Allowance Miżjuda għall-Carers
Ħarsa ġenerali
L-Allowance Miżjuda għall-Carers tista’ tingħata lil persuna waħedha, miżżewġa, f’unjoni ċivili jew tikkoabita li għandha aktar minn 18-il sena u tkun qed tieħu ħsieb il-kura ta’ membru tal-familja, b’dipendenza għolja, li jgħix fl-istess dar, fuq bażi full-time.
X’ser jingħata
L-Allowance Miżjuda għall-Carers titħallas kull 4 ġimgħat bil-quddiem.
Jekk l-applikant għal Allowance Miżjuda għall-Carers kien jaħdem qabel ma applika għall-allowance, huwa jista’ jkun intitolat għall-krediti tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali.
Ikklikkja hawn għal Skeda tar-Rati tal-Benefiċċji.
Eliġibbiltà
Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:
- Il-carer tista’ tkun persuna waħedha, miżżewġa, f’unjoni ċivili jew tikkoabita u li qed tieħu ħsieb il-kura ta’ membru tal-familja waħdu (konjuġi jew tal-ġenitur tagħha; ħuha; oħtha; nannitha; zijuha; zijitha; missier jew omm tar-rispett jew ħuha jew oħtha tar-rispett) li jgħix fl-istess dar kif definit fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.)
- Il-carer għandu jkun taħt l-età tal-irtirar
- Jekk il-carer tkun laħqet l-età tal-irtirar tista tapplika għal dawn l-Allowances jekk tkun qed tieħu ħsieb fuq bażi full-time u regolarment tal-ġenitur tagħha, ħuha, oħtha, nannitha, zijuha, zijitha, missier jew omm tar-rispett jew ħuha jew oħtha tar-rispett u li tkun qiegħda tgħix fl-istess dar ta’ abitazzjoni ta’ dik il-persuna. F’dawn il-każijiet, il-carer tiġi medikament assessjata mill-bord multi-dixxiplinarju u trid toqgħod għall-iskrutinju tal-bord mediku fuq bażi regolari (kull sena).
- Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) japplikaw “Drittijiet Duplikati”, fejn benefiċjarju ma jistax jirċievi żewġ pensjonijiet; benefiċċji; assistenza jew allowance fl-istess ħin, iżda l-aħjar rata ta’ pensjoni; benefiċċju; assistenza jew allowance
- L-applikazzjoni għall-Allowance Miżjuda għall-Carers mhux soġġetta għal Test tal-Meżżi
- Bord Multi Dixxiplinarju jiddeċiedi jekk il-każ in kwistjoni jaqax fil-parametri mediċi għal ħlas ta’ din l-allowance wara valutazzjoni tal-Indiċi Barthel jew l-Eżami tal-Istat Mini-Mentali
- Persuna ta’ ‘l fuq minn 85 sena ma tidhirx quddiem il-Bord Mediku u tkun awtomatikament intitolata għall-Allowance Miżjuda għal Carers
- Jekk il-carer ikun impjegat qabel ma japplika għall-Allowance Miżjuda għall-Carers, huwa għandu d-dritt għall-krediti tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali jekk ikun:
- ħallas total ta’ 156 kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali; u
- ħallas jew ġie akkreditat b’medja ta’ mill-inqas 20 kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali kull sena minn meta kiseb l-18-il sena tiegħu
Dokumentazzjoni meħtieġa
Dokumentazzjoni ġenerali:
- Ikklikkja hawn biex tniżżel ir-Rapport Mediku tal-pazjent li jimtela’ mit-tabib
- Kopja tal-karta tal-identità tal-pazjent u tal-carer
Kif tapplika
Imla u ibgħat l-applikazzjoni online.