Allowance għal Carer
Ħarsa ġenerali
L-Allowance għal Carer tista’ tingħata lil persuna waħedha, miżżewġa, f’unjoni ċivili jew tikkoabita li għandha aktar minn tmintax-il (18) sena u tkun qed tieħu ħsieb il-kura ta’ wieħed jew żewġ qraba b’dipendenza baxxa, li jgħix/u fl-istess dar, fuq bażi full-time. Minn Jannar 2025, persuni li qed jieħdu ħsieb aktar minn pazjent wieħed, jistgħu japplikaw għall-Carer’s Allowance għaż-żewġ pazjenti billi jissottomettu applikazzjoni separatament flimkien mar-rapport mediku mimli minn Tabib għal kull pazjent filwaqt li r-rata ta’ ħlas tagħhom se tiżdied b’ħamsin fil-mija (50%).
X’se tingħata
l-Allowance għal Carer titħallas kull erba’ (4) ġimgħat bil-quddiem.
Jekk l-applikant għal Allowance għal Carer kien jaħdem qabel ma applika għal Allowance, huwa jista’ jkun intitolat għall-krediti tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali.
Apparti krediti tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali, benefiċjari li jkunu qed jirċievu Allowance għal Carer, jkunu jistgħu ukoll iħallsu kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali li jkunu neqsin mir-rekord kontributorja tas-Sigurta’ Soċjali tagħhom waqt li kienu carer. L-għan ta’ din l-iskema hu li jippermetti lill-applikanti, jew li jikkwalifikaw għall-penzjoni kontributorja, jew inkella biex itejbu ir-rata kurrenti jew prospettiva tal-pensjoni tagħhom. Ikklikkja hawn biex taqra aktar informazzjoni dwar din l-iskema.
Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Eliġibbiltà
- Il-carer trid tkun persuna waħedha, miżżewġa, f’unjoni ċivili jew tikkoabita u li qed tieħu ħsieb il-kura ta’ qarib wieħed (1) jew tnejn (2) tal-familja waħdu (konjuġi jew tal-ġenitur tagħha; ħuha; oħtha; nannitha; zijuha; zijitha; missier jew omm tar-rispett jew ħuha jew oħtha tar-rispett) li jgħix fl-istess dar kif definit fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap.318.).
- Il-carer għandu jkun taħt l-età tal-irtirar.
- Jekk il-carer tkun laħqet l-età tal-irtirar tista tapplika għal dawn l-Allowances jekk tkun qed tieħu ħsieb fuq bażi full-time u regolarment tal-ġenitur tagħha, ħuha, oħtha, nannitha, zijuha, zijitha, missier jew omm tar-rispett jew ħuha jew oħtha tar-rispett u li tkun qiegħda tgħix fl-istess dar ta’ abitazzjoni ta’ dik il-persuna li tkun carer tagħha. F’dawn il-każijiet, il-carer tiġi medikament assessjata mill-bord multi-dixxiplinarju u trid toqgħod għall-iskrutinju tal-bord mediku fuq bażi regolari kull sena.
- Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) japplikaw “Drittijiet Duplikati”, fejn benefiċjarju ma jistax jirċievi żewġ (2) pensjonijiet; benefiċċji; assistenza jew allowance fl-istess ħin, iżda l-aħjar rata ta’ pensjoni; benefiċċju; assistenza jew allowance.
- L-applikazzjoni għall-Allowance għal Carer mhux soġġetta għal Test tal-Meżżi.
- Bord Multi Dixxiplinarju jiddeċiedi jekk il-każ in kwistjoni jaqax fil-parametri mediċi għal ħlas ta’ din l-allowance wara valutazzjoni tal-Indiċi Barthel jew l-Eżami tal-Istat Mini-Mentali.
- Jekk il-carer jkun impjegat qabel ma japplika għal Allowance għal Carer, għandu d-dritt għall-krediti tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali jekk ikun:
- ħallas total ta’ mija u sitta u ħamsin (156) kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali; u
- ħallas jew ġie akkreditat b’medja ta’ mill-inqas ħmistax-il (15) kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali kull sena minn meta kiseb it-tmintax-il (18) sena tiegħu.
- Persuni singoli li jkunu jgħixu għal rashom fuq l-assistenza soċjali u jmorru jgħixu ma qarib anzjan/a biex jieħdu ħsiebu/ha, jekk jikkwalifikaw għal Allowance għal Carer, sa llum ikollhom tnaqqis fid-dħul tagħhom. Mill-1 ta’ Jannar 2023, dawn il-persuni xorta jibqgħu jirċievu l-istess ammont ta’ benefiċċju li kienu jirċievu qabel.
Dokumentazzjoni meħtieġa
- Żewġ (2) dokumenti huma meħtieġa li jittellgħu mal-applikazzjoni. Dawn jinkludu r-Rapport Mediku u l-Punteġġ tal-Indiċi Barthel għal kull pazjent u jridu jimtlew separatament għal kull pazjent li l-applikant qed jitlob li jieħu ħsieb.
Kif tapplika
Imla u ibgħat l-applikazzjoni online.