Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Il-miżuri fil-pensjoni għal dawk li twieldu qabel l-1962

01/02/2024 | Aħbar Riċenti

L-ewwel miżura – din hija li minn din is-sena ‘l quddiem huwa garantit li KULL pensjonant twieled meta twieled se jkun qed jiżdied l-istess meta tingħata ż-żieda ġenerali fil-Budget.  B’hekk tneħħiet anomalija li kienet se tibda tolqot lill-pensjonanti minn dis-sena ‘l quddiem.  Ma setgħetx tolqot qabel għax dawk li twieldu fl-1962 jew wara kienu għadhom mhux bil-pensjoni.

It-tieni miżura – din tikkonċerna d-Dħul Pensjonabbli Massimu ta’ dawk li twieldu qabel l-1962.  Dan kull sena se jibda jiżdied sakemm jiġi daqs ta’ dawk li twieldu fl-1962 jew wara. Fl-2024 id-Dħul Pensjonabbli Massimu ta’ dawk li twieldu qabel l-1962 se jkun ta’ €22,000.

Dan ifisser li fl-2024, jista’ jkun li jkun hemm żieda addizzjonali sa massimu ta’ €9.47 fil-ġimgħa però dan jiddependi fuq l-ammont tad-Dħul Pensjonabbli tal-pensjonant.

Id-Dħul Pensjonabbli huwa il-medja tas-salarji li fuqhom tinħadem il-pensjoni.

Jekk id-Dħul Pensjonabbli (ibbażat fuq is-salarji li wieħed kellu) kien ogħla minn €20,424 fis-sena kif aġġustat fl-2023, tista’ titħallas żieda addizzjonali li ma taqbiżx l-ammont imsemmi ta’ €9.47. Dawk lis-salarji tagħhom kien ikun anqas minn €20,424 fl-2023, mhux se jirċievu aktar żidiet għaliex diġà qed jirċievu pensjoni li hija ibbażata fuq is-salarji sħaħ li kellhom.

Ħa nagħtu 3 eżempji ssimplifikati biex wieħed jifhem aħjar.

  1. Ġanni kien jaħdem ma’ kumpanija bħala Storekeeper u rtira fl-2010 b’salarju ta’ €12,500 fis-sena. Is-salarji tal-grad li kellu fil-kumpanija baqgħu jiżdiedu kull sena u b’hekk id-Dħul Pensjonabbli aġġornat tiegħu fl-2023 kien ta’ €15,000.  Għalhekk kellu pensjoni ta’ żewġ terzi ta’ dawn u kien qed jieħu €10,000 fis-sena jew €192.30 fil-ġimgħa.  Dan għalhekk qed jieħu iż-żewġ terzi sħaħ fil-każ tiegħu u t-tieni miżura ma tolqtux.
  2. Michael kien jaħdem ma’ kumpanija bħala Senior Supervisor u rtira fl-2015 b’salarju ta’ €18,000 fis-sena. Is-salarji tal-grad li kellu fil-kumpanija baqgħu jiżdiedu kull sena u b’hekk id-Dħul Pensjonabbli aġġornat tiegħu fl-2023 kien ta’ €20,900.  Minħabba li dan huwa aktar mid-Dħul Pensjonabbli Massimu ta’ €20,424 fl-2023, huwa ma kienx qed jirċievi ż-żewġ terzi tas-salarji li kieku kellu fl-2023 imma żewġ terzi ta’ €20,424 jew €261.85 fil-ġimgħa. Id-Dħul Pensjonabbli tiegħu fl-2024 mistenni jkun ta’ madwar €21,737 li żewġ terzi tagħhom jiġu €278.68 fil-ġimgħa.  Iżda li kieku ma saritx dil-miżura, Michael minflok kien ikollu pensjoni ta’ €272.58 fil-ġimgħa.  Dan għalhekk irid jirċievi d-differenza ta’ bejn €278.68 u €272.58 u allura jieħu żieda addizzjonali ta’ €6.10 fil-ġimgħa.  B’hekk huwa jiġi qed jieħu iż-żewġ terzi sħaħ fil-każ tiegħu mill-2024 ‘il quddiem.
  3. Richard kien jaħdem bħala Assistent Direttur u rtira fl-2020 b’salarju ta’ €35,000. Minħabba li dan is-salarju, u s-salarji li kellu fis-snin ta’ qabel irtira, kienu ogħla mid-Dħul Pensjonabbli Massimu, huwa ma kienx jirċievi pensjoni ta’ żewġ terzi tas-salarji tiegħu imma żewġ terzi tad-Dħul Pensjonabbli Massimu li fl-2023 kien ta’ €20,424 jew €261.85 fil-ġimgħa, Id-Dħul Pensjonabbli Massimu fl-2024 se jkun ta’ €22,000 li żewġ terzi tagħhom jiġu €282.05 fil-ġimgħa.  Iżda li kieku ma saritx dil-miżura, Michael minflok kien ikollu pensjoni ta’ €272.58 fil-ġimgħa.  Dan għalhekk irid jirċievi d-differenza ta’ bejn €282.05 u €272.58 u allura jieħu żieda addizzjonali ta’ €9.47 fil-ġimgħa.  B’hekk huwa xorta mhux se jkunu qed jieħu ż-żewġ terzi sħaħ fil-każ tiegħu mill-2024 ‘il quddiem u għalhekk ikun intitolat għal aktar żidiet addizzjonali kull meta jgħola d-Dħul Pensjonabbli Massimu.

Persuni self-employed ukoll jistgħu jibbenefikaw jekk id-dħul li kellhom iddikjarat u li fuqu nħadmitilhom il-pensjoni kien ogħla mid-Dħul Pensjonabbli Massimu kif kien meta rtiraw.