirrettifika kwalunkwe kwistjoni.
  • Tinvolvi lill‑individwi li jużaw is‑servizz fil‑kejl tal‑effikaċja tiegħu, inkluża l‑aderenza valutata mal‑impenji deskritti fiċ‑Charter tagħna.
  • Tiżgura li l‑membri tal‑persunal ikunu mħarrġa sew, appoġġjati u mgħammra biex iwettqu dmirijiethom b’mod effettiv.
  • Tiżgura li l‑membri tal‑persunal jifhmu l‑ħtiġijiet differenti tal‑individwi u l‑ostakli li jistgħu jiffaċċjaw, filwaqt li jiġi żgurat li ħadd ma jesperjenza diskriminazzjoni bbażata fuq l‑identità tagħhom.
  • Tħeġġeġ lill‑membri tal‑persunal biex jitkellmu meta jemmnu li jista’ jsir titjib sabiex tisseddaq il‑kwalità tas‑servizz.
  • Trawwem forza tax‑xogħol li tirrifletti d‑diversità tal‑poplu ta’ Malta.
  • Trawwem kultura ta’ fiduċja permezz tal‑ftuħ u t‑trasparenza.
  • Tikkollabora ma’ organizzazzjonijiet oħra biex tiżgura li s‑servizzi u l‑politiki jkunu kkoordinati biex jagħtu l‑aħjar għajnuna u appoġġ possibbli.
  • Tħeġġeġ organizzazzjonijiet oħra li jaħdmu fis‑sigurtà soċjali biex jadottaw l‑approċċ deskritt fiċ‑Charter Tagħna.
  • Tistabbilixxi servizzi f’postijiet li huma aċċessibbli u inklużivi, u li jiżguraw ambjent akkoljenti għal kulħadd.

prospetti aħjar għall‑futur tagħna

Aħna se ninvestu fin‑nies tagħna biex nagħmlu differenza pożittiva fil‑kwalità tal‑ħajja tagħna.

Is‑Sigurtà Soċjali ta’ Malta se:

  • Tinkorpora l‑prinċipji tas‑sigurtà soċjali u ċ‑Charter Tagħna fil‑proċess tat‑tfassil tal‑politika.
  • Tinvolvi individwi b’esperjenzi differenti tas‑sigurtà soċjali fl‑iżvilupp tal‑politiki.
  • Tifformula politiki li għandhom l‑għan li jippromwovu l‑ugwaljanza, in‑nondiskriminazzjoni, u d‑dritt tal‑bniedem għas‑sigurtà soċjali kif definit mil‑liġijiet, it‑trattati, u l‑linji gwida.
  • Tutilizza s‑setgħat tas‑sigurtà soċjali biex tiffaċilita l‑parteċipazzjoni sħiħa u attiva tal‑individwi fis‑soċjetà.
  • Tippromwovi perċezzjoni pożittiva tas‑sigurtà soċjali, filwaqt li tenfasizza li huwa servizz pubbliku li wieħed jiftaħar bih, u huwa dritt tal‑bniedem li hu disponibbli għal kull min jiġi bżonnu.
  • Tisfida pubblikament kunċetti żbaljati u sterjotipi dwar is‑sigurtà soċjali biex titnaqqas l‑istigma u l‑perċezzjonijiet negattivi.
  • Timmodifika l‑lingwa użata fir‑rigward tas‑sigurtà soċjali, billi tinkorpora termini aktar pożittivi biex tiddeskrivi s‑servizz u l‑individwi li jibbenefikaw minnu.
  • Tfittex modi kif ir‑regoli tal‑eliġibilità jsiru aktar ġusti u tqis li tintroduċi benefiċċji ġodda biex jintlaħqu l‑ħtiġijiet li qed jevolvu.
  • Tirrevedi r‑rati tal‑ħlas tal‑benefiċċji kull sena skont l‑aġġustament tal‑għoli tal‑ħajja (COLA).
  • Ittejjeb ir‑rati tat‑teħid tal‑benefiċċji, billi tiżgura li l‑akbar numru possibbli ta’ individwi eliġibbli jirċievu l‑benefiċċji li huma intitolati għalihom, b’enfasi partikolari li jintlaħqu dawk li għandhom l‑akbar probabbiltà li jiġu esklużi.
  • Tuża s‑setgħat tas‑sigurtà soċjali biex tikkontribwixxi għat‑tnaqqis tal‑faqar.
  • Tikkollabora ma’ servizzi pubbliċi oħra biex tappoġġja l‑kisba tal‑Miri Nazzjonali, li jiddefinixxu l‑viżjoni tal‑Gvern Malti għal Malta aktar ġusta u b’aktar ġid.
  • Talloka r‑riżorsi b’mod ġust u effiċjenti, billi tagħti valur għall‑flus filwaqt li tagħti prijorità lill‑benessri tal‑individwi.
  • Tiżviluppa mekkaniżmi ta’ kejl biex jiġi vvalutat il‑progress fil‑konfront tal‑impenji deskritti fiċ‑Charter tagħna.