Logo
Logo
  • MT
  • EN

Abbona biex tibqa’ infurmat dwar l-aħbarijiet riċenti dwar il-Politika Soċjali.

Q

Talba mill-Fond tal-Leave tal-Ġenituri / Adozzjoni

Ħarsa ġenerali

Kull wieħed mill-ġenituri mpjegati u anke ġenituri addottivi mpjegati huma intitolati għal erba’ (4) xhur Leave tal-Ġenituri / Adozzjoni għal kull wild, li jrid jittieħed sakemm it-tifel/tifla ikun/tkun għalaq/għalqet it-tmien (8) snin. L-ewwel xahrejn (2) jew tmien (8) ġimgħat mhumiex trasferibbli u huma eliġibbli għall-ħlas tal-benefiċċji. Filwaqt li t-tieni xahrejn (2) jew tmien (8) ġimgħat huma trasferibbli bejn il-ġenituri, iżda ma jitħallsu ebda benefiċċju.

L-Avviż Legali 201 tal-2022, jipprovdi li l-ewwel tmien (8) ġimgħat ta’ leave tal-ġenituri / adozzjoni jitħallsu lil min iħaddem f’isem impjegati li jkunu ġenituri jew ġenituri adottivi. Ir-rata tal-ħlas applikabbli hija r-rata tal-Miżżewġin stabbilita għall-Benefiċċju tal-Mard.

Min iħaddem għandu jitlob rifużjoni mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għal massimu ta’ tmien (8)  ġimgħat ta’ perjodu ta’ Leave tal-Ġenituri / Adozzjoni f’erba’ (4) pagamenti ta’ ħlas ta’ ġimgħatejn (2) kif se jiġi spjegat aktar ‘il quddiem. L-ewwel erba’ (4) ġimgħat li jistgħu jintalbu sakemm it-tifel/tifla ikun/tkun ikollu/ikollha erba’ (4) snin, jew separatament f’żewġ (2) partijiet ta’ ġimgħatejn (2), jew f’talba waħda (1) ta’ erba’ (4) ġimgħat Leave tal-Ġenituri / Adozzjoni.

Bħala kumpens il-Kontribuzzjoni għall-Fond tat-Trust tal-Maternità / Adozzjoni li daħlet fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2015 permezz tal-Avviż Legali 257 tal-2015 (Att dwar Trusts u Trustees Kap. 331.), għandha tiġi aġġustata biex tirrifletti l-intitolamenti tal-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja stabbiliti bl-Avviż Legali 201. tal-2022, tat-12 ta’ Lulju 2022.

Is-Servizz Pubbliku u l-Entitajiet tas-Settur Pubbliku, Awtoritajiet, Aġenziji u Korporazzjonijiet Pubbliċi huma eżenti mill-kontribuzzjoni ta’ din l-iskema. Madankollu, l-impjegati tas-Servizz Pubbliku u tas-Settur Pubbliku huma intitolati għal Leave tal-Ġenituri / Adozzjoni.

X’se tingħata

Taħt din l-iskema, min iħaddem iħallas massimu ta’ tmien (8) ġimgħat ta’ Leave tal-Ġenituri / Adozzjoni  lill-impjegati tagħhom. Umbagħad japplikaw permezz ta’ applikazzjoni speċifika online għal Rifużjoni skont ir-rati ta’ benefiċċji applikabbli mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali meta l-impjegat jirritorna għax-xogħol. Għandha ssir talba għal rifużjoni għal kull impjegat/a individwali u għal kull wild kif ġej:

  • Ħamsin fil-mija (50%) jew erba’ (4) ġimgħat tad-dritt imħallas għal-leave tal-ġenituri / adozzjoni sa meta t-tifel/tifla ikollu/ikollha erba’ (4) snin;
  • Ħamsa u għoxrin fil-mija (25%) jew ġimagħtejn (2) tad-dritt imħallas għal-leave tal-ġenituri / adozzjoni sa meta t-tifel/tifla ikollu/kollha bejn ħames (5) u sitt (6) snin u
  • Ħamsa u għoxrin fil-mija (25%) jew ġimagħtejn (2) tad-dritt imħallas għal-leave tal-ġenituri / adozzjoni sa meta t-tifel/tifla ikollu/ikollha bejn seba’ (7) u tmien (8) snin.

Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.

Eliġibbiltà

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:

Il-Wild irid ikun twieled jew ġie addottat fi 02/08/2022 jew wara.

Għall-Leave tal-Ġenituri / Adozzjoni jeħtieġ li jkun hemm prova ta’ twelid / adozzjoni mill-persuna impjegata għal mill-inqas sena (1) kalendarja qabel id-data tat-Talba għal Leave tal-Ġenituri / Adozzjoni, lill-imgħallem tagħha li jkun qed jagħmel it-talba f’isimha.

Dan ifisser li l-impjegat għandu jkun impjegat mal-imgħallem li jkun qed jagħmel it-talba f’ismu, mill-anqas għal perjodu ta’ sena (1) kalendarja qabel id-data tal-bidu tal-Leave tal-Ġenituri / Adozzjoni.

Peress li persuni li jaħdmu għal rashom ma jikkontribwixxux għal Fond tal-Leave tal-Maternità/Paternità, mhumiex intitolati għal talbiet tal-Fond tal-Maternità/Paternità. Għalhekk, dawn l-iskemi huma applikabbli biss għall-persuni impjegati, u t-talbiet mill-Fond tal-Leave tal-Maternità isiru mill-Fond għal min iħaddem, skont ir-rati applikabbli hekk kif stabbiliti għal kull skema. 

Xenarji Oħra

  • Il-Kontribuzzjoni tal-Maternità- Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja xorta għandha titħallas skont il-paga bażika ta’ kull ġimgħa għall-impjegati li jitħallsu bin-nofs paga.
  • Għandu jitħallas ukoll għal part-timers li jaħdmu sigħat irregolari. Dan għandu jiġi kkalkulat skont il-paga bażika ta’ kull ġimgħa.

Skejjel tal-Knisja

Għalliema li jaħdmu fl-Iskejjel tal-Knisja mhumiex ikkunsidrati bħala uffiċjali pubbliċi u għalhekk il-Kontribuzzjoni tal-Leave tal-Maternità għandha titħallas fir-rigward tagħhom.

Dokumentazzjoni meħtieġa

Dokumentazzjoni ġenerali:

  • Irċevuti tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali maħruġa mill-Kummissarju tat-Taxxi (CfR), li tkopri sena qabel it-Talba tal-Leave għall-Ġenituri / Adozzjoni.
  • Slips tal-Paga għall-paga/salarju mħallsa waqt il- Leave tal-Ġenituri / Adozzjoni.
  • FS3 tas-sena kalendarja preċedenti.
  • Fil-każ ta’ ġenituri separati, il-ġenitur li jagħmel it-talba għandu jipprovdi evidenza ċċertifikata li hu/hi jgawdi l-kustodja legali tat-tifel/tifla.
  • Fil-każ ta’ adozzjoni, Ċertifikat ta’ Adozzjoni huwa meħtieġ.
  • Lista ta’ Impjegati tal-Kumpanija mill-JobsPlus, li tindika d-data tal-bidu tal-impjieg mill-inqas sena (1) qabel it-Talba tal-Leave tal-Ġenituri / Adozzjoni.

Kif tapplika

Imla u ssottometti l-applikazzjoni online.